Sunday, June 24, 2012

Pajjiżna bl-inqas rata ta’ ilma disponibbli fl-UE



Id-domanda għall-ilma hi d-doppju tal-provvista
Filwaqt li d-domanda ta’ ilma f’paj­jiżna hi ta’ 60 miljun metru kubu, il-provvista hi biss tan-nofs. Din hi l-inqas rata ta’ ilma disponibbli fl-Ewropa. Id-differenza jkollha tiġi minn impjanti ta’ disalinazzjoni li jipproduċu bejn 26 u 30 miljun metri kubu. 
Dan ġie spjegat mill-Idrologu Manuel Sapiano min-naħa tal-Awtorità Maltija tar-Riżorsi (MRA) waqt il-Konferenza Nazzjonali tal-Ilma organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Malta Business Bureau (MBB). 
Tkellem ukoll l-Idrologu Marco Cremona li ġie mqabbad mill-MBB biex iwettaq awditjar fuq numru ta’ kumpa­niji u lukandi. Ir-riżultati wrew li ħafna mill-kumpaniji u l-lukandi jistgħu jnaqqsu l-konsum tal-ilma billi jerġgħu jużawh jew inaqqsu l-konsum permezz ta’ proċessi sempliċi iżda effettivi. Fost l-oħrajn, Cremona semma li titnaqqas il-pressa fil-vitien, li jinġabar l-ilma tax-xita u li tiġi rregolata l-pressa tal-ilma. 
Min-naħa tagħhom, il-lukandi u n-negozji li pparteċipaw fil-koferenza qablu dwar il-mira li jnaqqsu l-konsum tal-ilma b’10%. Dwar dan, il-lukanda Hilton Malta u l-Bank APS spjegaw x’miżuri ħadu biex jaslu għal tnaqqis fil-konsum. 
L-Inġinier Joseph Restall qal li l-ewwel pass li għamlet il-lukanda Hilton kien li wettqu kampanja edukattiva fost l-impjegati tal-lukanda. Biex tiżgura li l-ilma jerġa’ jintuża, Hilton biddlet is-sistema tal-chlorine għal waħda li tuża ilma ta’ klassi inferjuri li jinġabar mir-reċipjenti tal-ilma. Barra minn hekk, fl-2006 introduċew sistemi li jnaqqsu l-konsum tal-ilma u anke bnew impjant li jnaddaf l-ilma. Din is-sistema tant hi effiċjenti li l-ilma żejjed qiegħed jinbiegħ bi prezz inqas minn dak li jinxtara mingħand tal-‘bowsers’.
Min-naħa l-oħra, APS ħadu ħsieb li ma jinħeliex ilma u li jkun hemm sistemi effiċjenti sa minn meta nbnew l-uffiċċji tagħhom fis-Swatar. Raw li s-sistemi kienu effiċjenti u ma kinux jitolbu ħafna manutenzjoni.

No comments:

Post a Comment