Sunday, June 24, 2012

Għenet raġel ferut fi sparatura…imma spiċċat f’kontroversja



Mara ta’ nazzjonalità Maltija li tgħix fl-Istati Uniti spiċċat f’kontroversja bla ħsieb wara li waqfet tagħti l-għajnuna lil raġel li kien ferut f’idejh u li kien qed ixejjer il-ġakketta mal-ġenb ta’ triq biex xi ħadd jieqaf jgħinu. 
Il-mara għenitu iżda wara saret taf li dan ir-raġel kien spara lilu nnifsu. Ingħad li r-raġel seta’ għamel dan bl-għan li jippromwovi l-ktieb il-ġdid tiegħu, “Kindness in America”.
Ir-raġel, li jismu Ray Dolin u li hu awtur ta’ 39 sena minn West Virginia fil-bidu kien qal mal-awtoritajiet li safa vittma ta’ aggressjoni meta xi ħadd riekeb vann waqaf ħdejh u sparalu f’idejh. 
Minkejja dan, nhar il-Ħamis li għadda hu ammetta max-Xeriff Glen Meiser li kien gideb u li kien spara lilu nnifsu. 
B’konnessjoni ma’ dan il-każ, l-awtoritajiet kienu arres­taw lil Lloyd Christopher Danielson III ta’ 52 sena li kien jikkorrispondi mad-deskrizzjoni li ta Dolin tal-agg­ressur. 
Wara li Dolin ammetta li kien spara fuqu nnifsu dan ir-raġel ġie meħlus.
Intant, il-mara ta’ nazzjona­lità Maltija, Sherry Alveson li waqfet tgħin lil Dolin qalet li hi ma kellha l-ebda suspett li r-raġel seta’ kkawża l-ferita tiegħu stess. 
Hi waqfet tagħtih l-għajnuna wara li t-tifla tagħha ratu jxejjer il-ġakketta fil-ġenb tat-triq. 
Tiftakar li kellu d-demm ma’ jdejh u fuq ħwejġu. Qalet ukoll li kif ratu jitriegħed u bid-demm għadu ħiereġ iddeċidiet li tgħinu. 
Alveson bdiet tissuspetta biss meta qrat fil-gazzetta li Danielson kien inħeles. 
Bdiet taħseb jekk min spa­ralu kienx għadu ħieles jew inkella jekk Dolin kienx ikkawża l-ferita tiegħu stess. 
Minkejja dan, il-mara qalet li kien x’kien il-każ hi xorta kienet terġa’ tieqaf tgħinu għax kien jidher li kellu bżonn l-għajnuna. 

No comments:

Post a Comment