Sunday, February 5, 2012

J. Edgar Hoover: il-misteri wara l-ħajja ta’ min beda l-FBI



Ċerti liġijiet għandhom ikunu mgħawwġin, jekk dan isir għall-ġid tal-istat. Hekk kien jemmen John Edgar Hoover li kien l-ewwel direttur tal-FBI u li baqa’ f’din il-pożizzjoni għal 48 sena sa ma miet.
Hoover kien magħruf għall-abbuż ta’ poter. Kien juża l-FBI biex jhedded politiċi u attivisti kbar, biex jiskopri sigrieti fuq mexxejja politiċi u jiġbor provi b’mod mill-aktar illegali. Minħabba t-tmexxija twila u kontroversjali ta’ Hoover, illum id-diretturi tal-FBI jistgħu jdumu f’din il-pożizzjoni għal żmien ta’ għaxar snin. Dan iż-żmien jista’ jiżdied jekk ikun deċiż hekk mis-senat tal-Istati Uniti.
Minkejja l-ħażin li għamel, Hoover kien ukoll il-bniedem li rnexxielu jkabbar l-FBI f’aġenzija kbira u effiċjenti u rnexxielu jdaħħal it-teknoloġija ġdida fil-pulizija, bħall-fajls ċentralizzati tal-marki tas-swaba’ u l-laboratorji forensiċi.
Meta Hoover miet fl-1972, il-President Richard Nixon kien faħħru fil-pubbliku bħala wieħed mill-ġganti tal-pajjiż, li hu simbolu ta’ kuraġġ, patrijottiżmu, onestà u integrità. Sfortunatament, meta kien fil-privat ma kellux l-istess idea dwar Hoover. Xhur qabel kien anke tkellem ma’ min kien jagħtih il-pariri u kien qabel li jikkonvinċi lil Hoover biex jirriżenja għax inkella kien se “jħott it-tempju”, fosthom lilu.
Ħafna presidenti qabel Nixon kienu jibżgħu minn Hoover u minn dak li kienet saret l-FBI. Il-president Harry S. Truman kien kiteb waqt li kien president li l-membri tal-kungress u s-senaturi huma kollha mbeżżgħin minn Hoover.

Omosesswali u jilbes ta’ mara

Minkejja li kien hemm biża’ minn dan ir-raġel, hu stess ukoll kellu sigriet personali li fl-era li kien jgħix fiha kieku sar magħruf kien ikissru. Dan is-sigriet kien li Hoover seta’ kien omosesswali u li s-sieħeb tiegħu kien Clyde Tolson. Tolson ma kienx biss ħabib ma’ Hoover għal ħajtu kollha iżda kien il-bniedem li wiret il-proprjetajiet ta’ Hoover u li rċieva l-bandiera mitwija fil-funeral ta’ sieħbu. Normalment, dawn tirċevihom il-mara tal-mejjet jew ommu. Tolson kien ukoll is-suċċessur ta’ Hoover bħala l-mexxej tal-FBI għal ftit żmien.
Jidher li kien sigriet magħ-ruf li dawn it-tnejn kienu jiek-lu flimkien kuljum, imorru għall-vaganzi flimkien u kienu jagħmlu kollox flimkien minbarra jgħixu. Minkejja dan, Hoover ma ried qatt juri li kien omosesswali u jekk xi ħadd kien jipprova jsemmiha hu kien jagħmel kull mezz biex iħammeġ lil dak li jkun.
Aktar dwar ir-relaz- zjoni bejn Hoover u Tolson kien żvelat wara mewthom. Luisa Stuart, li kienet mudella u li ġiet tidher f’ritratt ma’ Hoover u Tolson, tgħid li ż-żewġt irġiel kienu qegħdin iżommu jdejn xulxin, bilqiegħda jitkellmu u jżommu jdejn xulxin.
Joseph Shimon, eks-spettur tal-pulizija qal li jiftakar sewwieq tat-taxi jgħid li l-irġiel kienu qegħdin jitbewsu u jitgħannqu waqt vjaġġ bit-taxi.
Barra minn hekk, kien hemm ukoll allegazzjonijiet li Hoover kien jilbes ta’ mara. Kien hemm min qal li fil-komunità tal-omosesswali kien popolari r-ritratt ta’ Hoover liebes ta’ mara u skont il-mara ta’ wieħed miljunarju hi ġieli rat lil Hoover f’festini sigrieti tas-sess.
Ċerti stejjer dwar l-attività sesswali ta’ Hoover setgħu għamlulu ħsara u kissruh li kieku ħarġu fil-pubbliku. Eks-spettur tal-FBI, Jimmy Corcoran kien qal aktar tard li meta Hoover kien għadu fiż-żogħżija kien staqsieh biex joħodlu ħsieb problema kbira li kellu. Kien arrestat fuq akkużi sesswali ma’ żagħżugħ ieħor waqt vjaġġ lejn New Orleans. Corcoran, li kellu kuntatti b’saħħithom, ra kif għamel biex jgħatti l-kwistjoni.
Hoover kien ukoll jikkonsulta psikjatra għal xi żmien. Il-mara ta’ dan il-psikjatra tiftakar lil żewġha jgħid li Hoover kellu problemi bl-omosesswalità. Tgħid ukoll li wara diversi sessjonijiet Hoover beda jibża’ li xi ħadd seta’ jiskopri li kien omoses-swali. Qisu biex ipatti, ħareġ u beda jipprova jikxef omoses-swali oħrajn.
Skont żewġ speċjalisti fil-psikjatrija u fil-psikoloġija, dan l-inkwiet sesswali ta’ Hoover kellu x’jaqsam ukoll mal-abbuż ta’ poter li kien juża bħala kap tal-FBI.
It-tabib John Money, professur tal-psikoloġija fl-Università Johns Hopkins kien jaħseb li Hoover kellu bżonn li jkisser lin-nies kontinwament biex jibqa’ għaddej. Kien jirnexxilu jgħix b’dan il-kunflitt fih innifsu billi jġiegħel lil ħaddieħor ibati.
It-tabib Harold Lief, professur emeritus tal-psikjatrija fl-Università ta’ Pennsylvania kien ikkonkluda li Hoover kien ibati minn diżordni tal-personalità, diżordni narċiżista mħallta wkoll mal-ossessjoni. Dawn kienu jagħmluh persuna awtoritarja. Jiddeskrievi wkoll li Hoover kien ikun Nażist perfett.
F’ħajtu, Hoover kien juri dan kollu. Minn meta kien f’żogħżitu kien jargumenta dwar id-dritt tan-nisa li jivvotaw u kien kontra li titneħħa l-piena tal-mewt. Ma seta’ qatt jaċċetta li jiġi t-tieni f’xi ħaġa. Meta missieru beda jsofri minn mard mentali, Hoover ma setax jaċċettaha u neputija tiegħu qalet li hu ma kienx jaċċetta l-imperfezzjoni.
Meta Hoover issieħeb mal-Bureau tal-Investigazzjoni (kienet għadha mhix magħrufa bħala FBI), hu għażel bħala assistent tiegħu lil George Ruch. Dan kien fi żmien meta kien hemm biża’ mill-Komunisti. Hoover u Ruch kienu jaqblu li jiddeportaw nies li jkunu jagħmlu parti minn organizzazzjonijiet radikali u kienu jużaw l-aġenzija biex jispijjaw fuq l-avukati li kienu jirrappreżentaw lil dawk li kienu jarrestaw.

It-tajjeb ta’ Hoover

Minkejja li Hoover seta’ kien abbużiv fil-metodi tiegħu, hu kien magħruf li rnexxielu jnaddaf il-Bureau mill-korruzzjoni u l-ineffiċjenza. Bidel lill-aġenti f’nies li skont wieħed mill-veterani “kienu jieklu u jilbsu tajjeb iżda li qatt ma seta’ jkollhom dar tal-ħolm. Kienu jkunu tal-Bureau fil-ġisem u fir-ruħ.”
Hoover irnexxielu jimmo-dernizza u jikkordina fi żmien ta’ diżorganizzazzjoni. Irnex-xielu jiftaħ l-ewwel librerija tal-marki tas-swaba’ federali, fejn id-Diviżjoni tal-Identifi- kazzjoni kien tagħti aċċess għall-marki ta’ 159 miljun persuna. Il-laboratorju kriminali tiegħu kien l-aktar wieħed avvanzat fid-dinja. Barra minn hekk, irnexxielu wkoll joħloq l-Akkademja Nazzjonali tal-FBI.
Iżda, barra minn hekk Hoover kien jieħu ħsieb li jagħti promozzjoni għax-xogħol li kien jagħmel. Fil-verità, għalkemm ħafna drabi kien ipinġi lilu nnifsu bħala l-bnie-dem li rnexxielu jsolvi l-każ, il-każ kien ikun solvut grazzi għax-xogħol li jkun sar minn aġenzija oħra. F’diversi każi kienet tidher ċara l-pro- mozzjoni tiegħu nnifsu bħal fil-każi ta’ Bonnie u Clyde, Machine Gun Kelly, John Dillinger u Alvin Karpis. Kien iħobb jidher meta dawn il-kriminali kienu jinqabdu jew jinqatlu, iżda kien jgħir meta kien ikun ħaddieħor li jieħu l-mertu.

Kontra s-suwed. Għaliex?

Hoover kien razzist. Wera dan b’mod ċar meta Martin Luther King Jr u l-moviment tiegħu kien taħt kontroll Komunist. Meta uża l-mezzi illegali biex joqgħod għassa ta’ dak li kien qed jagħmel King, hu skopra biss li dan tal-aħħar kien involut f’relazzjonijiet sesswali ma’ nisa barra miż-żwieġ. Minkejja dan, l-FBI kellha l-ordni li “jinnewtralizzaw” lil King billi jagħtu l-informazzjoni lill-midja. Meta l-mexxej tad-drittijiet ċivili ngħata l-Premju Nobel tal-Paċi, Hoover kien irrabjat u meta eluf kienu qegħdin jibku l-mewt ta’ King meta dan inqatel, Hoover mar jara t-tlielaq taż-żwiemel. Aktar tard ukoll ipprova ma jħallix li l-ġurnata ta’ għeluq snin King tkun iddikjarata festa nazzjonali.
Skont xnigħat, jista’ jkun li dan kollu seta’ seħħ għax Hoover innifsu kellu antenati suwed. Hemm rapporti li jgħidu li meta xi ħadd kien isemmi dawn ix-xnigħat, hu kien jibgħat lill-aġenti tiegħu biex iwaqqfuhom. Minn riċerka li saret instab li kien hemm nies li kienu jgħidu li ġej minn familja ta’ suwed li tħalltet mal-bojod.
Eks-aġenti tal-FBI jgħidu wkoll li kien hemm misteru dwar l-oriġini ta’ Hoover. Filwaqt li kien hemm l-istorja ta’ kull aġent li kien jaħdem fl-aġenzija, ma kien hemm xejn dwar id-direttur.
Barra minn hekk, hemm diversi misteri dwar iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ Hoover u anke dwar it-tfulija tiegħu.
Il-fatt li Hoover kien jaħbi l-oriġini tiegħu mis-suwed kienet tagħmel ħafna sens dak iż-żmien. Kieku kien magħruf li kellu antenati suwed, wisq probabbli qatt ma kien ikollu l-karriera li kellu. Dak iż-żmien, li tkun iswed jew li tkun ġej minn familja sewda kienet tħallik barra minn diversi pożizzjonijiet u karrieri, iktar u iktar minn pożizzjonijiet għoljin fil-gvern. Jista’ jkun li l-mibegħda li kellu Hoover lejn is-suwed kienet ġejja mill-biża’ jew bħala protezzjoni għalih innifsu peress li hu seta’ kien ukoll parti minnhom?
Jingħad li Hoover bagħat ittra lil King fejn barra t-tgħajjir li tah qallu wkoll biex ineħħi ħajtu. Iżda, rapporti oħrajn jgħidu li Hoover qatt ma bagħat din l-ittra. Jgħidu wkoll li f’laqgħa li Hoover kellu ma’ King, Hoover tah il-parir biex iħeġġeġ lis-suwed imorru jirreġistraw għall-vot. Qallu li huma kienu qegħdin jimmoniterjaw il-proċess ta’ reġistrazzjoni u l-votazzjonijiet. Jingħad ukoll li fil-kampanja tal-gvernaturi Ross Barnett u George Wallace kontra l-leġiżlazzjoni tad-drittijiet ċivili minn Martin Luther King Jr dawn saħqu li King kien parti minn organizzazzjonijiet Komunisti. Kienet il-bureau ta’ Hoover li ħarġet informazzjoni li din kienet gidba. Barra minn hekk, skont l-awtur Taylor Branch, Hoover kien irċieva informazzjoni li King kien se jinqatel. Hu kien awtorizza aġenti tal-FBI biex jakkumpanjaw lil King fuq titjira biex jipproteġuh.

Il-mewt ta’ Hoover

Intant, il-professur tax-xjenza forensika fl-Università George Washington, James Starrs, għandu suspetti li l-mewta ta’ Hoover ma kinitx ikkawżata sempliċiment minn attakk tal-qalb.
Il-professur ingħata aċċess għad-dokumenti mediċi biex jinvestiga l-mewt ta’ Hoover.
Meta miet Hoover ma kinitx saret awtopsja. Skont Starrs, m’hemm xejn fl-istorja medika ta’ Hoover li jindika li kien ibati b’qalbu. Jgħid ukoll li mingħajr awtopsja, kawżi oħra għall-mewt tiegħu huma kollha possibbli.
Hu spjega li s’issa m’hemmx biżżejjed storja medika li turi li seta’ kien attakk tal-qalb. Hoover kellu ħafna għedewwa u seta’ kien hemm ħafna nies li rieduh mejjet.
Fi Frar tal-1998, f’laqgħa tal-Akkademja Amerikana tax-Xjenza Forensika Starrs kellu jiltaqa’ ma’ esperti oħrajn biex jaraw jekk Hoover setax kien avvelenat jew inkella kienx hemm xi kundizzjoni tal-qalb fid-dokumenti mediċi ta’ Hoover. Minkejja dan, m’hemm l-ebda rapporti li jagħtu informazzjoni ta’ x’seħħ minn hemm ’il quddiem.

mfarrugia@unionprint.com.mt

No comments:

Post a Comment