Monday, January 30, 2012

Il-miżerja li għenitu jsir famuż



Is-suċċess hu li tibqa’ għaddej fil-ħajja. Hekk iħoss il-kantant, kittieb tad-diski, mużiċist, poeta u rumanzier Leonard Norman Cohen li ta’ 77 sena se jkun qiegħed iniedi t-12-il album tiegħu jumejn oħra, bl-isem ta’ “Old Ideas”.
Cohen hu magħruf għall-messaġġ li jwassal permezz tal-pessimiżmu u d-diqa li jixirfu mill-kitbiet u fil-mużika tiegħu. Ħafna mix-xogħlijiet li jikteb huma dwar temi marbuta mar-reliġjon, l-iżolament, is-sesswalità u r-relazzjonijiet interpersonali. Iżda x’wasslu biex jikteb dwar dan?
Ħajja diffiċli

Ħarsa lejn l-istorja ta' ħajtu malajr turik li ma kellux ħajja faċli, kemm qabel ma sar famuż u lanqas wara. Twieled il-Kanada, f’Montreal, minn ġenituri Lhud. Ta’ disa’ snin tilef lil missieru u din l-esperjenza jidher li ħalliet l-effetti koroh tagħha fuqu. Kien ibati minn dipressjoni li rnexxielu biss jegħleb ħafna iżjed tard f’ħajtu.
Tgħallem il-mużika u l-poeżija, fejn ħa interess b’mod speċjali fil-poeżiji tal-poeta Spanjol Federico Garcia Lorca. Bħala żagħżugħ kien tgħallem il-kitarra u fforma grupp li kienu jdoqqu mużika ‘country-folk’.
Meta lesta l-istudji tiegħu fil-letteratura fl-università, fejn kien diġà beda jispikka fil-kitba u l-poeżiji tiegħu, hu tħajjar li jaqbad karriera letterarja.
Sfortunatament, din il-karriera ma tantx għenitu biex jagħmel flus minnha. Żewġ rumanzi tiegħu miktuba f'dawk iż-żminijiet – “The Favourite Game” u “Beautiful Losers” – ma tantx inbiegħu, għalkemm tal-aħħar kisiblu ftit fama meta xena ta' laqta sesswali f'dan ir-rumanz kienet ivvotata bħala l-agħar waħda fl-istorja tal-letteratura Kanadiża.
Minħabba n-nuqqas ta’ suċċess fil-kitba, Cohen telaq lejn New York bl-idea li jsir kantant. Kellu diġà mat-30 sena u dawk li jippromwovu lill-artisti kellhom ħabta jistaqsuh jekk kienx xi ftit xiħ għal din it-tip ta’ karriera. Ma kellux xi sbuħija partikolari, ma kienx kantant tajjeb ħafna u lanqas ma kellu ċerta kariżma.
Iżda l-qalba f’ħajtu saret meta ltaqa’ ma’ Judie Collins fi klabb u din aċċettat li tirrekordja l-kanzunetta tiegħu, 'Suzanne'. Fl-1967, kien mniedi l-album “The Songs of Leonard Cohen”, li kien fuq l-istess stil folk ta’ Bob Dylan u Joni Mitchell. Kien dan l-album li wassal biex Cohen sar stilla.
Iżda l-isfortuna baqgħet tiġri warajh hekk kif anke safa mhedded mil-produttur tad-diski, Phil Spector li poġġielu pistola ma’ rasu.
Fis-snin disgħin, hu sparixxa u ngħalaq f’Monasteru Zen f’Kalifornja fejn fis-sena 2000 kien qal li rnexxielu jegħleb id-dipressjoni u kien qed iħossu li lest li jerġa’ jibda jaħdem.
Ma tantx dam ma biddel fehmtu meta fl-2005 skopra li aktar minn $5 miljun mill-qligħ li kien għamel matul il-karriera tiegħu kienu sparixxewlu mill-kontijiet tal-bank. Rebaħ kawża lill-eks-maniġer tiegħu Kelley Lynch, iżda ma rnexxilux jikseb lura flusu. B’hekk kellu jerġa’ jibda jaħdem. Reġa’ beda jdur id-dinja għal sentejn u ħareġ album ieħor.
Id-dipressjoni

Meta niżel mill-muntanja, fejn kien qiegħed magħluq fil-Monasteru Buddist, ħass li d-dipressjoni kienet għaddietlu. Spjega li hu kien iħoss li d-dipressjoni li kellu kienet waħda klinika li kienet timlilu ħajtu kollha b’ansjetà u dieqa kbira, bis-sens li xejn ma jista’ jmur tajjeb, li l-pjaċir ma jeżistix u li l-istrateġiji tiegħu kienu kollha jitkissru.
Fortunatament, illum iħoss li bis-saħħa ta’ għalliema tajbin li sab fil-monasteru u l-fortuna d-dipressjoni bil-mod telqet u qatt ma reġgħet affettwatu b’dak il-mod qawwi bħalma kienet għamlet għal parti kbira ta’ ħajtu. Wera l-ħsieb tiegħu li r-raġuni setgħet kienet ukoll l-età, peress li xjaħ. Fil-fatt, irrefera għal kitba li qara li kienet tgħid li ċerti ċelloli tal-moħħ, li huma assoċjati mal-ansjetà, imutu hekk kif persuna tixjieħ. Għalhekk mhux importanti kemm tagħmel ħiltek, jiddependi biss mill-kundizzjoni tal-moħħ jekk tħossokx aħjar jew agħar.
Il-kitbiet u l-mużika ta’ Cohen

Bosta drabi Cohen jitratta ħafna t-temi tal-imħabba, sess, reliġjon, id-dipressjoni u l-mużika fiha nnifisha. Jidħol ukoll kultant f’ċerti temi politiċi, għalkemm mhux dejjem b’mod dirett.
Ma jiddejjaqx jgħid li l-kliem tad-diski ma jiġuhx faċli. Għalhekk meta tiġih idea tajba jipprova jibqa’ jaħdem fuqha. Jagħti eżempju bil-kanzunetta magħrufa tiegħu “Hallelujah” li llum il-ġurnata saret famuża permezz tal-programm televiżiv “The X Factor”. Din il-kanzunetta ħaditlu sentejn biex għamilha u kellu 80 vers li setgħu jkunu użati. Jispjega wkoll li hemm ħafna nies li jaħdmu sew meta jkollhom l-abbundanza, iżda hu mhux wieħed minnhom.
Meta kien mistoqsi minn ġurnalist ta’ The Guardian dwar jekk jixtieqx li kieku l-proċess tal-kitbiet tiegħu ma kienx wieħed daqshekk twil u diffiċli, Cohen wieġbu billi ġablu l-eżempju li fid-dinja li qegħdin ngħixu fiha hemm nies li jaħdmu fil-minjieri u jitkissru b’xogħol manwali. Hawn il-faqar u l-ġuħ u n-nies qegħdin jispiċċaw vittmi fi sparaturi jew inkella ttorturati fil-kantini. Allura għalih jaraha diffiċli li jagħti daqshekk valur għax-xogħol li jagħmel hu meta jikteb kanzunetta.
Barra minn hekk, spjegalu wkoll li dejjem joħroġ xi ħaġa meta jikteb diska. Iżda mhux idea. Dawk iħoss li trid teħles minnhom fid-diski għax inkella qishom joħolqu ‘slogan’. Dejjem fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, bħall-ekoloġija jew l-idea ta’ kontra l-gwerra. Kollha huma ideat sbieħ iżda Cohen iħobb jifforma dawn l-ideat f’esperjenzi. U dak li jdaħħal fil-kanzunetta huma l-esperjenzi tiegħu.
Iħoss ukoll li l-kanzunetti jista’ jkollhom diversi effetti fuq min jismagħhom. Jistgħu jmissu l-qalb tal-persuna, iżda jistgħu wkoll jintużaw biex wieħed inaddaf id-dar jew inkella jaħsel il-platti.
Relazzjonijiet

Leonard Cohen qatt ma kien miżżewweġ. Jisħaq li kellu biża’ kbira miż-żwieġ u kien proprju għalhekk li ma żżewwiġx mal-artista minn Los Angeles Suzanne Elrod. Magħha kellu żewġt itfal, Adam, li segwa l-karriera ta' missieru fil-mużika, u Lorca, li isimha tnissel proprju mill-imħabba ta' Cohen lejn il-poeta Spanjol Federico Garcia Lorca.
Fis-snin tmenin kien f’relazzjoni mal-fotografa Franċiża Dominique Issermann li ġibditlu l-ewwel żewġ vidjos tal-kanzunetti tiegħu. Illum il-ġurnata, Issermann hi famuża għar-ritratti li ħadet lil Carla Bruni u għall-fotografija tal-moda għal rivisti bħal Elle. Fl-2010 kienet ukoll il-fotografu uffiċjali tat-tour ta’ Cohen.
Aktar tard, fis-snin disgħin, Cohen kellu involviment romantiku mal-attriċi Rebecca De Mornay, sakemm fis-snin elfejn kellu relazzjoni ma’ Anjani Thomas li kienet involuta fil-kitba ta’ album minn tiegħu. Intant, mill-aħħar tas-snin sebgħin Cohen kellu wkoll kuntatti ma’ Kyopan Joshu Sasaki li kienet iżżuru meta kien magħluq fil-monasteru u tgħinu bħala l-assistenta personali tiegħu. F’ċerti poeżiji ta’ Cohen jidher li qed jindirizza lilha.
Unuri

Isem Cohen jinsab imniżżel fir-Rock and Roll Hall of Fame tal-Amerika, fis-Songwriters’ Hall of Fame tal-Kanada u fil-Music Hall of Fame tal-Kanada wkoll. Hu ngħata wkoll l-ogħla unur ċivili fil-Kanada bħala “Companion of the Order of Canada”.
Barra minn dawn hemm diversi unuri oħrajn li ngħatawlu kemm fil-letteratura, fil-poeżija, films, għall-bejgħ ta’ ammonti ta’ albums, fil-kant, fil-produzzjoni, l-aħjar kittieb ta’ kanzunetti u diversi oħrajn.

Illum il-ġurnata


Sfortunatament, illum Cohen iħoss li m’għadx fadallu futur u jħoss li ftit għad fadallu x’jgħix. Minkejja dan, iħoss li jrid itemm ħajtu billi jagħmel ħoss. Hekk kif joħroġ l-album jixtieq li jerġa’ jagħmel tour, minkejja li fi Spanja, sentejn ilu, kien tah ħass ħażin fuq il-palk minħabba ikel ħażin. Il-kantant qal li l-aħħar tour li kien għamel tah l-illuminazzjoni u l-entużjażmu. Fl-aħħar tour kien ta 247 esebizzjoni f’sentejn fejn kien ġie ferm apprezzat mill-udjenzi kbar li kellu.
L-album “Old Ideas”

Diversi kritiċi tkellmu dwar dan l-album fejn faħħru x-xogħlijiet ta’ Cohen u ddeskrivewhom bħala taħlita ta’ sofferenzi, qsim il-qalb u ħsibijiet imdallmin. Oħrajn ħassew li juru riflessjoni intima fuq l-imħabba, il-mewt u s-sofferenzi.
Li hu żgur li bosta kritiċi u miljuni ta' fans iħossu li Cohen baqa' rilevanti minn ġenerazzjoni għal oħra. Għadda minn diversi problemi kbar u anke minn theddid fuq ħajtu iżda xorta rnexxielu jwassal il-messaġġ tiegħu minkejja li kien dejjem daqshekk diffiċli għalih jesprimieh.
Wara kollox jammetti hu stess li lanqas kienet ix-xewqa tiegħu li jsir kantant pop. Dan tikkonfermah ukoll il-kantanta tal-folk Judy Collins fl-awtobijografija tagħha fejn tfakkar kif kellha żżomm lil Cohen fuq il-palk fid-debutt tiegħu f’kunċert fl-Amerika fl-1967. Ried jinżel minn fuq il-palk għax beda jistħi u anke waqt il-ftuħ tal-kunċert neħħa ċ-ċinga tal-kitarra u ried jitlaq. Iżda Collins żammitu u għadu jagħmel dan ix-xogħol sal-lum.
Diskografija
Songs of Leonard Cohen (1967)
Songs from a Room (1969)
Songs of Love and Hate (1971)
New Skin for the Old Ceremony (1974)
Death of a Ladies’ Man (1977)
Recent Songs (1979)
Various Positions (1984)
I’m Your Man (1988)
The Future (1992)
Ten New Songs (2001)
Dear Heather (2004)
Old Ideas (2012)

No comments:

Post a Comment