Bil-lukandieri Maltin jesperjenzaw tnaqqis ta’ 10.9% tat-turisti u tnaqqis ta’ 2.5% fl-infiq fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, qed jirriżulta wkoll li fl-aħħar ħames snin, l-industrija tat-turiżmu għamlet telf ta’ madwar €10 miljun. Dan irriżulta waqt preżentazzjoni mill-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) dwar ir-riżultati tal-ewwel kwart tas-sena fl-industrija tat-turiżmu li saret ilbieraħ filgħodu. Il-President tal-MHRA, Tony Zahra fid-diskors tiegħu enfasizza fuq it-telf ta’ €10 miljun f’ħames snin u qal li dan se jiġi rifless fis-snin li ġejjin meta jkun hemm bżonn li jsir tiġdid u rinnovazzjoni f’dan is-settur. Dan it-tiġdid ikun hemm bżonnu kull għaxar snin jekk mhux anke qabel. Għaldaqstant hemm bżonn li s-settur tat-turiżmu jkun wieħed sostenibbli. Zahra qal li s-sostenibbiltà ta’ dan is-settur ma taffettwax biss lill-investitur iżda lill-ekonomija kollha. Jekk ma jkollniex lukandi jew inkella dawn ikunu foqra, allura ma jkun hemm l-ebda industrija tat-turiżmu, la impjiegi u lanqas qligħ għall-gvern. Għaldaqstant, dan iħalli impatt fuq kulħadd. Il-President tal-MHRA ma kienx sorpriż bit-tnaqqis fl-ammont ta’ turisti li waslu f’pajjiżna hekk kif qal li sa minn Novembru tas-sena l-oħra hu kien wissa li t-tnaqqis ta’ 50,000 fil-kapaċità ta’ kemm jistgħu jinġarru passiġġieri setgħet tirriżulta li fil-fatt jaslu inqas turisti. Zahra qal ukoll li dan jikkonferma dak li tgħid l-MHRA, li l-aċċessibbiltà hija l-aktar ħaġa importanti biex nagħmlu suċċess.
|
No comments:
Post a Comment