
Bosta jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar jekk Sherlock Holmes tal-film huwiex leali lejn dak letterarju u jekk iħossux li l-mod kif inħadem il-film kienx wieħed adattat jew le.
Alistair Duncan, awtur li rebaħ unur b’kitbiet dwar dan is-suġġett, iħoss li ħadd mill-atturi tal-films ma jista’ qatt jinterpreta kompletament il-karattru ta’ Holmes peress li Doyle mhuwiex konsistenti meta jiddeskrivi l-karattru tiegħu.
F’ċerti partijiet jagħti x’jifhem li Holmes ikollu biss tagħrif bażiku biex jgħaddi minn ġurnata għall-oħra, iżda f’ċerti partijiet oħrajn juri li fil-fatt ikun mgħarraf sew dwar ċerti suġġetti.
Holmes jispikka fl-era Vittorjana
Li hu żgur għal Duncan hu li Holmes jispikka l-aktar fil-films maħdumin f’ambjent tal-era Vittorjana. F’din l-era jagħmel sens li Holmes ikun minn tal-bidu li jiskopri l-forensika u li l-Pulizija tfittxu biex jgħinha fl-investigazzjonijiet tagħha. Dak iż-żmien il-forensika kienet għadha fil-bidu tagħha u anke Scotland Yard kienet għadha kemm twieldet.
Fil-verżjoni l-moderna jagħ-mel ftit inqas sens peress li l-forensika llum hi diġà żviluppata u wisq stabbilita biex tfittex l-għajnuna ta’ bniedem li mhux parti minn dik l-organizzazzjoni.
Dejjem avvanzat iżjed miż-żminijiet
Meta twieled il-karattru ta’ Holmes, f’Diċembru tal-1887, hu kien xjenzat li f’laboratorju f’Londra kien janalizza l-kampjuni tad-demm fit-tubi tal-ħġieġ u jipprova jiskopri l-verità b’mod mill-aktar xjentifiku.
Dan fil-verità seħħ biss 13-il sena wara meta riċerkatur mediku Ġermaniż beda jwettaq dawn it-testijiet fuq id-demm tal-bniedem. Sitt xhur wara, dan it-test tad-demm wassal biex issir akkuża fuq każ ta’ qtil.
Permezz tal-karattru ta’ Sherlock Holmes, l-awtur irnexxielu jiggwida l-forensika lejn it-triq tal-futur. Conan Doyle, li kien tabib, irnexxielu jiġbed l-attenzjoni lejn prattiċi li żviluppaw ix-xjenza forensika u li jafu l-bidu tagħhom fl-era Vittorjana.
Dawn il-prattiċi ma kinux jintużaw spiss, ħlief fl-awtopsji u kienet diffiċli biex il-Pulizija jaċċettaw li jibdew jintużaw. Fil-fatt, kien biss fl-1901 li Scotland Yard ta’ Londra waqqfet il-taqsima tal-marki tas-swaba’ wara li 20 sena qabel il-ġurnal Ingliż “Nature” kien ippubblika provi li l-marki tas-swaba’ jipprovdu identifikazzjoni unika.
Filwaqt li l-awtoritajiet kienu xettiċi, l-istejjer ta’ Holmes bdew isiru popolari hekk kif dan kien jirnexxilu jsolvi każi kkumplikati li kienu jħawdu lill-Pulizija. Kien jittestja b’esperimenti kimiċi, janalizza l-kampjuni taħt il-mikroskopju, jieħu l-marki tas-saqajn minn fuq ix-xeni tar-reat, iwettaq kalkoli matematiċi, juża l-ballistika, juża l-marki tas-swaba’, jiżvela kodiċi moħbijin, janalizza l-kitba, jsib il-fdalijiet tal-porvli u anke janalizza r-ritratti. Barra minn hekk kien ukoll dan il-karattru li semma għall-ewwel darba li ‘typewriter’ tkun unika bħall-kaligrafija ta’ bniedem. Dan ġie ppubblikat tliet snin qabel xi ħadd qatt ħaseb li seta’ jkun vera. B’mod xjentifiku mbagħad kien jippubblika r-riżultati li jkun kiseb. Minkejja li fl-aħħar stejjer ta’ Holmes dawn il-prattiċi ma baqgħux jissemmew daqshekk spiss, xorta waħda baqgħu marbutin mal-karattru sat-tmiem.
Ray Murray, ġeologu forensiku minn Missoula, f’Montana qal li l-metodu xjentifiku kien diġà jeżisti għal xi żmien iżda Doyle kellu l-kapaċità li jmexxieh ’il quddiem, iħeġġeġ li jintuża u li fil-fatt irnexxielu jagħmlu realtà.
Murray isemmi wkoll lill-Franċiż Edmund Locard, pijunier tal-kriminoloġija forensi, li kien jaqra l-istejjer ta’ Holmes u minnhom irnexxielu joħroġ teknika importanti għall-investigazzjoni kriminali. Fl-istejjer kien jissemma li Holmes kien ifittex xi traċċi li jkun hemm fuq il-ħwejjeġ. Dawn kienu jvarjaw minn suf ta’ xi annimal fuq xi ġakketta jew inkella xi rbaba taż-żingu u ramm fil-keffa tal-qliezi li jagħtu prova li l-akkużat kien jaħdem fil-produzzjoni ta’ flus foloz.
Ispirazzjoni tal-karattru
Il-mistoqsija tiġi waħedha. Min kien li nspira lill-karattru ta’ Sherlock Holmes?
Bijografiji bikrin ta’ Doyle jagħtu l-mertu lil Joseph Bell, tabib u professur tal-mediċina fl-Università ta’ Edinburgh fl-Iskozja. Dan kien iħaddem lill-awtur bħala skrivan fir-Royal Infirmary.
Bell kien magħruf għax kien jirnexxilu jiskopri x’għandhom l-pazjenti billi sempliċiment josservahom. Barra minn hekk, kien bħal saħħar u ħafna drabi kien jirnexxilu jaqta’ wkoll ix-xogħol tal-pazjent u fejn kien joqgħod. Iżda Bell kien ditektiv mediku mentri l-karattru ta’ Holmes kien imur lilhinn minn hekk peress li kien ditektiv forensiku u ma kienx jieqaf biss f’investigazzjoni medika.
Il-metodu kif Holmes jiddeskrivi l-metodu xjentifiku jagħti x’jifhem li l-ispirazzjoni kienet ġejja direttament mill-awtur. Fil-kitba tiegħu jgħid li “l-proċess jibda bis-suppożizzjoni li ġie eliminat dak kollu li hu impossibbli, allura dak li jibqa’ jrid ikun il-verità. Jista’ jkun li jifdal diversi spjegazzjonijiet, f’dak il-każ wieħed jipprova jwettaq test wara l-ieħor sakemm wieħed minnhom ikun jikkonvinċi.”
Holmes drogat
Fattur importanti dwar il-karattru ta’ Sherlock Holmes u li jqanqal ukoll ħafna interess hu l-fatt li kien jagħmel użu mid-drogi, fosthom il-kokaina. F’uħud mill-verżjonijiet fuq film ġieli tħalla barra dan il-fattur.
L-abbuż mid-droga ta’ Holmes jissemma direttament f’żewġ stejjer, għalkemm hemm riferimenti oħrajn anke fi stejjer oħrajn.
Hemm diversi teoriji dwar x’wassal lil Doyle biex ipinġi lill-karattru tiegħu b’dan il-vizzju. Fosthom, hemm min jaħseb li l-problema ta’ alkoħol li kellu missier Doyle wasslitu għal dan. Hemm ukoll min jaħseb li kien it-tagħrif li kellu bħala tabib dwar il-qawwa tal-effett tal-kokaina. Seta’ wkoll kien il-każ li Doyle jsemmi din id-droga għax dak iż-żmien ma kinitx illegali. Fil-fatt, meta kien fit-tielet sena ta’ studju fil-mediċina, Doyle għamel esperimenti fuqu nnifsu bid-droga. Kellu wkoll biżżejjed tagħrif dwar id-drogi, għax fil-fatt isemmi kemm-il darba l-użu eċċessiv ta’ stimulanti minn Holmes.
Hemm ukoll min jaħseb li kien żball ta’ Doyle peress li kien jikteb malajr u lanqas kien jiċċekkja dak li jkun kiteb. Fil-fatt, fil-memorji tiegħu jammetti li ma kienx jaqra x-xogħlijiet li jikteb u li n-nies kienu jgħidulu bl-iżbalji li jkun ħa.
Ir-reazzjoni ta’ Watson għad-droga
L-aktar ħaġa stramba mhijiex li Holmes kien jabbuża mill-kokaina. Min-kejja li kien ikun hemm imwiet biha xorta ma kinitx illegali jew ikkundannata medikament. Fil-fatt kienet tintuża bħala anestetiku, stimulant u anke għall-kura kontra l-abbuż tal-alkoħol u tal-oppju.
Li hemm stramb hu li Watson, sieħeb Holmes, juri li fil-fatt din id-droga hi qerrieda u li d-dipendenza tagħha għandha effett ħażin fuq il-ġisem u l-moħħ.
Dan juri li Watson kellu ċertu tagħrif dwar din id-droga. Dan beda jiġi kkonfermat fil-mediċina mitt sena wara li ġie ppubblikat fl-istorja.
Barra minn hekk, jissemma wkoll kif Watson irnexxielu jgħin lil Holmes biex joħroġ mill-vizzju tad-droga u jispjega wkoll li minkejja li kien ħareġ minnha l-problema ma kinitx mietet iżda kienet rieqda. L-istess bħall-mudelli tad-dipendenza tad-droga fi żminijietna fejn hemm probabbiltà żgħira li jkun hemm astinenza sħiħa fuq żmien twil.
Min jaf x’effett seta’ kellu dan fuq il-qarrejja ta’ dak iż-żmien u jekk permezz tal-kitbiet tiegħu fil-fatt bediex iqajjem kuxjenza dwarha.
Ir-rwol ta’ Watson
Watson għandu żewġ irwoli fil-ħajja ta’ Holmes. Jagħti assistenza fil-każi ta’ Holmes u jgħin biex jiddeskrivi l-istejjer tal-każi li kienu jiffaċċjaw f’forma narrativa li ħafna drabi kienu jiġu kkritikati minn Holmes stess. Kien jikkritikah li huma wisq sensazzjonali u li ma jirrapportawx b’mod oġġettiv il-kalkolu xjentifiku tal-każ.
Hu s-sieħeb li wkoll jaf daqskemm jaf Holmes iżda li mhux lest jikkompeti kontrih. Barra minn hekk, Watson jipprovdi wkoll il-viżjoni sempliċi tiegħu, li ħafna drabi Holmes innifsu ma jirnexxilux jara.
Alistair Duncan jgħid li jekk hemm raġuni għaliex Holmes għażel lil Watson biex ikun sieħbu kienet għax kien jaf iżjed minnu fil-mediċina, tal-inqas kif jissoponi.
Sherlock Holmes kien omosesswali?
Meta mistoqsi dwar dan, Duncan qal li meta tħares lejn dan l-argument l-ewwel trid tikkonsidra ż-żmien meta nkiteb. Doyle kien jibża’ ħafna mill-faqar minħabba l-esperjenzi li kellu meta kien għadu tifel. Meta kiber ħa ħsieb li jieħu ħsieb lill-familja kollha. Kien bniedem responsabbli ħafna u għalhekk ma kienx se jpoġġi lill-familja tiegħu fir-riskju. Għaldaqstant kiteb diversi stejjer ta’ Holmes minkejja li l-karattru kien idejqu.
Li kieku kien hemm ħafna nies li jemmnu li Holmes kien omosesswali, Doyle jaf kien jiffaċċja ħafna problemi u anke azzjoni legali. Dan kien iwassal biex jitlef il-flus kollha u l-familja tiegħu kienet tkun f’riskju li tispiċċa fil-faqar, xi ħaġa li hu żgur qatt ma ried li tiġri.
Jista’ jkun li ħoloq karattru misterjuż biżżejjed biex iqajjem spekulazzjoni, iżda mhux biex jagħti l-idea tas-sesswalità tiegħu.
Irene Adler, li hi msejħa minn Watson bħala “l-mara”, kienet avversarju ta’ Holmes u bħala mara kienet tmur kontra dak kollu li kien mistenni. Watson stess jagħmilha ċara li Holmes ma kienx iħobbha.
No comments:
Post a Comment