Qed nimxu ġurnata b’ġurnata… imma jista’ jkun ma naħarqux – Feliċ Zerafa, licensee Għalkemm għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali dwar jekk hux se jinħaraq nar fil-festa ta’ Santa Marija tal-Qrendi, id-dilettanti tan-nar Qrendin qegħdin isegwu l-kundizzjoni taż-żagħżugħ Joseph Mifsud u jaraw xi progress qed jagħmel ġurnata b’ġurnata. Kemm-il darba Mifsud jibqa’ fl-ITU, mhux se jinħaraq nar fil-festa b’turija ta’ rispett lejn seħibhom. Dan stqarru ma’ l-orizzont Feliċ Zerafa, li hu l-persuna li għandu l-liċenzja tal-Kamra tan-Nar ta’ Santa Marija tal-Qrendi. Fl-aħħar ta’ Mejju, iż-żagħżugħ ta’ 27 sena li hu magħruf ma’ sħabu bħala “d-dudu” kien involut f’inċident fil-kamra tan-nar ta’ Santa Marija, fejn sofra ħruq estensiv u kien anke fil-periklu tal-mewt. Zerafa sostna li l-kundizzjoni taż-żagħżugħ qalbet xi ftit għall-aħjar u qiegħed juri progress. Minkejja dan, xorta għadu jinsab fl-ITU. F’kuntatt li għamilna mal-Pulizija dawn ikkonfermaw li ż-żagħżugħ għadu fil-periklu tal-mewt. Lura lejn l-aħħar ta’ Mejju, Joseph Mifsud ta’ 27 sena mill-Qrendi kien involut f’inċident fil-Kamra tan-Nar fejn kien sofra ħruq estensiv. Minn stħarriġ li kienet għamlet il-Pulizija fuq il-post kien irriżulta li Mifsud kien qiegħed jippostja xi nar fil-kamra meta għal xi raġuni dan ħa n-nar u b’hekk iż-żagħżugħ sofra ġrieħi gravi, tant li spiċċa fil-periklu tal-mewt. Dan il-ġurnal kien ġie informat li r-raġel sofra ħruq f’sidru u f’dahru. Intant, il-komunità tal-Qrendi qiegħda torganizza diversi attivitajiet ta’ talb għall-bżonnijiet ta’ Mifsud. Fost l-oħrajn, organizzaw laqgħa ta’ talb fil-Kappella tas-Salvatur fil-Qrendi biex jitolbu għall-bżonnijiet taż-żagħżugħ u tal-familja tiegħu f’dan il-mument hekk diffiċli għalihom. Barra minn hekk, qegħdin ukoll jgħaddu messaġġi ta’ kuraġġ lil Joseph u lil familtu.
|
No comments:
Post a Comment