Mis-snin tmenin daħlet il-moda li l-‘jeans’ jinbarax biex joħroġ l-effett bħallikieku l-‘jeans’ hu użat. Sfortunatament, dan il-proċess li jsir permezz ta’ ‘sandblasting’ hu perikoluż ħafna għal dawk li jwettquh u jista’ anke jwassal għall-mewt tagħhom.
Il-proċess isir permezz ta’ ramel sparat bi pressa kbira. Ir-ramel li jintuża hu rħis u l-ħaddiema li jwettqu dan ix-xogħol m’għandhomx bżonn sengħa kbira. Għalhekk, il-prodott irendi lura qligħ tajjeb hekk kif dan it-tip ta’ ‘jeans’ jista’ jinbiegħ anke tliet darbiet iżjed mill-prezz ta’ ‘jeans’ normali.
Ir-ramel li jintuża ħafna drabi jkollu fih kimika naturali li tissejjaħ ‘silica’. Meta jkun sprejjat ir-ramel, jinħoloq trab fin ta’ ‘silica’ li jibilgħuh il-ħaddiema. Dan it-trab hu fin ħafna u għalhekk il-maskri ta’ kontra t-trab mhumiex biżżejjed biex ikunu protetti l-ħaddiema. Agħar minn hekk, ħafna mill-ħaddiema lanqas jingħataw dawn il-maskri ta’ protezzjoni.
Dawn it-trabijiet huma perikolużi ħafna għas-sistema respiratorja u jistgħu jwasslu għal problemi fil-pulmun li m’hemm l-ebda kura għalihom u li ġieli jwasslu anke għall-mewt. Din il-kundizzjoni hi magħrufa bħala ‘silicosis’.
Li jiġri hu li l-partiċelli żgħar ta’ ‘silica’ jidħlu fil-pulmun u ma jħallux lil min ikun belagħhom milli jieħu nifs. M’hemmx kura għal din il-kundizzjoni u l-marda tibqa’ għaddejja anke jekk il-ħaddiema ma jibqgħux esposti għaliha.
L-ikbar kawża ta’ din il-marda hi l-kundizzjonijiet li jaħdmu fihom dawn il-ħaddiema tas-settur tat-tessuti. Mhux talli jqattgħu aktar minn 12-il siegħa kuljum f’ambjent bla ventilazzjoni u bla protezzjoni, talli ġieli anke jorqdu f’dawn il-postijiet matul il-lejl.
Dan ir-riskju kien magħruf riċentement għalkemm kulħadd kien ilu jaf bir-riskji li joriġinaw mis-‘sandblasting’. L-ewwel każi kienu identifikati fl-2005 minn tobba fit-Turkija li kienu qegħdin jistudjaw ir-raġuni għaliex kien qed ikun hemm ħafna problemi respiratorji. Sal-2011, kien hemm 1,200 ħaddiem fit-Turkija li kienu affettwati, fosthom 50 li anke tilfu ħajjithom.
B’hekk grupp ta’ persuni li raw il-periklu f’dan ix-xogħol, fosthom eks-ħaddiema, tobba, ġurnalisti, akkademiċi, trejdunjins, mużiċisti u anke artisti, bdew kampanja biex dan il-proċess jitwaqqaf mit-Turkija. Fil-fatt, il-gvern Tork qed jipprojbixxi li jsir ‘sandblasting’ u qed isejjaħ għall-ħaddiema li kienu affettwati biex jingħataw assistenza medika.
Minkejja dan, hu magħruf li s-‘sandblasting’ isir f’pajjiżi bħall-Bangladesh, iċ-Ċina, il-Messiku, l-Arġentina, Lesotho, is-Sirja, l-Eġittu u l-Pakistan, fejn s’issa għadha ma nħolqot l-ebda kuxjenza biex jinstabu dawk il-ħaddiema li qegħdin isofru minn din il-kundizzjoni.
Il-verità hi li eluf ta’ żgħażagħ jistgħu qegħdin isofru u jmutu filwaqt li din il-moda tkun irreklamata bil-kbir minn kumpaniji kbar fl-Ewropa u fl-Istati Uniti.
Sakemm dan il-proċess jibqa’ aċċettat li jsir, aktar ħaddiema se jkunu qegħdin jitpoġġew f’riskju.
Il-kampanja www.killerjeans.org qiegħda taħdem biex dan il-proċess jitneħħa mill-industrija tat-tessuti. Qegħdin jikkuntattjaw lil kumpaniji kbar tat-tessuti u jispjegawlhom din il-kundizzjoni u jħeġġuhom biex jieqfu milli jesponu lill-ħaddiema tagħhom għal dan il-periklu.
Ħafna kumpaniji qegħdin jaqblu li jwaqqfu dan il-proċess iżda xorta għad fadal triq twila biex fil-verità dan il-proċess ikun eliminat għal kollox.
No comments:
Post a Comment