Sunday, January 22, 2012

‘Singles’... lejn stil differenti ta’ ħajja

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar nies qegħdin jagħżlu li jibnu ħajja waħedhom, min minħabba ċ-ċirkostanzi u min għax iħossu aħjar fil-libertà. Minkejja li l-ambjent li ngħixu fih ħafna drabi jħeġġeġ iż-żwieġ u anke jitfa’ dawl ikrah li min hu ‘single’ mhuwiex bniedem komplut u li għad irid isib il-persuna t-tajba għalih, jidher minn statistiċi li l-kunċett qed jinbidel ftit ftit.


L-aktar żmien li jfittxu ‘date’

Min-naħa l-oħra, hekk kif għadna ġejjin mill-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, ma rridux ninsew ngħidu li f’dawn il-festi s-siti tad-‘dating’ ikollhom ħafna x’jagħmlu hekk kif ir-rata ta’ kemm jidħlu nies fihom tiżdied.
Skont l-esperti, l-aktar żmien meta n-nies jipprovaw ifittxu persuna fuq is-siti tkun għall-aħħar tas-sena. Fil-fatt, Whitney Casey, espert dwar ir-relazzjonijiet minn Match.com qal li l-aktar żmien fejn ikollhom l-aktar xogħol x’jagħmlu hu bejn is-26 ta’ Diċembru u l-14 ta’ Frar. Il-fatt li tkun se tibda sena ġdida u bidu ġdid iġiegħel lil dak li jkun li jfittex ma’ min jibdieha.
L-awtriċi Doree Lewak tgħid li n-nisa xorta għadhom iħossu ċerta pressjoni fuqhom f’dawn il-vaganzi u jkunu jixtiequ jqattgħuhom ma’ xi ħadd.
Fil-fatt, is-siti tad-‘dating’ jafu li dawk li jużaw is-servizz tagħhom ikunu partikolarment vulnerabbli f’dawn iż-żminijiet tas-sena u għalhekk spiss joffru rati speċjali biex jiġbdu l-attenzjoni ta’ dawk li jkunu qegħdin ifittxu esperjenza romantika.
Minkejja dan kollu, hemm ħafna nies oħra li jippreferu jqattgħu dawn iż-żminijiet fil-kumpanija tal-ħbieb jew anke waħedhom. Uħud minnhom jgħidu li meta qattgħuha ma’ persuna, l-esperjenza li kellhom kienet tant kerha li ma jridux jerġgħu jgħaddu minnha.

Tkun ‘single’: tad-dwejjaq jew le?


Ħafna siti fuq l-internet jagħtu diversi raġunijiet għaliex min ikun ‘single’ għandu jħossu kuntent. L-ewwelnett jissuġġerixxu lil min hu ‘single’ biex ma jagħtix kas ta’ dak li jgħidu ta’ madwaru. Se jsib min jistaqsih għaliex huwa ‘single’, bħallikieku l-uniku mira tal-ħajja għandha tkun li jsib il-persuna t-tajba u jieqaf hemm.
Li tkun ‘single’ ma jfissirx li tkun waħdek. Ikollok ċans tagħmel ħafna affarijiet, fejn ikollok anke diversi opportunitajiet tidħol f’attivitajiet fejn tagħmel ħbieb ġodda. Min hu mistħi din tista’ tkun ukoll opportunità biex jiltaqa’ ma’ nies ġodda u jrabbi l-kunfidenza fih innifsu. B’hekk din l-opportunità tista’ sservi biex wieħed jitgħallem jitkellem ma’ nies li ma jafhomx, jibni ħbiberiji u jtejjeb il-komunikazzjoni ma’ ħaddieħor, u jitgħallem ukoll ikun ottimist. Skont diversi riċerki, l-aqwa ingredjent biex persuna tkun kuntenta hu li tkun ottimista.
Li tkun ‘single’ jagħtik iċ-ċans li tkun liberu. Kulħadd għandu x-xewqat tiegħu u dan hu ċ-ċans li wieħed jipprova jwettaqhom, jew ma’ xi ħadd li jkollu l-istess ideat jew inkella anke waħdu. Anke fejn jidħol ix-xogħol, jekk tiġi opportunità li tmur taħdem barra l-pajjiż jew li tibdel għal xogħol ieħor se ssibha iktar faċli milli jekk tkun miżżewweġ u d-deċiżjoni tiegħek se taffettwa lil iżjed nies barra int. Tkun ‘single’ għandek il-possibbiltà li tkun aktar spontanju f’dak li tagħmel.
Barra minn hekk, persuna ‘single’ m’għandhiex bżonn tagħmel kompromessi. F’re-lazzjoni, ħafna drabi jingħata l-parir li l-kompromess u s-sagrifiċċji huma essenzjali għal relazzjoni b’saħħitha.
Għaldaqstant, li tiżżewweġ għandha tkun għażla. Hemm vantaġġi u żvantaġġi li tiż-żewweġ, bħalma hemm van-taġġi u żvantaġġi għal min jiddeċiedi li jibqa’ ‘single’. Hi biss għażla ta’ stil ta’ ħajja.

Prodotti għas-‘singles’

Hekk kif in-numru ta’ ‘singles’ qed dejjem jiżdied, diversi industriji qegħdin jaraw kif jagħmlu biex jieħdu ħsieb anke ta’ dan is-settur ta’ nies.
Fost l-oħrajn, il-kumpanija Marks & Spencer ħarġet bl-idea li tipprovdi ħass żgħir għal dawk li jgħixu waħedhom. Ħassa li hi kwart tal-qies ta’ ħassa normali u li hi r-riżultat ta’ esperimenti minn xjenzati biex ikabbru pjanti dejjem iżgħar tal-ħass.
Dan ġara wara li l-kum-panija rċeviet diversi lmenti li dawk li jieklu waħedhom qegħdin jarmu ħafna minn ħassa normali. Allura l-kum-panija ddeċidiet li tara kif tagħmel biex taqdi lil dawn il-klijenti wkoll.
Barra minn hekk, diversi ‘supermarkets’ qegħdin ipoġġu dan il-fattur fuq l-aġenda tagħhom, tant li qegħdin anke jipproduċu z-zokkor f’qisien tan-nofs kilo wkoll, kafe f’bottijiet żgħar, ħobż b’anke biċċiet ħobż biss u anke bottijiet b’qisien iżgħar.
Dawn il-qisien ġodda bdew hekk kif l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tneħħi l-qisien u l-kejl tradizzjonali fuq l-ikel. Iddeċidiet li tħalli l-libertà biex b’hekk min jipproduċi jkun jista’ jagħżel il-qies li jħoss l-aħjar.
Madankollu, dan sab oppo-żizzjoni mis-‘supermarkets’ fl-Ingilterra hekk kif kien hemm biża’ li l-konsumatur kien se jitħawwad liema tkun l-aħjar offerta. L-Unjoni Ewropea qalet li b’dan il-mod ikun rikonoxxut il-fatt li qegħdin jiżdiedu n-nies li jgħixu persuna jew tnejn f’dar.

Sieħeb jew sieħba li tixbhek


Diversi koppji, uħud minnhom anke famużi, jixbhu lil xulxin. Teoriji xjentifiċi jgħidu li ħafna drabi aħna ninġibdu lejn persuni li jkollhom fattizzi f’wiċċhom li jkunu simili għal tagħna.
Illum il-ġurnata, aġenzija tad-‘dating’ fuq l-internet qiegħda tuża dan il-fattur biex issib persuni li jkunu jixbhu lil xulxin.
Il-websajt FindYourFacemate.com tuża ‘software’ speċjali li jagħraf il-fattizzi tal-wiċċ biex issib żewġ persuni jixxibhu fost il-membri tagħha. Il-fundatriċi Christina Bloom bdiet tinvestiga din it-teorija 20 sena ilu meta żżewġet raġel li kien jixbahha ħafna. Is-sit huwa b’xejn u Bloom qalet li bniet dan is-sit għax temmen fix-xjenza wara din il-ħaġa u trid tgħin lil nies oħrajn biex isibu l-persuna adattata għalihom. Qalet ukoll li llum hu diffiċli biex tiltaqa’ man-nies u iżjed diffiċli biex tnejn ikunu jaqblu.

Il-pet aktar importanti mill-partner

Fi stħarriġ li sar fl-Ingilterra fost 2,000 persuna, wieħed minn kull erba’ persuni qalu li l-pet jiġi qabel relazzjoni u żewġ terzi jikkonsidraw il-pet bħala parti mill-familja.
Ir-riċerka, li saret mill-kumpanija YouGov u PARSHIP, sabet li jekk ikollok pet inaqqas iċ-ċans li ssib l-imħabba b’40%.

Is-‘singles’ b’riskju li jmutu qabel

Fuq nota kerha, minn studju li sar ħareġ li min jgħix waħdu jista’ jkollu implikazzjonijiet serji fuq saħħtu.
Riċerkaturi fl-Università ta’ Louisville, Kentucky, sabu li n-nisa ‘single’ kienu fir-riskju li jmutu minn 7 sa 15-il sena qabel dawk li huma miżżewġin. L-irġiel marru agħar, hekk kif l-irġiel miżżewġin mistennijin li jgħixu minn 8 sa 17-il sena iżjed.
Ir-riċerkaturi studjaw informazzjoni mogħtija minn 500 miljun persuna billi analizzaw 90 studju ieħor li saru fl-aħħar 60 sena.
Is-‘singles’ kienu dawk li qatt ma żżewġu, filwaqt li dawk miżżewġin kienu jeskludu lir-romol u dawk li għaddew minn divorzju.
Sabu li l-irġiel ‘single’ kellhom 32% iżjed riskju li jmutu minn dawk l-irġiel miżżewġin, filwaqt li n-nisa ‘single’ kellhom 23% iżjed riskju li jmutu min-nisa miżżewġin.
David Roelfs, assistent professur tas-soċjoloġija f’din l-università, qal li dan jista’ jkun spjegat minħabba l-fatt li dawk li jkunu miżżewġin ikollhom aktar min isostnihom. Jekk persuna tkun miżżewġa dejjem hemm xi ħadd li jieħu ħsieb kemm tiekol u jekk mortx għand it-tabib. Fil-ħajja miżżewġa hemm aktar ċans li tgħix b’saħħtek u tieħu inqas riskji. It-tim tar-riċerka ssuġġerixxa wkoll li s-‘singles’ jista’ jkun li jkollhom inqas benefiċċji tas-saħħa, inqas assistenza pubblika u anke pagi aktar baxxi.
Minkejja dan, għal dawk li jibqgħu ħajjin wara żogħżija bħala ‘singles’, l-istudju juri li r-riskju ta’ mewt naqas sew fix-xjuħija. Filwaqt li r-riskju ta’ mewt għal dawk ‘singles’ bejn 30 u 39 sena kien 28% ogħla minn ta’ dawk miżżewġin u tal-istess età, il-persentaġġ naqas għal 16% għall-persuni ta’ 70 sena.
Roelfs qal li din ir-riċerka m’għandhiex tallarma lin-nies, hija bbażata fuq probabbiltajiet u mhux fuq ċertezzi u bl-ebda mod ma jridu li xi ħadd ‘single’ jippanikja u jaħseb li se jmut żgħir.

Interessanti għas-‘singles’...

Minn diversi siti fuq l-internet u anke minn studji li jsiru tal-apposta dwar dan is-suġġett joħorġu diversi suġġerimenti u fatti li min hu ‘single’ tajjeb li jkun jaf. It-TORĊA llum qiegħda twasslilkom uħud minn dawn:

L-‘ispeed dating’ kien ivvintat fl-1999 minn rabbi f’Los Angeles. Hu bbażat fuq tradizzjoni Lhudija.
• L-aktar żmien komuni li jitkissru r-relazzjonijiet hu bejn l-ewwel tlieta u ħames xhur.
• Normalment, il-koppji jistennew minn sitta sa tmien ‘dates’ biex jidħlu f’relazzjoni esklussiva.
• Wieħed minn kull tliet żgħażagħ esper-jenzaw vjolenza f’relazzjonijiet ta’ ‘dating’.
• Fi stħarriġ li sar minn MSNBC.com u r-rivista Elle, aktar minn 31% tal-irġiel qalu li telqu lill-partner tagħhom li kellha piż żejjed meta kkomparat ma’ 12% tan-nisa.
• Nisa li jitfgħu ritratt tagħhom fuq siti tad-‘dating’ jirċievu d-doppju tal-imejls kkomparat ma’ dawk li ma jitfgħux. Fl-istess studju nstab li rġiel li qalu li jaqilgħu iżjed minn $250,000 irċevew iżjed imejls minn dawk li jaqilgħu $50,000.
• Match.com tirrapporta li 44% tal-membri tagħha fl-Istati Uniti għandhom it-tfal.
• Fuq siti tad-‘dating’ b’xejn, minn tal-inqas 10% huma ‘scammers’.
• Jekk raġel ma jafx x’se jilbes għall-ewwel ‘date’, jagħmel sew jekk imur għall-blu. Studji juru li n-nisa jinġibdu lejn irġiel lebsin il-blu.
• 92% tal-ġenituri ‘single’ jipreferu jagħmlu ‘date’ ma’ ġenituri ‘single’ oħrajn.
• 33% ta’ dawk li jagħmlu ‘date’ fuq l-internet jidħlu f’relazzjoni, 33% le u 33% jaqtgħu qalbhom.
• L-industrija tad-‘dating’ tiġġenera $1.8 biljun fis-sena.
• It-tielet ġimgħa ta’ Settembru hija l-Ġimgħa Nazzjonali tas-‘Singles’ fl-Istati Uniti.
• Riċerkaturi fl-Università ta’ Chicago sabu li kien hemm ċans doppju li persuni ‘single’ isibu ‘date’ minn fost il-ħbieb milli fil-barijiet.
• Erbgħa minn kull għaxar relazzjonijiet ta’ ‘dating’ fuq il-post tax-xogħol jirriżultaw fi żwieġ.
• Psikologi mill-Università ta’ Pennsylvania studjaw informazzjoni ta’ aktar minn 10,000 ‘speed dater’. Sabu li ħafna nies jieħdu deċiżjoni dwar jekk il-persuna togħġobhomx f’ħin ta’ tliet sekondi.
• Bniedem li jlaqqa’ l-koppji f’Manhattan jieħu $20,000 tas-servizz tiegħu. Jekk ikun hemm żwieġ jistenna ‘bonus’.
• Fid-dinja tad-‘dating’, in-nisa jibżgħu minn xi qattiel. L-irġiel jibżgħu li jiltaqgħu ma’ xi ħadd oħxon.
• Fi stħarriġ fost 5,000 ‘single’, 43% qalu li n-nifs frisk kien l-aktar li jgħodd qabel ‘date’, 17% jħossu li l-ħwejjeġ sbieħ, 15% fwieħa tajba, 14% li jkollhom ġilda sabiħa u 10% li jkollhom xagħarhom sew.
• Speċjalisti tad-‘dating’ jissuġġerixxu li tistenna sat-tielet ‘date’ qabel tistieden lil xi ħadd għall-ikel id-dar.
• Madwar 40% tal-irġiel ma jħossuhomx komdi jiltaqgħu ma’ mara l-ewwel darba.
• Wara l-affari ta’ Tiger Wood, l-irġiel li kienu qegħdin ifittxu relazzjoni serja naqsu b’47.5% minn fuq is-sit.
• Studji juru li l-iskejjel, kulleġġi u ħwienet tal-kafè huma postijiet eċċellenti biex tiltaqa’ ma’ xi ħadd. Postijiet mhux adattati huma r-ristoranti u t-teatri taċ-ċinema.
• Studji juru li l-pożizzjoni ta’ kif joqgħod raġel qabel ma jitkellem tgħodd 80% għall-ewwel impressjoni ta’ mara.
• Il-kuntentizza tittieħed. Persuni jsibuha diffiċli li jitilqu minn ħdejn xi ħadd ferrieħi. Bil-kontra taħdem in-negattività.
• L-irġiel jiddejqu minn gruppi ta’ nisa jgħajtu. Jekk mara trid tiltaqa’ ma’ ġuvni trid tinqata’ għaliha u tagħti ċ-ċans lir-raġel li jkellimha.
• Jekk persuna tkompli mal-mossi tal-persuna l-oħra turi interess. Madankollu, wieħed għandu jevita li jikkopja kull mossa.
• Jekk trid tagħmel impatt mill-ewwel ma’ persuna semmi isimha darbtejn fil-konverżazzjoni. Turi kemm int attent u fid-diskussjoni.
• Li tiftakar biċċiet ta’ informazzjoni dwar persuna u tinkludihom fil-konverżazzjoni tagħti pjaċir u turi interess.
• Nifs jinten u snien maħmuġin jitfu lil dak li jkun.
• Meta raġel jiffaċċja mara, 55% tal-ewwel impressjoni tagħha tmur fuq l-apparenza u l-mossi li jagħmel, 38% fuq il-mod kif jitkellem u 7% biss fuq dak li jgħid.




No comments:

Post a Comment