Friday, June 22, 2012

Min jibda ħajja ġdida u min ifittex futur aħjar








Filwaqt li lbieraħ għad-9 ta’ filgħodu ddaħħal grupp ta’ 20 Somalu rekbin fuq ‘dinghy’ li kienu ġejjin mit-Tuneżija, grupp ieħor ta’ 19-il persuna mis-Somalja, l-Eritrea u s-Sudan ħallew pajjiżna biex jibdew ħajja ġdida fl-Istati Uniti.
Fl-ewwel każ, grupp ta’ 20 immigrant, li qalu li huma Somali, ġew interċettati nhar l-Erbgħa fid-9.20 p.m. mill-Forzi Armati ta’ Malta (FAM). Dan il-grupp kien jikkonsisti fi 17-il raġel u tliet nisa, li kienu rekbin fuq ‘dinghy’. 
Meta l-patrol boat P32, li hi stazzjonata Għawdex, marret biex tagħti l-assistenza tagħha lill-immigranti, dawn irrif­ju­taw li jitilgħu iżda finalment spiċċaw jiġu skortati lejn Xatt it-Tiben. 
It-temp sabiħ u l-baħar kalm qisu żejt kienu jagħmluha inqas ikkomplikata għall-immigranti li jkomplu bil-vjaġġ tagħhom u kien għalhekk li ma ridux li jingħataw l-għajnuna. 
Min-naħa l-oħra, permezz tal-US Refugee Resettlement Program (USRRP), grupp ta’ 19-il persuna mis-Somalja, l-Eritrea u s-Sudan telqu lbieraħ lejn l-Istati Uniti fejn se jiġu milqugħin minn għaqdiet mhux governattivi Amerikani biex jitwasslu għad-destinazzjoni finali tagħhom f’diversi stati. Fost dawn id-19-il persuna hemm ‘single mother’, tarbija u 17-il raġel.
Fl-aħħar ħames snin kienu 1,024 l-immigranti li bbenefikaw minn dan il-proċess li jintbagħtu lejn l-Istati Uniti. Minnhom kienu 213 ħallew Malta din is-sena. Oħrajn mis­­tennijin iħallu pajjiżna fil-ġimgħat li ġejjin.

No comments:

Post a Comment