Issa anke infestazzjoni ta’ nemus
Minħabba l-ħafna tkaxkir tas-saqajn li sar fil-proġett tal-Baċir Numru 1 f’Bormla, ir-residenti qegħdin ibatu minn diversi inkonvenjenzi. Barra t-telqa u t-tkissir li jkollhom jesperjenzaw kuljum, jidher li issa qegħdin ikollhom problema kbira oħra x’jiffaċċjaw hekk kif qegħdin ikunu infestati b’ammont ta’ nemus u insetti oħrajn li qegħdin jinġabru fl-istess baċir kawża ta’ ilma qiegħed. Bosta residenti minn dawn l-inħawi fl-aħħar jiem ilmentaw ma’ l-orizzont minħabba l-ammont ta’ nemus li kien hemm fiż-żona u li kienu qegħdin joħolqu inkonvenjent kbir lil min joqgħod f’dawk l-inħawi, fosthom lit-tfal. Residenti lmentaw kif f’dawn il-jiem ta’ sħana l-awtoritajiet ħallew dan l-ilma qiegħed għal diversi ġimgħat, liema ilma hu l-ambjent ideali biex fih ibejjet in-nemus u insetti oħrajn. Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva diversi lmenti minn residenti li joqogħdu qrib tal-Baċir Numru 1. Minn spezzjonijiet li saru minn uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali ġie kkonfermat li r-residenti kellhom raġun u nstab li possibilment il-kawża ta’ dan kienet ħofra kbira bl-ilma fil-baċir stess. Dwar din il-kwistjoni ġew informati l-uffiċjali fil-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u minn hemm sar kuntatt mal-Project Leader tal-Grand Harbour Regeneration Corporation plc, li hi responsabbli għall-proġett tal-iżvilupp tal-baċir. Fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju tbattal l-ilma qiegħed. Jidher li l-kawża kienet ġejja minn ilma li kien qed inixxi minn taħt it-triq u fil-baċir. F’nofs Ġunju reġgħet saret spezzjoni oħra fejn ġie nnotat li l-problema tan-nemus kienet naqset. Dan seħħ hekk kif beda jiġi ppompjat ilma baħar b’mod frekwenti u beda jiġi ċċirkolat l-ilma ħalli ma jitħalliex joqgħod. Kollox jindika li l-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma fl-aħħar jiem kienu fuq il-post jinvestigaw it-tnixxija ta’ ilma minn taħt it-triq lejn il-baċir. Jidher li ttieħdet id-deċiżjoni biex ftit jiem oħra parti kbira mill-ħofra tintradam. L-inkonvenjenti maħluqin minn dan il-proġett issa ilhom għaddejjin għal tul sew ta’ żmien u qegħdin jurtaw bil-kbir lin-nies li jgħixu fl-inħawi. Minn mindu beda dan il-proġett kien hemm ħafna tkaxkir tas-saqajn li wassal biex anke twaqqaf kuntrattur Taljan li kien imqabbad biex iwettaq dan il-proġett. Fil-Parlament, il-Ministru Austin Gatt kien qal li l-kuntrattur Taljan Marinelli Costruzione Spa waqa’ ħafna lura fix-xogħol u li dan id-dewmien ma kienx wieħed ġustifikabbli. Għaldaqstant, il-proġett għadda f’idejn grupp ta’ kuntratturi li ngħaqdu f’konsorzju biex ilestu dan il-proġett li qajjem kontroversji u inkonvenjenzi kbar. |
A collection of all the articles I write, and which are usually published in the local newspapers: It-Torca and l-Orizzont. There are also other articles which you can only find on this blog, so please keep coming back! Enjoy your visit
Friday, June 22, 2012
Ma jiqfux l-inkonvenjenti kkawżati mill-proġett tal-Baċir Numru 1 f`Bormla
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment