Sunday, January 15, 2012

Jitlob lill-awtoritajiet biex iħarsu d-dinjità tal-priġunieri

Waqt żjara li kellu fil-ħabs ta’ Rebibbia, fl-Italja, il-Papa Benedittu XVI tkellem dwar il-problema ta’ spazju li hemm f’dan il-ħabs, kif ukoll dwar id-dmir li titħares id-dinjità ta’ kull priġunier madwar id-dinja. Hu stieden lill-Gvern Taljan biex joħloq sistemi li bihom il-priġunieri ma jkunux qegħdin jingħataw piena doppja minħabba li barra l-fatt li jkunu fil-ħabs, iridu jgħixu wkoll f’kundizzjonijiet kultant diżumani.
Benedittu XVI żar il-ħabs ta’ Rebibbia, f’Ruma fit-18 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra. Dan il-ħabs hu wieħed mill-iżjed ħabsijiet li fih sigurtà fl-Italja. Hemmhekk kien skonta s-sentenza tiegħu Ahmed Ali Agca, il-persuna li kienet għamlet attentat fuq il-ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II.

Priġunieri żejda li jagħmlu s-sitwazzjoni aktar iebsa

Il-Papa ma naqasx milli jsemmi li dan il-ħabs qed jospita 500 priġunier iżjed minn dak li suppost fih u dan hu fattur li żgur jagħmel is-sitwazzjoni fil-ħabs waħda iżjed iebsa milli suppost hi. Qal ukoll li l-kundizzjonijiet ħżiena tal-ħabs u l-popolazzjoni kbira qegħdin jagħtu “sentenza doppja” lill-priġunieri u din hi inġustizzja. Filwaqt li indirizza lil folla ta’ madwar 300 priġunier li nġabru fil-kappella prinċipali tal-ħabs, il-Papa fakkar lill-awtoritajiet li l-priġunieri huma persuni umani li, minkejja r-reati tagħhom, għandhom ikunu ttrattati bir-rispett u d-dinjità.
Wara dan id-diskors tal-Papa lill-priġunieri, min-naħa tagħhom il-priġunieri għamlulu sitt mistoqsijiet li t-TORĊA rnexxielha tikseb u li qiegħda twassal illum.
Dwar it-tema tad-dinjità, priġunier minnhom staqsa lill-Papa jekk il-ġest li wettaq dakinhar kienx ukoll messaġġ għall-politiċi biex dawn iħarsu d-dinjità u t-tama ta’ kull priġunier, bħalma hu dritt ta’ kull bniedem. Benedittu XVI qal li qabel kollox hu mar hemm biex jesprimi l-intimità u l-viċinanza tiegħu personali magħhom u f’għaqda ma’ Kristu Ġesù li jħobbhom ħafna. Barra minn hekk iżda ried ukoll li jkun ġest pubbliku biex ifakkar lis-soċjetà u lill-politiċi li hemm problemi serji fil-ħabsijiet Taljani.

Jistieden lill-Gvern Taljan jirrispondi għas-sejħa tiegħu

Spjega wkoll li hi ħaġa ċara li l-ħabs jeżisti biex iħares il-ġustizzja u fattur primarju tal-ġustizzja hi d-dinjità ta’ kull persuna. Fi kliemu stess il-Papa qal li “b’ħilti kollha rrid nagħti sinjal ta’ kemm hu importanti li l-ħabs jilħaq l-iskop tiegħu li jġedded u jappoġġja d-dinjità umana u mhux jheddidha. Nittama li l-gvern ikollu l-possibbiltà li jirrispondi għal din is-sejħa proprja tiegħi.”

Ġesù identifika ruħu mal-ħabsin

Priġunier ieħor ħass li ma kellux jistaqsi domanda iżda xtaq li l-Papa jħallihom jersqu lejh u joffrulu s-sofferenzi tagħhom u tal-familji tagħhom. Qallu wkoll li hu l-ħabel li jgħaqqadhom ma’ Kristu u li jħobbu.
Il-Papa qal lil dan il-priġunier li anke hu jħobbhom. Qal ukoll li l-fatt li Ġesù identifika lilu nnifsu mal-priġunier meta qal “kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” tpoġġih f’obbligu. Ħass li anke hu għandu jistaqsi jekk hux josserva u jgħix skont il-kmandament t’Alla.
Fil-fatt, din kienet raġuni oħra għalxiex mar iżur lill-priġunieri għax jaf li f’kull wieħed u waħda minnhom hemm il-Mulej jistennieh. Qal li hu jaf li f’kull wieħed u waħda minnhom hemm il-bżonn li jkunu magħrufin mill-bnedmin u li għandhom bżonn il-preżenza tal-Mulej.

Il-veru skop tal-ħabs

Wera wkoll ix-xewqa li l-ħabsijiet jilħqu l-iskop veru li għalih jeżistu, jiġifieri li jgħinu lill-persuni biex isibu lilhom infushom, biex jiksbu l-paċi magħhom infushom u jirrikonċiljaw mas-soċjetà u ma’ Alla, ħalli jerġgħu jintegraw fis-soċjetà u jgħinu fl-iżvilupp tagħha.

Bla possibbiltà li jingħaqad ma’ familtu

Fuq tema differenti, priġunier ieħor ħass li ried jistaqsi lill-Papa jekk iħossx li hi ħaġa tajba li hu bħala missier ta’ tifla ta’ xahrejn u bħala persuna li ġġedded ma ngħatax il-possibbiltà u l-opportunità li jerġa’ jingħaqad ma’ familtu minkejja li ħallas id-“dejn” li kellu mas-soċjetà. Il-Papa feraħlu għat-tifla u feraħ li dan il-bniedem iħoss lilu nnifsu bħala bniedem ġdid. Qallu li skont id-duttrina tal-Knisja l-familja hi xi ħaġa fundamentali u hu importanti li missier ikun jista’ jgħannaq lil bintu u li jkun magħha u ma’ martu biex jibnu familja sabiħa biex b’hekk ikun qed jaħdem ukoll għall-futur tal-Italja.

Ngħinu lill-morda u lill-foqra

Priġunier ieħor staqsa wkoll dwar wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja u li jinsab fl-Afrika. Dan il-post jismu Benin. Il-Papa mar hemm ftit tax-xhur ilu. Dan il-ħabsi ħass il-weġgħa li dawn in-nies ipoġġu l-fidi tagħhom u t-tama fil-Mulej u minkejja dan qegħdin imutu fil-faqar u l-vjolenza. Għalhekk staqsa jekk Alla jismagħhomx lil dawn jew inkella jisma’ biss lis-sinjuri u lin-nies fil-poter li ma jemmnux bih?
Il-Papa spjega li l-kriterji t’Alla huma differenti minn tagħna. Lil dawn in-nies jagħtihom il-ferħ tal-preżenza tiegħu. Jagħtihom li jħossu l-viċinanza tiegħu anke f’nofs is-sofferenzi u d-diffikultajiet li qegħdin iġarrbu.
“Alla ċertament qed isejħilna biex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinu lil dawn in-nies jinqalgħu mill-mard u mill-faqar. Irridu nitolbu lil Alla biex ikollna l-ġustizzja ħalli kulħadd jgħix fil-ferħ tal-fatt li aħna lkoll uliedu.”

Priġunier marid bl-HIV

Dan il-priġunier ma kienx jaf x’jista’ jistaqsi bniedem bħalu, li hu marid bl-HIV, lill-Papa. Iħoss li huma li għandhom din il-marda rari jissemmew u li meta jissemmew ikun b’aggressività, bħallikieku jridu jeliminawhom mis-soċjetà. Għaldaqstant huma jħossuhom inqas minn ħaddieħor.
Il-Papa wieġeb lil dan il-priġunier li n-nies jitkellmu b’aggressività anke dwaru. Fehmu li rridu naċċettaw dan il-fatt iżda ma naqtgħux qalbna u nkomplu nipperseveraw. Ħeġġeġ lil dan il-priġunier u lil dawk bħalu biex jaħsbu b’mod pożittiv ħalli jkunu jistgħu jifhmu s-sofferenzi tagħhom u jgħinu lilhom infushom ħalli jqumu mill-ġdid. Min-naħa tiegħu hu qal li se jgħinhom jaħsbu fid-direzzjoni t-tajba, mhux b’mod abbużiv iżda uman.
Jifhem li kulħadd jista’ jiżbalja imma Alla jrid li kulħadd jasal għandu. Talab biex jikkollaboraw fi spirtu ta’ fraternità, filwaqt li jagħrfu d-dgħufija tagħhom biex b’hekk kulħadd jimxi ’l quddiem b’dinjità.

Il-qrar

Dwar is-sagrament tal-qrar u l-assoluzzjoni li jagħtu l-qassisin, priġunier minnhom staqsa għaliex dan il-poter ingħata biss lill-qassisin u li kieku hu kellu jitlob maħfra lil Alla waħdu u għarkopptejh quddiem il-Mulej jekk dan jaħfirlux?
Il-Papa żgurah li Alla xorta jaħfirlu jekk jagħmel dan b’mod ġenwin lejn Alla. Iżda spjegalu li d-dnub mhuwiex biss fatt personali, għandu anke d-dimensjoni soċjali. Għalhekk din id-dimensjoni soċjali titlob l-assoluzzjoni fuq livell ta’ komunità li hi l-komunità tal-Knisja. Hi importanti biex teħles lil min ikun dineb mir-rabta mal-ħażin u tgħin bħala riabilitazzjoni m’Alla. Tagħti ċ-ċertezza tal-maħfra t’Alla u li Alla jerġa’ jilqa’ lura lil dawk li dinbu fl-għadd ta’ wliedu.
Wara dawn id-domandi l-Papa talab mal-priġunieri u berikhom. Qabel telaq lura lejn il-Vatikan bierek siġra taċ-ċipress li tħawlet b’tifkira taż-żjara tiegħu. Il-priġunieri apprezzaw ħafna din iż-żjara u wħud minnhom dehru anke kommossi waqt din il-laqgħa sabiħa li kellhom miegħu.

melvindelsol@hotmail.com

No comments:

Post a Comment