Tuesday, January 10, 2012


Kemm hi kbira l-problema tat-tibdil fil-klima u kemm qiegħda tingħata importanza?
Kwistjoni li jista’ jkollha impatt qawwi fuq id-dinja kollha
Kull sena li tgħaddi jiżdied it-tħassib minħabba l-bidliet li jseħħu fil-pjaneta tagħna. Bidliet li ħafna drabi jbiddlu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħna u li jinkwetawna għal dak li jista’ jiġri fil-futur.
Waħda mit-tibdiliet li d-dinja qiegħda ssofri minnhom hija t-tibdil fil-klima. Din il-problema tinsab fuq l-aġenda tal-pajjiżi kollha peress li mhux biss għandha effetti fuq l-ambjent, iżda ġġib magħha diversi konsegwenzi oħrajn li huma ta’ tħassib.
l-orizzont iddeċieda li jistudja aħjar dan l-argument u tkellem mal-Kelliem Ewlieni Laburista għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, kif ukoll ma’ Alan Pulis li hu speċjalizzat fil-qasam tal-immaniġġjar ambjentali.
Tishin globali u tibdil fil-klima
Pulis beda biex jgħidilna li l-ewwel irridu niddistingwu bejn dak li jissejjaħ “tisħin globali”, jiġifieri li l-pjaneta qiegħda tisħon meta mqabbla mat-temperaturi globali kif kienu fl-era pre-industrijali, u l-fenomenu nnifsu tat-“tibdil fil-klima”. It-tisħin globali hu l-kawża tal-problema filwaqt li t-tibdil klimatiku hu dak li jirriżulta minn dan it-tisħin, jiġifieri l-effett.
Dan it-tibdil klimatiku ma jistax iseħħ biss minħabba l-attivitajiet tal-bniedem. Hemm fenomeni naturali li jwasslu għal dan. Eżempju, l-isplużjoni vulkanika ta’ Pinatubo fl-Indoneżja fl-1992 wasslet għal tnaqqis fil-medja tat-temperatura globali. Studji tas-silġ f’Antarctica jindikaw li l-pjaneta bħal donnha tgħaddi minn ċikli naturali ta’ kesħa (magħrufin bħala ice ages) u sħana (interglacials) li jalternaw fuq medda ta’ eluf ta’ snin.
Li qed iħassibna hu t-tibdil klimatiku li qed ikun ikkaġunat minn attiviatjiet tal-bniedem.
Matul dawn l-aħħar 200 sena kellna żvilupp soċjo-ekonomiku qawwi f’bosta pajjiżi madwar id-dinja, speċjalment fl-Ewropa u l-Istati Uniti. Dan l-iżvilupp seħħ l-aktar minħabba ħruq kontinwu ta’ ‘fossil fuels’ – żejt, faħam u gass – li permezz tagħhom l-umanità setgħet tilqa’ għall-bżonnijiet ta’ enerġija li baqgħu dejjem jikbru. Ta’ dan kien hemm konsegwenza, jiġifieri l-bosta gassijiet serra (greenhouse gases) li llum nafu li akkumulaw f’ammonti rekord fl-atmosfe­ra tad-dinja. Il-gass serra prinċipalment hu diossidu tal-karbonju li għan­du l-abbiltà li jassorbi s-sħana li tkun qiegħda tiġi riflessa mill-pjaneta tagħna (infrared).
Dan il-gass nis­tgħu ngħidu li dej­jem kien hemm ċertu ammont minnu fl-atmosfera u li ppermetta l-evoluzzjoni tal-ħajja fid-dinja kif nafuha f’temperaturi mhux kesħin jew sħan iżżejjed.
Il-livell ta’ diossidu tal-karbonju fl-atmosfera llum qabeż sew kull livell li qatt kellna, tal-inqas fl-aħħar nofs miljun sena. Jeżisti qbil li l-kaġun ta’ dan kien il-ħruq tal-‘fossil fuels’ f’dawn l-aħħar 200 sena. Il-livelli pre-industrijali ta’ diossidu tal-karbonju hu stmat li kien madwar 280 ppm. Il-livelli tal-lum huma ta’ madwar 380 ppm, rekord għal eluf kbar ta’ snin. Dan inissel tħassib!
Is-settur tal-enerġija – primarjament il-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-konsum ta’ ‘fossil fuels’ għat-trasport – hu s-sors prinċipali tal-gassijiet serra. Hu ovvju allura li meta wieħed jitkellem dwar it-tibdil fil-klima bilfors jirreferi għall-andament tal-affarijiet fis-settur tal-enerġija.
Din is-sitwazzjoni donnha timplika żieda fit-temperatura globali u fil-fatt l-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) tistma’ li t-temperaturi globali żdiedu b’medja ta’ 0.74 grad ċentrigradu fuq l-aħħar mitt sena (1906-2005). Dan ma jfissirx li t-temperaturi mhux se jiżdiedu aktar minħabba d-diossidu tal-karbonju li hemm bħalissa, irrispettivament xi jsir dwar l-emissjonijiet li għandna llum.
Minkejja li nafu li din iż-żieda fit-temperatura globali għandha tħalli impatt sos­tan­zjali fuq il-klima madwar id-dinja, għad hemm ħafna inċertezza dwar kemm se jkunu estiżi dawn l-impatti u x’se jkunu l-effetti soċjo-ekonomiċi fuq diversi komunitajiet. Bosta xjenzati jaqblu li jekk il-medja fiż-żieda tat-temperatura globali tilħaq iż-żewġ gradi ċentigradi dan ikun ifisser impatt irriversibbli fuq il-klima globali. Dan ikun isarraf fi spejjeż kbar ta’ addattazzjoni u konsegwenzi serji li mhux kull popolazzjoni madwar id-dinja tista’ tilqa’ għalihom.
Leo Brincat semma wkoll dan il-punt u qal li jekk naslu f’dan l-istadju “nkunu dħalna f’baħar imqalleb sew li diffiċli li wieħed isib tarfu”.
Is-summit ta' Durban
Is-summit ta’ Durban li kellna dan l-aħħar fl-Afrika t’Isfel kien parti minn proċess kumpless ħafna biex il-pajjiżi prattikament kollha fid-dinja, firmatarji tal-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta’ Kyoto, qegħdin iħabirku biex it-tisħin globali jkun kontenut.
Dwar dan, Leo Brincat qal li “fil-fehma tiegħi l-iskop ewlieni li ntleħaq kien li ma jiġix imminat il-proċess tan-negozjati nnifsu billi jkompli joffri tamiet u prospetti għal negozjati aktar intensivi fil-ġejjieni. Għalkemm ma ntleħaq l-ebda ftehim li jorbot legalment, hemm l-impenn li l-istati membri kollha issa huma impenjati li jaħdmu għal trattat li jorbot fil-ġejjieni. Iżda obbligatorju ma hemm xejn ħlief li juru dan l-impenn.”
Brincat jaħseb li l-ftehim bl-ebda mod mhu se jkollu effett jew impatt immedjat fuq it-tibdil fil-klima nnifisha, tant li fil-fehma ta’ ħafna, id-deċiżjonijiet meħudin huma ferm inqas minn dak li kien mistenni fiċ-ċirkostanzi. Min-naħa l-pożittiva, għalkemm ħafna ħasbu li Durban setgħet immarkat it-tmiem tal-Protokoll ta’ Kyoto, għall-inqas dan issa se jiġi estiż sakemm jinbeda l-proċess li permezz tiegħu jeħodlu postu ftehim li jpoġġi lill-ġnus kollha f’miżien wieħed. Bħas-soltu issa nerġgħu nibdew nimtlew b’tamiet ġodda fis-summit li jmiss. Dan se jkun imsejjaħ COP 18 u mistenni jinżamm fil-Qatar.
Il-kelliem Laburista jħoss li “jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna kulma hemm sal-lum huma biss wegħdi iżda d-dettalji dwar ir-‘road map’ għall-ġejjieni għad trid tiġi negozjata. Anke l-aspett tas-sorsi preċiżi ta’ minn fejn u kemm ġejjin fondi għall-hekk imsejjaħ ‘Green Climate Fund’ għadhom iridu jiġu definiti.
“F’summits bħal dawn ikollok ġlieda qalila moħbija għaddejja bejn l-interessi ġeopolitiċi u dawk makro-ekonomiċi. Fuq nota ottimista, tal-inqas il-ferrovija għadha fuq il-binarju. Meta tasal fl-istazzjon irridu naraw.”
Kwistjoni serja
Leo Brincat spjegalna li l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima hi waħda serja ħafna. Għalkemm jaf hemm gvernijiet u partiti politiċi flimkien ma’ ċerti ‘lobby groups’ li jipprovaw iċekknu l-importanza ta’ din il-problema, hu magħruf li din il-kwistjoni tant tittieħed bis-serjetà li saħansitra aġenziji tal-ispjunaġġ bħas-CIA huma magħrufin li waqqfu unitajiet speċjali biex jistudjaw l-implikazzjonijiet ta’ din il-kwistjoni minħabba l-impatt ġeo-strateġiku li jista’ jkollha. Ir-raġuni hi sempliċi. Din il-kwistjoni tmur ferm lil hinn mill-qasam purament ambjentali peress li għandha impatt fuq l-oqsma soċjo-ekonomiċi ewlenin, kif ukoll fuq dak tas-sigurtà nazzjonali u internazzjonali.
Brincat kien ħa interess l-ewwel darba fis-suġġett meta kien Shadow Minister tal-Affarijiet Barranin tal-PL u l-Ingliżi kie­nu qegħdin jinsistu taħt Gvern Laburista biex ipoġġu l-kwistjoni fuq l-aġenda tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Hu kien argumenta li peress li din hi kwistjoni mifruxa li tolqot ħafna u l-aktar lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, kwistjoni bħal din kellha tittella’ wkoll fuq l-aġenda tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
Impatt fuq l-immigrazzjoni
Minn dak iż-żmien ’l hawn din il-kwistjoni qiegħda jkollha wkoll impatt fuq il-qasam tal-immigrazzjoni billi ħolqot fenomenu ġdid li jissejjaħ ‘climate refugees’ – refuġjati jkollhom jitilqu minn pajjiż għal ieħor jew reġjun għal ieħor biex jevitaw l-impatt negattiv u qerriedi tat-tibdil fil-klima.
Fil-fatt, il-gwerra ċivili fis-Sudan hi meqjusa bħala forsi l-ewwel gwerra ċivili li kellha bħala bażi t-tibdil fil-klima u l-iskarsezza tal-ilma, fost raġunijiet oħ­rajn.
Kif taffettwa lil Malta
Fil-każ ta’ Malta, Leo Brincat qal li pajjiżna ma jiġġenerax diossidu tal-karbonju daqs pajjiżi ferm akbar minna. Min-naħa l-oħra, meta tqis li Malta tinsab fiċ-ċentru tal-Mediterran allura wieħed jinduna li din tolqotna mill-viċin ħafna u jista’ jkollha effett dirett fuq il-klima u r-riżorsi tagħna. Fost l-oħrajn jiġu affettwati s-saħħa ambjentali nnifis­ha, it-turiżmu għax insiru destinazzjoni ferm aktar sħuna u hemm ċans li nimbottaw lit-turisti lejn pajjiżi oħrajn bi klima aktar moderata u r-riżors tal-ilma – li diġà hu problema – li mistenni jintlaqat ħażin kemm fil-kwalità, kif ukoll fil-kwantità. Barra minn hekk jiġu affettwati wkoll il-livelli tal-baħar fix-xtajtiet.
Dwar dan Alan Pulis qal li din il-kwistjoni fil-gżejjer żgħar mhix relatata biss ma’ aktar sħana jew varjabbiltà fil-preċipitazzjoni (jiġifieri l-frekwenza u l-intensità tal-perjodi tax-xita).
Mudelli klimatiċi mħaddmin mill-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) għall-Mediterran qegħdin jipproġettaw numru inqas ta’ ġranet bix-xita f’dan ir-reġjun filwaqt li r-riskju ta’ perjodi pjuttost twal ta’ nixfa matul l-istaġun tas-sajf hu mistenni li jiżdied. Dawn huma kundizzjonijiet li tipikament iwasslu għall-fenomenu magħruf bħala deżertifikazzjoni u li allura jolqot ħażin ħafna l-produttività tal-art b’detriment serju għall-agrikoltura.
Problema kbira oħra, bħalma semmielna qabel ukoll Leo Brincat, x’aktarx hi relatata mal-livelli tal-baħar li mistennijin li jogħlew sostanzjalment fuq medda ta’ snin. Dan mistenni jiġri għax idub aktar silġ mill-Artiku jew minn Antarctica imma wkoll minħabba l-fatt li t-temperaturi aktar għoljin ifissru baħar aktar sħun u li allura dan jespandi. Il-konsegwenzi ġenerali jkunu li żoni tal-kosta jistgħu jispiċċaw mgħarrqin b’kon­segwenzi kbar u serji fuq komunitajiet li jgħixu hemmhekk.
Livelli aktar għoljin tal-baħar ikun ifisser stress akbar fuq l-ilma tal-pjan, il-‘groundwater aquifiers’, għas-sempliċi raġuni li l-baħar jidħol fil-blat b’aktar saħħa u allura jżid is-salinità tal-‘aquifiers’. Gżejjer żgħar għandhom tendenza jkunu aktar vulnerabbli għal dan. Il-prezz li jkollna nħallsu jkun fil-forma ta’ dipendenza dejjem akbar fuq impjanti li jiġġeneraw l-ilma tajjeb għax-xorb, bħall-impjanti tar-‘reverse osmosis’. Dan jinvolvi aktar spejjeż, aktar konsum ta’ enerġija u x’aktarx aktar emissjonijiet. M’għandniex xi ngħidu li minħabba l-limitazzjonijiet ovvji li għandhom gżejjer żgħar bħal pajjiżna, l-impatt soċjali u ekonomiku ta’ sitwazzjoni bħal din għandu tendenza li jkun wieħed pjuttost drastiku.
Bħall-kelliem Laburista, Alan Pulis iħoss li perjodi ta’ nixfiet aktar twal fis-sajf f’Malta u possibbilment temperaturi aktar sħan jistgħu jġibu magħhom diversi implikazzjonijiet oħrajn bħal per eżempju impatti negattivi fuq is-saħħa pubblika b’mod ġenerali u anke, mil-lat ekonomiku u fuq it-turiżmu fejn id-destinazzjonijiet favoriti jistgħu jsiru dawk fejn il-klima tas-sajf tkun aktar moderata minn kif inhu mbassar għall-Mediterran u għan-naħa t’isfel tal-Ewropa.
Il-krizi ekonomika u l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima
Rigward il-kriżi ekonomika u l-effetti li din seta’ kellha dwar it-tħassib fuq it-tibdil fil-klima, iż-żewġ kelliema jaqblu li din ma naqqsitx it-tħassib ġenerali dwar din il-kwistjoni.
Alan Pulis iħoss li dan tal-inqas mhux il-każ fl-Ewropa. Fil-fatt qalilna li skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru li kien ippubblikat f’Ottubru li għadda, madwar 51% ta’ dawk intervistati mid-diversi Stati Mem­bri jikkonsid­raw it-tibdil klimatiku bħala waħda mill-aktar problemi serji li qegħdin nif­faċċjaw u xejn inqas minn 20% jqisu din il-problema bħala l-aktar waħda serja, jekk mhux ukoll aktar serja mill-kriżi finanzjarja li bosta pajjiżi, par­tiko­lar­ment dawk Ewro­pej, bħalissa għaddejjin minnha.
L-istess sostna Leo Brincat u semma wkoll l-istess stħarriġ tal-Ewrobarometru. Hu jemmen li minkejja li ċerti pajjiżi forsi se jsibuha aktar diffiċli biex idaħħlu idejhom fil-but u jagħtu l-kontribuzzjonijiet mwegħdin għall-hekk imsejħa “Climate Green Fund” li bihom huma mistennijin li jgħinu lill-pajjiżi foqra kif ukoll lil dawk li qegħdin jiżviluppaw, min-naħa l-oħra billi qegħdin jintebħu li din il-kwistjoni jekk taħrabilhom jista’ jkollha impatt negattiv ekonomiku u finanzjarju qawwi fuq pajjiżhom stess, se jintebħu li fl-aħħar mill-aħħar huma nfushom jistgħu jkunu tellifin.
Min-naħa l-oħra iżda kien hemm gvernijiet li kellhom ibiddlu l-prijoritajiet tagħhom minħabba konsiderazzjonijiet elettorali għax f’pajjiżi fejn ikunu resqin l-elezzjonijiet ġenerali jafu jkunu inklinati li jpoġġu fil-ġenb il-prijoritajiet tagħhom dwar il-klima.
Il-problema ewlenija li qiegħda tiffaċċja d-dinja bħalissa hi li t-temperaturi jinsabu telgħin b’rata ferm ogħla mill-imgħoddi filwaqt li r-riżultati miksubin s’issa naqqsu r-rankatura. B’hekk il-ħtieġa ta’ sforzi dejjem akbar qiegħda tikber flok tiċkien, huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi u hi x’inhi l-qagħda ekonomika u finanzjarja fid-dinja u anke fl-Ewropa bħalissa.
Intant, Pulis spjegalna kif l-istess rapport tal-Ewrobarometru jiżvela kif l-aktar erba’ pajjiżi fl-UE fejn jidher li hemm tħassib serju dwar it-tibdil fil-klima huma l-Lussemburgu, id-Danimarka, Malta u l-Iżvezja. Filwaqt li 20% ta’ dawk intervis­tati jqisu li t-tibdil fil-klima hi l-aktar problema serja li qegħdin niffaċċjaw, dan il-persentaġġ għal Malta jaqra xejn inqas minn 30% u dan daqs l-Iżvezja. Hu pjuttost sinifikanti anke meta wieħed iqis li l-Iżvezja hu wieħed mill-aktar pajjiżi sensittivi għall-ambjent fid-dinja.
Pulis iħoss li jkun żball kbir jekk il-komunità internazzjonali, partikolarment il-politiċi, jagħtu l-ġenb lil din il-kwistjo­ni bl-iskuża tal-kriżi ekonomika. L-akbar sfida li qegħdin niffaċċjaw illum fil-fatt mhix il-kriżi ekonomika nnifisha, iżda kemm aħna kapaċi nittrasformaw din l-istess kriżi bħala opportuni­tà li permezz tagħ­ha tevolvi ekono­mija aktar ħadra (green eco­nomy) bi stili ta’ ħajja aktar sostenibbli u b’in­qas emissjonijiet ta’ karbonju. “Jekk il-mexxejja Ew­­ro­pej iridu juru kemm vera jħarsu ’l qud­diem fl-aħjar interess tal-Ewropa jekk mhux ukoll tal-pjaneta kollu, dawn ma jistgħux jitkellmu dwar il-kriżi ekonomika jekk mhux ukoll fil-kuntest tat-tibdil klimatiku,” qal Pulis.
(…ikompli fil-ħarġa li jmiss ta’ din il-paġna)

No comments:

Post a Comment