Il-kwistjoni tal-pilloli ‘out of stock’ tikkawża uġigħ ta’ ras għal ħafna familji. Minħabba dan, huma ħafna dawk li qegħdin jirritornaw il-mediċini żejda lill-istess spiżeriji għax mingħalihom li b’hekk jista’ jgawdi ħaddieħor. Minn dan mhu jiġri xejn. Dan għax l-awtoritajiet qegħdin jordnaw lill-ispiżjara biex il-mediċini mogħtijin b’xejn mill-gvern u li jkunu rritornati jintremew. Minn riċerka tal-Professur Anthony Zammit jirriżulta li din il-prattika, li mediċini tajbin jintremew, qiegħda tiswa lill-pajjiż €5.6 miljun. L-istess professur irnexxielu jiġbor borża kbira mimlija mediċini tajbin li kienu rritornati lil spiżerija waħda. It-TORĊA tkellmet mal-Professur Zammit li spjegalna li minħabba l-mod kif inhi mħaddma din l-iskema, f’ġimgħa qegħdin jintremew għadd ta’ pilloli li jkunu rritornati għand l-ispiżeriji minn nies li għal xi raġuni jkunu naqqsu d-doża li jkunu jieħdu. Meta dawn il-pilloli jkunu rritornati u l-ispiżjar jikkuntattja lill-awtoritajiet, dawn qegħdin jgħidulhom biex jarmuhom. Filfatt, minn riċerka li għamel l-istess professur, jirriżulta li f’ġimgħa dawn il-pilloli jammontaw għas-somma ta’ bejn €1,200 u €1,600. Meta tqis li hemm mat-83 spiżerija f’din l-iskema u tikkalkula li kollha jarmu din is-somma f’mediċini kull ġimgħa allura tasal għas-somma ta’ €5.6 miljun f’sena. Il-Professur Zammit spjegalna li l-problema hija li l-pazjenti li għandhom il-kartuna s-safra jkunu preskritti l-mediċini u minn żmien għall-ieħor iridu jmorru għand it-tabib biex jiċċekkjalhom id-doża li jridu jieħdu. Il-problema hija li jistgħu jagħmlu dan billi jmorru fiċ-ċentri tas-saħħa, fejn ħafna drabi jkollhom jistennew għal tul ta’ ħin. Minħabba f’hekk, in-nies jaħsbuha darbtejn, u minflok jagħżlu li jmorru għand tabib privat biex jagħmlilhom riċetta u anke jinvistahom. Meta jmorru għand tabib privat, dan joħdilhom xi €4 kull darba tar-riċetta u wisq aktar għall-viżta kompluta. Għalhekk, bosta huma dawk li jagħżlu li jmorru biss biex jingħataw riċetta mingħajr ma jkunu nvistati, b’konsegwenza li jingħataw preskrizzjoni għal aktar mediċini milli filfatt ikollhom bżonn. Il-Professur Zammit, li qajjem dan l-argument f’aġġornament tal-parlament, qalilna li b’dan il-mod, il-gvern qed jaġevola lill-importaturi tal-mediċini, bid-dannu għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Sostna, li jekk tara x’ikun qed jiġri, tinduna li peress li n-nies imorru għand tobba privati biex jinqdew huma jkunu qegħdin jixtru aktar pilloli milli jkollhom bżonn, b’konsegwenza li jkunu qegħdin inaqqsu mill-ammont ta’ mediċini disponibbli għal dawk li jużaw l-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek. Minħabba f’dan, il-gvern ikollu jordna iżjed pilloli, ladarba dawn ikunu ‘out of stock’. Għalhekk, meta jsir hekk il-gvern ikun qed jerġa’ jaġevola lill-importaturi tal-mediċini pe-ress li dawn ikollhom jimportaw aktar, filwaqt li fl-istess ħin jintremew ammont kbir ta’ pilloli li jkunu preskritti żejda.
|
No comments:
Post a Comment