Sunday, June 24, 2012

L-SMSs li jirrapportaw id-dħaħen mill-vetturi







Fi żmien tliet snin jistgħu jgħibu r-rapporti fuq vetturi li jdaħħnu
Is-sistema fejn il-pubbliku hu mħeġġeġ li jirrapporta jekk jara xi vettura ddaħħan tidher li mhix tkun effettiva daqskemm kien ippjanat hekk kif il-proċeduri min-naħa ta’ Transport Malta biex jiġu ċċekkjati dawn il-vetturi qegħdin jieħdu wisq fit-tul. B’konsegwenza ta’ dan, diversi vetturi li ma jkunux skont il-livelli meħtieġa qegħdin jibqgħu jduru fit-toroq, b’detriment għall-kwalità tal-arja f’pajjiżna. Fl-2005 kienu 41,364 l-am­mont ta’ SMSs li ntbagħtu, filwaqt li dawn żdiedu għal 54,095 fl-2008. Minn dik is-sena ’l hawn in-numru ta’ SMSs li ntbagħtu beda jonqos b’mod drastiku kull sena. Fl-2009 intbagħtu 32,563 SMS u fl-2010 komplew jonqsu għal 19,568. Is-sena l-oħra komp­lew jonqsu hekk kif intbagħtu biss 13,951 SMS. B’kalkolu sempliċi, u jekk tkompli x-xej­ra tat-tnaqqis fl-SMSs, fi żmien tliet snin oħrajn din l-iskema tista’ tispiċċa għal kollox. 
L-Awditur Ġenerali analizza l-iskemi li jikkontrollaw l-emissjonijiet tal-vetturi, f’rap­port li jġib l-isem ta’  “Vehicle Emissions Control Schemes Follow-Up”.
Mir-rapport jirriżulta wkoll li n-numru ta’ spezzjonijiet fit-toroq, li jinkludu anke testi­jiet tal-emissjonijiet, naqsu drastikament matul is-snin. Fil-fatt kien hemm tnaqqis minn 3,165 test fil-perjodu bejn Ottubru tal-2006 u Ġunju tal-2007 għal 1,979 test bejn l-2009 u l-2011. 
L-Awditur Ġenerali jindika li l-mira tal-kampanja ta’ SMS mill-pubbliku jekk jaraw xi vettura ddaħħan hi li titqaj­jem kuxjenza dwar l-impatt negattiv tal-emissjonijiet velenużi. Fl-istess ħin, din tgħin fl-inforzar kontra l-emissjonijiet eċċessivi tal-vetturi.
Skont il-proċeduri ta’ Transport Malta (TM), jittieħdu passi meta vettura tiġi rrapportata għal tliet darbiet, minn tliet numri tal-mowbajl differenti u f’perjodu ta’ tliet xhur. Dawn il-vetturi jintalbu jagħ­mlu test tal-emissjonijiet fil-faċilitajiet ta’ TM.
Iżda, ir-rapport tal-Awdi­tur juri li l-ammont ta’ rapporti li ntbagħtu mill-pubbliku naqsu b’mod drastiku b’74% bejn l-2008 u l-2011. F’dan il-kuntest, Transport Malta kienet uriet interess biex ikollha sistema awtomatika li tħaddem il-proċess tar-rapporti bl-SMS. Minkejja dawn l-isforzi li saru, ma kienx hemm biżżejjed fondi disponibbli għal din l-awtorità.
Minħabba dawn iċ-ċirkos­tanzi, qed jiġri li jkun hemm każi li jdumu anke sa  sitt  xhur  qabel ma jiġu ttestjati u dan b’detriment għall-kwalità tal-arja f’paj­jiż­na. Dan id-dewmien seta’ ġie wkoll minħabba l-fatt li TM naqqsu l-ammont ta’ testijiet li jwettqu minn medja ta’ 241 fix-xahar fl-2009 għal madwar 11 fix-xahar fl-2011. 
Dawn iċ-ċirkostanzi oriġi­naw minħabba l-fatt li TM kellha prijoritajiet oħrajn, b’mod prinċipali dawk li kell­hom x’jaqsmu mar-riforma fit-tras­port pubbliku. 
Is-sitwazzjoni marret iżjed għall-agħar hekk kif kien hemm sidien ta’ karozzi li ma ħadux il-vetturi tagħhom għat-testijiet, fosthom anke wħud li kienu mitlubin biex imorru jagħmlu t-testijiet. 
  
Tnaqqis fl-emissjonijiet
Minkejja li l-ammont ta’ vetturi f’Malta bejn l-2008 u l-aħħar tal-2011 żdied b’24,827 vettura, ir-rapport tal-Awditur juri li kien hemm tnaqqis fl-ammont ta’ emissjonijiet. Kien hemm tnaqqis fid-Diossidu tan-Nitroġenu, fl-NMVOC (li fosthom hemm emissjonijiet minn magni li jaħdmu bil-petrol) u fid-Dios­sidu tal-Kubrit. Madankollu, l-ammont ta’ emissjonijiet għas-sena 2011 se jkunu disponibbli fl-aħħar ta’ din is-sena skont mhu indikat mill-uffiċjali tal-MEPA.
Ir-rapport tal-awditur jikkonkludi li kien hemm titjib fil-kwalità tal-arja f’Malta. Parti minn dan kien minħabba li kien hemm inqas tniġġis mill-emissjonijiet tal-vetturi peress li ttieħdu miżuri regolatorji u fiskali li għenu fil-proċess. 
Minkejja dan, it-tnaqqis sostenibbli tal-emissjonijiet tossiċi jiddependi fuq diversi mekkaniżmi ta’ inforzar li huma implimentati permezz ta’ kontrolli fuq l-emissjonijiet bħall-VRT, is-sistema tal-SMS u l-ispezzjonijiet fit-toroq.
Ħafna mir-rakkomandazz­jonijiet li kienu ġew proposti f’rapport tal-Awditur fl-2009 ġew implimentati.
Fosthom ġew inforzati iżjed il-kontrolli fuq il-postijiet li jagħmlu t-testijiet tal-VRT. Dan wassal biex dawn l-operaturi sabu aktar vetturi li ma kinux konformi mal-livelli mitlubin. Iżda minkej­ja t-titjib li sar, xorta għad hemm differenza fir-rati bejn id-diversi operaturi.
Ir-rapport jgħid li għad hemm opportunità biex jiġi żgurat li l-iskemi ta’ kontrolli tal-emissjonijiet tal-vetturi jiġu ddisinjati u implimentati bħala parti ħolistika u b’mod strateġiku bil-għan li jindirizza l-emissjonijet eċ­ċessivi mill-vetturi. 
Biex dan ikun effettiv hemm bżonn li jittieħdu miżuri li jedukaw lis-sidien tal-vetturi biex jagħmlu manutenzjoni regolarment fuq il-vetturi, bħall-inizjattiva ta’ eko-sewqan.

No comments:

Post a Comment