Monday, January 30, 2012

Il-miżerja li għenitu jsir famuż



Is-suċċess hu li tibqa’ għaddej fil-ħajja. Hekk iħoss il-kantant, kittieb tad-diski, mużiċist, poeta u rumanzier Leonard Norman Cohen li ta’ 77 sena se jkun qiegħed iniedi t-12-il album tiegħu jumejn oħra, bl-isem ta’ “Old Ideas”.
Cohen hu magħruf għall-messaġġ li jwassal permezz tal-pessimiżmu u d-diqa li jixirfu mill-kitbiet u fil-mużika tiegħu. Ħafna mix-xogħlijiet li jikteb huma dwar temi marbuta mar-reliġjon, l-iżolament, is-sesswalità u r-relazzjonijiet interpersonali. Iżda x’wasslu biex jikteb dwar dan?
Ħajja diffiċli

Ħarsa lejn l-istorja ta' ħajtu malajr turik li ma kellux ħajja faċli, kemm qabel ma sar famuż u lanqas wara. Twieled il-Kanada, f’Montreal, minn ġenituri Lhud. Ta’ disa’ snin tilef lil missieru u din l-esperjenza jidher li ħalliet l-effetti koroh tagħha fuqu. Kien ibati minn dipressjoni li rnexxielu biss jegħleb ħafna iżjed tard f’ħajtu.
Tgħallem il-mużika u l-poeżija, fejn ħa interess b’mod speċjali fil-poeżiji tal-poeta Spanjol Federico Garcia Lorca. Bħala żagħżugħ kien tgħallem il-kitarra u fforma grupp li kienu jdoqqu mużika ‘country-folk’.
Meta lesta l-istudji tiegħu fil-letteratura fl-università, fejn kien diġà beda jispikka fil-kitba u l-poeżiji tiegħu, hu tħajjar li jaqbad karriera letterarja.
Sfortunatament, din il-karriera ma tantx għenitu biex jagħmel flus minnha. Żewġ rumanzi tiegħu miktuba f'dawk iż-żminijiet – “The Favourite Game” u “Beautiful Losers” – ma tantx inbiegħu, għalkemm tal-aħħar kisiblu ftit fama meta xena ta' laqta sesswali f'dan ir-rumanz kienet ivvotata bħala l-agħar waħda fl-istorja tal-letteratura Kanadiża.
Minħabba n-nuqqas ta’ suċċess fil-kitba, Cohen telaq lejn New York bl-idea li jsir kantant. Kellu diġà mat-30 sena u dawk li jippromwovu lill-artisti kellhom ħabta jistaqsuh jekk kienx xi ftit xiħ għal din it-tip ta’ karriera. Ma kellux xi sbuħija partikolari, ma kienx kantant tajjeb ħafna u lanqas ma kellu ċerta kariżma.
Iżda l-qalba f’ħajtu saret meta ltaqa’ ma’ Judie Collins fi klabb u din aċċettat li tirrekordja l-kanzunetta tiegħu, 'Suzanne'. Fl-1967, kien mniedi l-album “The Songs of Leonard Cohen”, li kien fuq l-istess stil folk ta’ Bob Dylan u Joni Mitchell. Kien dan l-album li wassal biex Cohen sar stilla.
Iżda l-isfortuna baqgħet tiġri warajh hekk kif anke safa mhedded mil-produttur tad-diski, Phil Spector li poġġielu pistola ma’ rasu.
Fis-snin disgħin, hu sparixxa u ngħalaq f’Monasteru Zen f’Kalifornja fejn fis-sena 2000 kien qal li rnexxielu jegħleb id-dipressjoni u kien qed iħossu li lest li jerġa’ jibda jaħdem.
Ma tantx dam ma biddel fehmtu meta fl-2005 skopra li aktar minn $5 miljun mill-qligħ li kien għamel matul il-karriera tiegħu kienu sparixxewlu mill-kontijiet tal-bank. Rebaħ kawża lill-eks-maniġer tiegħu Kelley Lynch, iżda ma rnexxilux jikseb lura flusu. B’hekk kellu jerġa’ jibda jaħdem. Reġa’ beda jdur id-dinja għal sentejn u ħareġ album ieħor.
Id-dipressjoni

Meta niżel mill-muntanja, fejn kien qiegħed magħluq fil-Monasteru Buddist, ħass li d-dipressjoni kienet għaddietlu. Spjega li hu kien iħoss li d-dipressjoni li kellu kienet waħda klinika li kienet timlilu ħajtu kollha b’ansjetà u dieqa kbira, bis-sens li xejn ma jista’ jmur tajjeb, li l-pjaċir ma jeżistix u li l-istrateġiji tiegħu kienu kollha jitkissru.
Fortunatament, illum iħoss li bis-saħħa ta’ għalliema tajbin li sab fil-monasteru u l-fortuna d-dipressjoni bil-mod telqet u qatt ma reġgħet affettwatu b’dak il-mod qawwi bħalma kienet għamlet għal parti kbira ta’ ħajtu. Wera l-ħsieb tiegħu li r-raġuni setgħet kienet ukoll l-età, peress li xjaħ. Fil-fatt, irrefera għal kitba li qara li kienet tgħid li ċerti ċelloli tal-moħħ, li huma assoċjati mal-ansjetà, imutu hekk kif persuna tixjieħ. Għalhekk mhux importanti kemm tagħmel ħiltek, jiddependi biss mill-kundizzjoni tal-moħħ jekk tħossokx aħjar jew agħar.
Il-kitbiet u l-mużika ta’ Cohen

Bosta drabi Cohen jitratta ħafna t-temi tal-imħabba, sess, reliġjon, id-dipressjoni u l-mużika fiha nnifisha. Jidħol ukoll kultant f’ċerti temi politiċi, għalkemm mhux dejjem b’mod dirett.
Ma jiddejjaqx jgħid li l-kliem tad-diski ma jiġuhx faċli. Għalhekk meta tiġih idea tajba jipprova jibqa’ jaħdem fuqha. Jagħti eżempju bil-kanzunetta magħrufa tiegħu “Hallelujah” li llum il-ġurnata saret famuża permezz tal-programm televiżiv “The X Factor”. Din il-kanzunetta ħaditlu sentejn biex għamilha u kellu 80 vers li setgħu jkunu użati. Jispjega wkoll li hemm ħafna nies li jaħdmu sew meta jkollhom l-abbundanza, iżda hu mhux wieħed minnhom.
Meta kien mistoqsi minn ġurnalist ta’ The Guardian dwar jekk jixtieqx li kieku l-proċess tal-kitbiet tiegħu ma kienx wieħed daqshekk twil u diffiċli, Cohen wieġbu billi ġablu l-eżempju li fid-dinja li qegħdin ngħixu fiha hemm nies li jaħdmu fil-minjieri u jitkissru b’xogħol manwali. Hawn il-faqar u l-ġuħ u n-nies qegħdin jispiċċaw vittmi fi sparaturi jew inkella ttorturati fil-kantini. Allura għalih jaraha diffiċli li jagħti daqshekk valur għax-xogħol li jagħmel hu meta jikteb kanzunetta.
Barra minn hekk, spjegalu wkoll li dejjem joħroġ xi ħaġa meta jikteb diska. Iżda mhux idea. Dawk iħoss li trid teħles minnhom fid-diski għax inkella qishom joħolqu ‘slogan’. Dejjem fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, bħall-ekoloġija jew l-idea ta’ kontra l-gwerra. Kollha huma ideat sbieħ iżda Cohen iħobb jifforma dawn l-ideat f’esperjenzi. U dak li jdaħħal fil-kanzunetta huma l-esperjenzi tiegħu.
Iħoss ukoll li l-kanzunetti jista’ jkollhom diversi effetti fuq min jismagħhom. Jistgħu jmissu l-qalb tal-persuna, iżda jistgħu wkoll jintużaw biex wieħed inaddaf id-dar jew inkella jaħsel il-platti.
Relazzjonijiet

Leonard Cohen qatt ma kien miżżewweġ. Jisħaq li kellu biża’ kbira miż-żwieġ u kien proprju għalhekk li ma żżewwiġx mal-artista minn Los Angeles Suzanne Elrod. Magħha kellu żewġt itfal, Adam, li segwa l-karriera ta' missieru fil-mużika, u Lorca, li isimha tnissel proprju mill-imħabba ta' Cohen lejn il-poeta Spanjol Federico Garcia Lorca.
Fis-snin tmenin kien f’relazzjoni mal-fotografa Franċiża Dominique Issermann li ġibditlu l-ewwel żewġ vidjos tal-kanzunetti tiegħu. Illum il-ġurnata, Issermann hi famuża għar-ritratti li ħadet lil Carla Bruni u għall-fotografija tal-moda għal rivisti bħal Elle. Fl-2010 kienet ukoll il-fotografu uffiċjali tat-tour ta’ Cohen.
Aktar tard, fis-snin disgħin, Cohen kellu involviment romantiku mal-attriċi Rebecca De Mornay, sakemm fis-snin elfejn kellu relazzjoni ma’ Anjani Thomas li kienet involuta fil-kitba ta’ album minn tiegħu. Intant, mill-aħħar tas-snin sebgħin Cohen kellu wkoll kuntatti ma’ Kyopan Joshu Sasaki li kienet iżżuru meta kien magħluq fil-monasteru u tgħinu bħala l-assistenta personali tiegħu. F’ċerti poeżiji ta’ Cohen jidher li qed jindirizza lilha.
Unuri

Isem Cohen jinsab imniżżel fir-Rock and Roll Hall of Fame tal-Amerika, fis-Songwriters’ Hall of Fame tal-Kanada u fil-Music Hall of Fame tal-Kanada wkoll. Hu ngħata wkoll l-ogħla unur ċivili fil-Kanada bħala “Companion of the Order of Canada”.
Barra minn dawn hemm diversi unuri oħrajn li ngħatawlu kemm fil-letteratura, fil-poeżija, films, għall-bejgħ ta’ ammonti ta’ albums, fil-kant, fil-produzzjoni, l-aħjar kittieb ta’ kanzunetti u diversi oħrajn.

Illum il-ġurnata


Sfortunatament, illum Cohen iħoss li m’għadx fadallu futur u jħoss li ftit għad fadallu x’jgħix. Minkejja dan, iħoss li jrid itemm ħajtu billi jagħmel ħoss. Hekk kif joħroġ l-album jixtieq li jerġa’ jagħmel tour, minkejja li fi Spanja, sentejn ilu, kien tah ħass ħażin fuq il-palk minħabba ikel ħażin. Il-kantant qal li l-aħħar tour li kien għamel tah l-illuminazzjoni u l-entużjażmu. Fl-aħħar tour kien ta 247 esebizzjoni f’sentejn fejn kien ġie ferm apprezzat mill-udjenzi kbar li kellu.
L-album “Old Ideas”

Diversi kritiċi tkellmu dwar dan l-album fejn faħħru x-xogħlijiet ta’ Cohen u ddeskrivewhom bħala taħlita ta’ sofferenzi, qsim il-qalb u ħsibijiet imdallmin. Oħrajn ħassew li juru riflessjoni intima fuq l-imħabba, il-mewt u s-sofferenzi.
Li hu żgur li bosta kritiċi u miljuni ta' fans iħossu li Cohen baqa' rilevanti minn ġenerazzjoni għal oħra. Għadda minn diversi problemi kbar u anke minn theddid fuq ħajtu iżda xorta rnexxielu jwassal il-messaġġ tiegħu minkejja li kien dejjem daqshekk diffiċli għalih jesprimieh.
Wara kollox jammetti hu stess li lanqas kienet ix-xewqa tiegħu li jsir kantant pop. Dan tikkonfermah ukoll il-kantanta tal-folk Judy Collins fl-awtobijografija tagħha fejn tfakkar kif kellha żżomm lil Cohen fuq il-palk fid-debutt tiegħu f’kunċert fl-Amerika fl-1967. Ried jinżel minn fuq il-palk għax beda jistħi u anke waqt il-ftuħ tal-kunċert neħħa ċ-ċinga tal-kitarra u ried jitlaq. Iżda Collins żammitu u għadu jagħmel dan ix-xogħol sal-lum.
Diskografija
Songs of Leonard Cohen (1967)
Songs from a Room (1969)
Songs of Love and Hate (1971)
New Skin for the Old Ceremony (1974)
Death of a Ladies’ Man (1977)
Recent Songs (1979)
Various Positions (1984)
I’m Your Man (1988)
The Future (1992)
Ten New Songs (2001)
Dear Heather (2004)
Old Ideas (2012)

Tuesday, January 24, 2012

It-tibdil fil-klima (...ikompli)

(ikompli mill-harga l-ohra…)

Meta nidhlu aktar fid-dettall dwar dak li qed jigri f’pajjizna u naraw x’sehem qeghdin ikollna fit-tniggis, ma nistghux ma nsemmux il-kaz tal-estensjoni tal-powerstation ta’ Dellimara.
Leo Brincat jahseb li l-ftahir tal-Gvern li bl-gheluq tal-powerstation tal-Marsa u l-ftuh tal-estensjoni ta’ Dellimara se jonqos sostanzjalment id-diossidu tal-karbonju li qeghdin nipproducu hu argument li joffri biss naha wahda tal-munita. Iqabbel dan il-fatt ma’ persuna li jkollha wahda mill-eqdem u l-aktar karozzi inefficjenti li qatt kien hawn, bhat-Trabant li kellhom fil-germanja, u li minflok jaghzel li jixtri Lada. certu titjib relattiv fl-emissjonijiet bilfors ikun hemm, izda zgur li dan ma jfissirx li jkun ghamel l-ahjar ghazla jew l-irhas wahda possibbli fic-cirkostanzi tal-lum.
Brincat qal ukoll li hu jahseb li ghall-istudji dwar l-impatt fuq is-sahha ambjentali m’hemm xejn ahjar mill-istudji medici u xjentifici li Dr Jason Bonnici ressaq quddiem il-MEPA f’isem il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, kif ukoll studji ohrajn li saru minn esperti ohrajn. Meta wiehed jiftakar li l-‘heavy fuel oil’ hu fost l-aktar fjuwils li jniggsu u anke l-Unjoni Ewropea ghandha riservi qawwijin dwaru ma tantx hemm ghalxiex wiehed imur wisq ’il boghod. L-aktar zewg mardiet li jissemmew huma dawk li jissejhu ‘cardiovascular and pulmonary diseases’. Il-kelliem Laburista jghid li d-dnub hu li jidher car li bix-‘show of hands’ taghhom bil-board meeting tal-MEPA, ghandu dubji serji kemm id-diretturi tal-MEPA nnifishom, indenjaw ruhhom li jiflu bir-reqqa u skont il-kuxjenza dawn l-istudji medici serji li thejjew minn esperti Maltin.
Min-naha tieghu, Alan Pulis ihoss li ghandna noqoghdu attenti kif nitkellmu dwar dan is-suggett li ha daqstant xejra kontroversjali. Irridu wkoll noqoghdu attenti wkoll fir-rigward ta’ x’tip ta’ emissjonijiet ghandna nistennew mill-impjant il-gdid f’Dellimara. Dan l-impjant se jithaddem (tal-inqas fl-ewwel stadju tieghu) bil-‘heavy fuel oil’ li jiggenera bosta emissjonijiet tossici. Minkejja dan irridu nghidu wkoll li l-impjant se jkollu mieghu sistemi avvanzati ta’ tisfija tal-‘exhaust’ iggenerat mill-istess powerstation, b’mod partikolari l-ossidi tan-nitrogenu u d-diossidu tal-kubrit. Biex dawn is-sistemi jithaddmu, ovvjament jitlob spejjez kbar kapitali u ta’ manteniment. L-awtoritajiet kompetenti se jkollhom responsabbiltà kbira xi jgorru biex jizguraw li f’dan ir-rgward l-impjant ikun qed jopera kif suppost u f’kull hin fl-ahjar interess ta’ kulhadd u mhux l-inqas ghar-residenti fil-qrib.
It-tisfija tal-ossidi tan-nitrogenu ggenerati mill-impjant se tkun tinvolvi process kimiku bil-urea u allura, kif wara kollox digà semmiet l-Enemalta fir-rapport tekniku taghha fl-2006 bl-isem “Electricity Generation Plan”, wiehed irid jara li ’l hekk imsejjah ‘ammonia slip’ ikun kontenut mill-ahjar li nistghu. L-ammonia hu gass li jinten hafna u li jkun involut fit-tisfija tal-ossidi tan-nitrogenu mill-‘exhaust’ tal-powerstation permezz ta’ reazzjonijiet kimici. L-awtoritajiet kompetenti jridu jizguraw li ma jkunx hemm rilaxx eccessiv ta’ dan il-gass meta l-impjant eventwalment ikun qed jopera.

Skart perikoluz

Issemma wkoll li l-impjant il-gdid f’Dellimara se jiggenera ammont sostanzjali kuljum ta’ hekk imsejjah “skart perikoluz”. Dan l-iskart mistenni jirrizulta mill-process ta’ “Flue Gas Desulphurisation” li permezz tieghu se jkun qed jissaffa l-‘exhaust’ tal-powerstation mid-diossidu tal-kubrit. Prattika bhal din ilha adottata f’bosta pajjizi industrijalizzati, inkluz fl-Ewropa, ghal bosta snin u issa din se tigi uzata wkoll f’Malta. Filwaqt li se nkunu investejna biex innaddfu l-‘exhaust’ tal-powerstation il-gdida minn dawn l-emissjonijiet perikoluzi, l-awtoritajiet kompetenti se jkollhom ir-responsabbiltà li jaraw li l-iskart solidu perikoluz iggenerat minn dan il-process ikun immaniggjat bl-ahjar mod.
Pulis jemmen li ghandna nahsbu f’alternattivi ohrajn biex nevitaw li dan l-iskart ikun ittrasportat minn Dellimara ghall-Freeport f’Birzebbuga mit-toroq taghna, arterjali jew mhumiex. Il-fatt li dan it-tip ta’ skart jista’ jkun qed jingarr fit-toroq taghna, fost il-volum enormi ta’ traffiku li digà ghandna zgur mhijiex ta’ serhan il-mohh. Tajjeb li naraw x’se jkun l-ezitu ta’ analizi li l-Enemalta giet mitlub taghmel mill-MEPA stess f’dan ir-rigward, bil-hsieb li dan l-iskart ikun ittrasportat lejn il-Freeport bil-bahar.

Trabijiet u diosssidu tal-karbonju

Ma’ dawn l-emissjonijiet wiehed irid isemmi wkoll it-trabijiet (‘particulate matter’ ta’ diversi daqsijiet) u ovvjament id-diossidu tal-karbonju. L-impjant il-gdid se jkollu mieghu sistemi li jaqbdu bosta mit-trabijiet mill-‘exhaust’ u dan qabel ma dan il-materjal jithalla jahrab fl-ambjent. L-argument dejjem jibqa’ l-istess, jigifieri li jigi minna li nizguraw li l-apparat u s-sistemi ta’ tisfija jithaddmu bl-aktar mod efficjenti u f’kull hin. Dan jinvolvi spejjez u responsabbiltà min-naha tal-operatur u r-regolatur u fuq kollox jinvolvi rikonoxximent tal-fatt li hemm fin-nofs sahhet in-nies u l-kwalità tal-hajja ta’ bosta residenti, partikolarment fl-inhawi ta’ Marsaxlokk.
Pulis qal ukoll li kif jidhru l-affarijiet s’issa ma jidhirx li l-estensjoni l-gdida f’Dellimara ghandu jkollha sistemi ta’ ‘carbon capture’ u allura dan ifisser li d-diossidu tal-karbonju ggenerat mill-impjant se jintrema kollu ’l barra fl-atmosfera. Hu fl-interess ta’ pajjizna li naraw li dan l-ammonta ta’ diossidu tal-karbonju ma jkunx jaqbez il-limiti kif stabbiliti minn zmien ghal zmien taht id-diversi ligijiet Ewropej. Irridu nikkonsidraw ukoll il-fatt li sejrin lejn zmien fejn ghal kull tunellata ta’ diossidu tal-karbonju li se nibdew narmu fl-atmosfera se jkun hemm hlas xi jsir u li fl-ahhar mill-ahhar se jkollu jgorru kull min jikkonsma l-elettriku mill-powerstations f’pajjizna. Allura jaghmel sens li nadottaw il-mizuri kollha possibbli biex kemm jista’ jkun innaqqsu dawn l-emissjonijiet.
Fil-prattika nistghu niddistingwu bejn zewg tipi ta’ emissjonijiet mill-impjant bhal dak li qed ikun finalizzat f’Dellimara:
1. Emissjonijiet li normalment ma nassocjawhomx bhala ‘greenhouse gases’ imma li ghandhom effetti relatati ma’ acidità fl-ambjent u li jistghu anke jikkagunaw hsara lis-sistema respiratorja tal-bniedem. Dawn huma d-diossidu tal-kubrit, ossidi tan-Nitrogenu u anke t-trabijiet.
2. Emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju li jikkontribwixxu ghat-tishin globali u allura ghat-tibdil fil-klima.
Ma rridux ninsew li dawn li ghadna kif semmejna huma emissjonijiet fl-arja. Impjanti bhal powerstations konvenzjonali, fosthom dik ta’ Dellimara jipproducu wkoll emissjonijiet fl-ilma bahar li jinkludu biocidi (biocides) li jkunu jintuzaw mal-‘coolant’ biex l-intern tal-impjant jinzamm nadif minn koccli u hlejjaq ohrajn tal-bahar. Sustanzi bhal dawn mhux normalment assocjati ma’ xi forma ta’ impatt dirett fuq il-klima.

Direttivi dwar emissjonijiet

Dwar il-qafas legali u l-emissjonijiet permessibbli, Leo Brincat spjegalna li qabel inghata t-tender tal-BWSC kien hemm certi livelli stabbiliti. Il-fatt li b’daqqa ta’ pinna biex ma tigix skwalifikata l-kumpanija li hadet il-kuntratt il-Gvern Malti ghazel li jbaxxi minn rajh il-livell mehtieg biex isir dan, juri li l-Gvern kien qed jaccetta li jbaxxi l-istandards minimi mitlubin. Ir-responsabbiltà ahharija tibqa’ fuq il-gvernijiet nazzjonali izda meta wiehed izomm f’mohhu kemm il-Gvern digà donnu ghamel minn kollox biex jakkomoda lill-BWSC, wiehed jibda jiddubita kemm se jpoggi l-interess nazzjonali ’l quddiem fil-gejjieni. X’jigri jekk jirrizultaw problemi fit-thaddim tal-apparat, ikun hemm dawk li jissejhu ‘emission spikes’ u jista’ jkollok anke problemi bl-apparat imsejjah ‘emissin mitigation equipment’? Din hi l-problema ewlenija bit-teknologija tal-‘heavy fuel oil’. Malli tinqala’ hsara serja, l-Enemalta jkollha taghzel bejn li twaqqaf il-provvista tal-elettriku jew li tkompli tnigges. Likieku l-istandards Ewropej huma fihom infushom garanzija assoluta tal-harsien ghas-sahha tal-bniedem kieku ma jkunx hemm skop li perjodikament u fuq medda ta’ zmien l-UE spiss tgholli dawn l-istandards taghha. Wiehed ma jridx iqis biss l-istandards tal-lum izda wkoll l-istandards li jistghu jkunu japplikaw matul il-hajja tal-apparat mixtri nnifsu. Fejn jidhol trab vera fin li bilkemm jidher jidher taht mikroskopju (microscopic particulates) din hi problema ferm akbar bil-‘heavy fuel oil’ milli bi zjut ohrajn. hafna studji tal-UE spiss urew li m’hemmx ‘safe lower limit’ ghal dan it-trab vera fin. Bhal fil-kaz tal-asbestos, mikro particella wahda taf tikkawza mard qerriedi bhall-kancer. Ghalkemm l-asbestos illum gie pprojbit, ghaddew bosta snin sakemm ittiehed dan il-pass u d-dinja ntebhet kemm vera kien qed jaghmel hsara lis-sahha ambjentali tal-bniedem.
Jekk immorru lil hinn mill-qafas legali, Pulis ihoss li kien ikun aktar ghaqli li kieku rajna fil-boghod ghas-settur tal-energija f’pajjizna u hsibna minn ferm qabel biex l-estensjoni tal-powerstation f’Dellimara tkun imhaddma bil-gass naturali (li hu aktar nadif) mal-ewwel, aktar milli nergghu nduru ghall-‘heavy fuel oil’. Fl-ahhar mill-ahhar hi kwistjoni ta’ prijoritajiet.
Bhal kull stat iehor membru fl-UE, pajjizna marbut b’ dawk li jghidulhom ‘ceilings’ ghal diversi tipi ta’ emissjonijiet minn impjanti bhalma huma l-‘powerstations’. B’‘ceilings’ nifhmu limitu ta’ ammont totali ta’ emissjonijiet ta’ kull tip li s-setturi industrijali varji ta’ kull pajjiz, fit-total taghhom, ma jistghux jaqbzu. Filwaqt li n-National Emissions Ceiling Directive tistabbilixxi limiti ghall-emissjonijiet ta’ diossidu tal-kubrit u tal-ossidi tan-Nitrogenu fost l-ohrajn, u dan ghal kull Stat Membru fosthom Malta, l-ammont ta’ diossidu ta’ karbonju li ghandna permess narmu fl-atmosfera mill-impjanti tal-Marsa u Dellimara hu stabbilit permezz tan-National Allocation Plan kif preskritt taht l-Emissions Trading Scheme Directive.
It-teknologija li hemm ippjanata biex l-‘exhaust’ tal-powerstation iknu imnaddaf mid-diversi forom ta’ tniggis hi intiza biex l-ammonta ta’ emissjonijiet mill-impjant f’Dellimara jkun konformi ma’ dawn il-ligijiet. Finalment, allura se jkun iholl u jorbot kemm se nkunu kapaci bhala pajjiz li nizguraw li din it-teknologija tithaddem tajjeb u bl-aktar mod efficjenti u f’kull hin li jkun qed jopera l-impjant.
Bhalma qal Leo Brincat, Pulis qal li wiehed jistenna li l-ligijiet Ewropej dwar l-emissjonijiet dejjem isiru aktar iebsin. Ezempju t-trabijiet, illum il-ligijiet Ewropej jitolbu moniteragg kontinwu ta’ trab aktar fin meta sa ftit snin ilu l-attenzjoni kienet fuq trab inqas fin minnu. Bhalissa l-Kummissjoni Ewropea tinsab ghaddejja bi process li se jwassal ghal revizjoni shiha tan-National Emissions Ceilings Directive b’tali mod li jigu stabbiliti ‘ceilings’ godda li m’ghandhomx jinqabzu sas-sena 2020. zvilupp importanti se jkun li maghhom ikun hemm ‘ceiling’ ghall-ammont ta’ trab fin li jigi emess minn kull Stat Membru.
It-teknologija uzata kontra t-tniggis minn impjanti bhall-powerstations tehtieg tkun modernizzata minn zmien ghal iehor biex is-siti jibqghu konformi mal-ligijiet Ewropej. Dan jinvolvi hafna hsieb bil-quddiem u ovvjament spejjez. Bla dan l-investiment inkunu qeghdin nikkompromettu sahhet in-nies u l-kwalità tal-hajja.
Energija alternattiva

Pajjiz dejjem irid ikollu serhan il-mohh fil-generazzjoni tal-elettriku. Jekk is-settur tal-energija jkun qed jopera b’mod difettuz u l-elettriku ma jkunx ta’ min jorbot fuqu, l-ekonomija tmur lura ghax hadd ma jkun jaqbillu jinvesti hawn.
Hu fatt rikonoxxut, anke mill-Ewropa, li filwaqt li jehtieg li tonqos id-dipendenza mill-‘fossil fuels’, dan ma jistax isehh mil-lum ghal ghada. Ir-ragunijiet ghal dan huma bazikament logistici (ghax mhux kull sors ta’ energija rinnovabbli tista’ tkun uzata kullimkien), it-teknologija ghad trid tizviluppa hafna aktar biex tipprovdi ghad-domanda ta’ elettriku li dejjem qieghda tikber u l-ispejjez involuti – innehhuha minn rasna li l-energija rinnovabbli hi rhisa jew b’xejn.
Pulis ihoss li kien ikun aktar ghaqli kieku pajjizna, minn diversi snin ilu, haseb biex ikollu infrastruttura ghall-gass naturali li jhammeg hafna inqas mill-‘heavy fuel oil’. Izda fl-ahhar mill-ahhar hi kwistjoni ta’ decizjonijiet politici bbazati fuq analizi ekonomika u prijoritajiet. Saru u qeghdin isiru sforzi biex jinkoraggixxu lin-nies biex jaqilbu ghal teknologija li tiggenera l-elettriku minn sorsi rinnovabbli ta’ energija bhax-xemx u r-rih fil-kaz ta’ pajjizna. Fil-futur qarib ma nistghux inhars lejn pajjizna fejn jiddependi totalment fuq din it-tip ta’ energija izda tletin jew hamsin sena ohra dan jista’ jigri. L-Ewropa qieghda timmira lejn xenarju bhal dan izda ghadu kmieni wisq biex naslu hemm issa.
Jaqbel ukoll Leo Brincat li qal li f’qasir zmien din it-tip ta’ energija ma kinitx se taghmel tajjeb ghall-energija li tipproduci l-powerstation tal-Marsa. Jghid però li kienet tkun taghmel sens kieku l-Gvern ilu snin li dahhal l-energija alternattiva fil-pajjiz u ilha mifruxa snin shah. Fakkar kif l-uniku tender kbir ta’ pannelli fuq is-soqfa tal-binjiet tal-Gvern ghadu lanqas biss gie aggudikat, ahseb u ara kemm beda jithaddem. Mhux ta’ b’xejn li l-Ewropa ffissat l-aktar livell minimu ta’ energija alternattiva ghal pajjizna. Dan ghax kienu jafu li hdejn haddiehor ghadna bilkemm ghamilna l-ewwel passi ’l quddiem. Il-Gvern seta’ facilment mar xorta wahda ghall-estensjoni tal-powerstation izda basta mhux bil-‘heavy fuel oil’. Imissu mexa u mhux warrab il-pjani li fassal hu stess meta Austin Gatt u l-Enemalta hargu bl-Electricity Generation Plan ghall-2006 ’il quddiem, li kien jipprovdi biex ihaddmu l-impjant bil-gass. L-iskuza li qeghdin igibu llum li dan ghalissa ma jistax isir hu konferma cara li naqsu milli jippjanaw fuq il-linji ssuggeriti minn Prof. Josef Bonnici fl-1999. Min-naha l-ohra, hi tal-misthija li pajjizna m’ghandu ebda pjan nazzjonali tal-energija alternattiva u spicca fassal pjan ta’ azzjoni fl-ahhar minuta sempliciment ghax gie obbligat jaghmel dan mill-UE f’Lulju tas-sena li ghaddiet – ghax inkella kien jehel penali harxa.
(…ikompli fil-harga li jmiss)

Sunday, January 22, 2012

‘Singles’... lejn stil differenti ta’ ħajja

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar nies qegħdin jagħżlu li jibnu ħajja waħedhom, min minħabba ċ-ċirkostanzi u min għax iħossu aħjar fil-libertà. Minkejja li l-ambjent li ngħixu fih ħafna drabi jħeġġeġ iż-żwieġ u anke jitfa’ dawl ikrah li min hu ‘single’ mhuwiex bniedem komplut u li għad irid isib il-persuna t-tajba għalih, jidher minn statistiċi li l-kunċett qed jinbidel ftit ftit.


L-aktar żmien li jfittxu ‘date’

Min-naħa l-oħra, hekk kif għadna ġejjin mill-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, ma rridux ninsew ngħidu li f’dawn il-festi s-siti tad-‘dating’ ikollhom ħafna x’jagħmlu hekk kif ir-rata ta’ kemm jidħlu nies fihom tiżdied.
Skont l-esperti, l-aktar żmien meta n-nies jipprovaw ifittxu persuna fuq is-siti tkun għall-aħħar tas-sena. Fil-fatt, Whitney Casey, espert dwar ir-relazzjonijiet minn Match.com qal li l-aktar żmien fejn ikollhom l-aktar xogħol x’jagħmlu hu bejn is-26 ta’ Diċembru u l-14 ta’ Frar. Il-fatt li tkun se tibda sena ġdida u bidu ġdid iġiegħel lil dak li jkun li jfittex ma’ min jibdieha.
L-awtriċi Doree Lewak tgħid li n-nisa xorta għadhom iħossu ċerta pressjoni fuqhom f’dawn il-vaganzi u jkunu jixtiequ jqattgħuhom ma’ xi ħadd.
Fil-fatt, is-siti tad-‘dating’ jafu li dawk li jużaw is-servizz tagħhom ikunu partikolarment vulnerabbli f’dawn iż-żminijiet tas-sena u għalhekk spiss joffru rati speċjali biex jiġbdu l-attenzjoni ta’ dawk li jkunu qegħdin ifittxu esperjenza romantika.
Minkejja dan kollu, hemm ħafna nies oħra li jippreferu jqattgħu dawn iż-żminijiet fil-kumpanija tal-ħbieb jew anke waħedhom. Uħud minnhom jgħidu li meta qattgħuha ma’ persuna, l-esperjenza li kellhom kienet tant kerha li ma jridux jerġgħu jgħaddu minnha.

Tkun ‘single’: tad-dwejjaq jew le?


Ħafna siti fuq l-internet jagħtu diversi raġunijiet għaliex min ikun ‘single’ għandu jħossu kuntent. L-ewwelnett jissuġġerixxu lil min hu ‘single’ biex ma jagħtix kas ta’ dak li jgħidu ta’ madwaru. Se jsib min jistaqsih għaliex huwa ‘single’, bħallikieku l-uniku mira tal-ħajja għandha tkun li jsib il-persuna t-tajba u jieqaf hemm.
Li tkun ‘single’ ma jfissirx li tkun waħdek. Ikollok ċans tagħmel ħafna affarijiet, fejn ikollok anke diversi opportunitajiet tidħol f’attivitajiet fejn tagħmel ħbieb ġodda. Min hu mistħi din tista’ tkun ukoll opportunità biex jiltaqa’ ma’ nies ġodda u jrabbi l-kunfidenza fih innifsu. B’hekk din l-opportunità tista’ sservi biex wieħed jitgħallem jitkellem ma’ nies li ma jafhomx, jibni ħbiberiji u jtejjeb il-komunikazzjoni ma’ ħaddieħor, u jitgħallem ukoll ikun ottimist. Skont diversi riċerki, l-aqwa ingredjent biex persuna tkun kuntenta hu li tkun ottimista.
Li tkun ‘single’ jagħtik iċ-ċans li tkun liberu. Kulħadd għandu x-xewqat tiegħu u dan hu ċ-ċans li wieħed jipprova jwettaqhom, jew ma’ xi ħadd li jkollu l-istess ideat jew inkella anke waħdu. Anke fejn jidħol ix-xogħol, jekk tiġi opportunità li tmur taħdem barra l-pajjiż jew li tibdel għal xogħol ieħor se ssibha iktar faċli milli jekk tkun miżżewweġ u d-deċiżjoni tiegħek se taffettwa lil iżjed nies barra int. Tkun ‘single’ għandek il-possibbiltà li tkun aktar spontanju f’dak li tagħmel.
Barra minn hekk, persuna ‘single’ m’għandhiex bżonn tagħmel kompromessi. F’re-lazzjoni, ħafna drabi jingħata l-parir li l-kompromess u s-sagrifiċċji huma essenzjali għal relazzjoni b’saħħitha.
Għaldaqstant, li tiżżewweġ għandha tkun għażla. Hemm vantaġġi u żvantaġġi li tiż-żewweġ, bħalma hemm van-taġġi u żvantaġġi għal min jiddeċiedi li jibqa’ ‘single’. Hi biss għażla ta’ stil ta’ ħajja.

Prodotti għas-‘singles’

Hekk kif in-numru ta’ ‘singles’ qed dejjem jiżdied, diversi industriji qegħdin jaraw kif jagħmlu biex jieħdu ħsieb anke ta’ dan is-settur ta’ nies.
Fost l-oħrajn, il-kumpanija Marks & Spencer ħarġet bl-idea li tipprovdi ħass żgħir għal dawk li jgħixu waħedhom. Ħassa li hi kwart tal-qies ta’ ħassa normali u li hi r-riżultat ta’ esperimenti minn xjenzati biex ikabbru pjanti dejjem iżgħar tal-ħass.
Dan ġara wara li l-kum-panija rċeviet diversi lmenti li dawk li jieklu waħedhom qegħdin jarmu ħafna minn ħassa normali. Allura l-kum-panija ddeċidiet li tara kif tagħmel biex taqdi lil dawn il-klijenti wkoll.
Barra minn hekk, diversi ‘supermarkets’ qegħdin ipoġġu dan il-fattur fuq l-aġenda tagħhom, tant li qegħdin anke jipproduċu z-zokkor f’qisien tan-nofs kilo wkoll, kafe f’bottijiet żgħar, ħobż b’anke biċċiet ħobż biss u anke bottijiet b’qisien iżgħar.
Dawn il-qisien ġodda bdew hekk kif l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tneħħi l-qisien u l-kejl tradizzjonali fuq l-ikel. Iddeċidiet li tħalli l-libertà biex b’hekk min jipproduċi jkun jista’ jagħżel il-qies li jħoss l-aħjar.
Madankollu, dan sab oppo-żizzjoni mis-‘supermarkets’ fl-Ingilterra hekk kif kien hemm biża’ li l-konsumatur kien se jitħawwad liema tkun l-aħjar offerta. L-Unjoni Ewropea qalet li b’dan il-mod ikun rikonoxxut il-fatt li qegħdin jiżdiedu n-nies li jgħixu persuna jew tnejn f’dar.

Sieħeb jew sieħba li tixbhek


Diversi koppji, uħud minnhom anke famużi, jixbhu lil xulxin. Teoriji xjentifiċi jgħidu li ħafna drabi aħna ninġibdu lejn persuni li jkollhom fattizzi f’wiċċhom li jkunu simili għal tagħna.
Illum il-ġurnata, aġenzija tad-‘dating’ fuq l-internet qiegħda tuża dan il-fattur biex issib persuni li jkunu jixbhu lil xulxin.
Il-websajt FindYourFacemate.com tuża ‘software’ speċjali li jagħraf il-fattizzi tal-wiċċ biex issib żewġ persuni jixxibhu fost il-membri tagħha. Il-fundatriċi Christina Bloom bdiet tinvestiga din it-teorija 20 sena ilu meta żżewġet raġel li kien jixbahha ħafna. Is-sit huwa b’xejn u Bloom qalet li bniet dan is-sit għax temmen fix-xjenza wara din il-ħaġa u trid tgħin lil nies oħrajn biex isibu l-persuna adattata għalihom. Qalet ukoll li llum hu diffiċli biex tiltaqa’ man-nies u iżjed diffiċli biex tnejn ikunu jaqblu.

Il-pet aktar importanti mill-partner

Fi stħarriġ li sar fl-Ingilterra fost 2,000 persuna, wieħed minn kull erba’ persuni qalu li l-pet jiġi qabel relazzjoni u żewġ terzi jikkonsidraw il-pet bħala parti mill-familja.
Ir-riċerka, li saret mill-kumpanija YouGov u PARSHIP, sabet li jekk ikollok pet inaqqas iċ-ċans li ssib l-imħabba b’40%.

Is-‘singles’ b’riskju li jmutu qabel

Fuq nota kerha, minn studju li sar ħareġ li min jgħix waħdu jista’ jkollu implikazzjonijiet serji fuq saħħtu.
Riċerkaturi fl-Università ta’ Louisville, Kentucky, sabu li n-nisa ‘single’ kienu fir-riskju li jmutu minn 7 sa 15-il sena qabel dawk li huma miżżewġin. L-irġiel marru agħar, hekk kif l-irġiel miżżewġin mistennijin li jgħixu minn 8 sa 17-il sena iżjed.
Ir-riċerkaturi studjaw informazzjoni mogħtija minn 500 miljun persuna billi analizzaw 90 studju ieħor li saru fl-aħħar 60 sena.
Is-‘singles’ kienu dawk li qatt ma żżewġu, filwaqt li dawk miżżewġin kienu jeskludu lir-romol u dawk li għaddew minn divorzju.
Sabu li l-irġiel ‘single’ kellhom 32% iżjed riskju li jmutu minn dawk l-irġiel miżżewġin, filwaqt li n-nisa ‘single’ kellhom 23% iżjed riskju li jmutu min-nisa miżżewġin.
David Roelfs, assistent professur tas-soċjoloġija f’din l-università, qal li dan jista’ jkun spjegat minħabba l-fatt li dawk li jkunu miżżewġin ikollhom aktar min isostnihom. Jekk persuna tkun miżżewġa dejjem hemm xi ħadd li jieħu ħsieb kemm tiekol u jekk mortx għand it-tabib. Fil-ħajja miżżewġa hemm aktar ċans li tgħix b’saħħtek u tieħu inqas riskji. It-tim tar-riċerka ssuġġerixxa wkoll li s-‘singles’ jista’ jkun li jkollhom inqas benefiċċji tas-saħħa, inqas assistenza pubblika u anke pagi aktar baxxi.
Minkejja dan, għal dawk li jibqgħu ħajjin wara żogħżija bħala ‘singles’, l-istudju juri li r-riskju ta’ mewt naqas sew fix-xjuħija. Filwaqt li r-riskju ta’ mewt għal dawk ‘singles’ bejn 30 u 39 sena kien 28% ogħla minn ta’ dawk miżżewġin u tal-istess età, il-persentaġġ naqas għal 16% għall-persuni ta’ 70 sena.
Roelfs qal li din ir-riċerka m’għandhiex tallarma lin-nies, hija bbażata fuq probabbiltajiet u mhux fuq ċertezzi u bl-ebda mod ma jridu li xi ħadd ‘single’ jippanikja u jaħseb li se jmut żgħir.

Interessanti għas-‘singles’...

Minn diversi siti fuq l-internet u anke minn studji li jsiru tal-apposta dwar dan is-suġġett joħorġu diversi suġġerimenti u fatti li min hu ‘single’ tajjeb li jkun jaf. It-TORĊA llum qiegħda twasslilkom uħud minn dawn:

L-‘ispeed dating’ kien ivvintat fl-1999 minn rabbi f’Los Angeles. Hu bbażat fuq tradizzjoni Lhudija.
• L-aktar żmien komuni li jitkissru r-relazzjonijiet hu bejn l-ewwel tlieta u ħames xhur.
• Normalment, il-koppji jistennew minn sitta sa tmien ‘dates’ biex jidħlu f’relazzjoni esklussiva.
• Wieħed minn kull tliet żgħażagħ esper-jenzaw vjolenza f’relazzjonijiet ta’ ‘dating’.
• Fi stħarriġ li sar minn MSNBC.com u r-rivista Elle, aktar minn 31% tal-irġiel qalu li telqu lill-partner tagħhom li kellha piż żejjed meta kkomparat ma’ 12% tan-nisa.
• Nisa li jitfgħu ritratt tagħhom fuq siti tad-‘dating’ jirċievu d-doppju tal-imejls kkomparat ma’ dawk li ma jitfgħux. Fl-istess studju nstab li rġiel li qalu li jaqilgħu iżjed minn $250,000 irċevew iżjed imejls minn dawk li jaqilgħu $50,000.
• Match.com tirrapporta li 44% tal-membri tagħha fl-Istati Uniti għandhom it-tfal.
• Fuq siti tad-‘dating’ b’xejn, minn tal-inqas 10% huma ‘scammers’.
• Jekk raġel ma jafx x’se jilbes għall-ewwel ‘date’, jagħmel sew jekk imur għall-blu. Studji juru li n-nisa jinġibdu lejn irġiel lebsin il-blu.
• 92% tal-ġenituri ‘single’ jipreferu jagħmlu ‘date’ ma’ ġenituri ‘single’ oħrajn.
• 33% ta’ dawk li jagħmlu ‘date’ fuq l-internet jidħlu f’relazzjoni, 33% le u 33% jaqtgħu qalbhom.
• L-industrija tad-‘dating’ tiġġenera $1.8 biljun fis-sena.
• It-tielet ġimgħa ta’ Settembru hija l-Ġimgħa Nazzjonali tas-‘Singles’ fl-Istati Uniti.
• Riċerkaturi fl-Università ta’ Chicago sabu li kien hemm ċans doppju li persuni ‘single’ isibu ‘date’ minn fost il-ħbieb milli fil-barijiet.
• Erbgħa minn kull għaxar relazzjonijiet ta’ ‘dating’ fuq il-post tax-xogħol jirriżultaw fi żwieġ.
• Psikologi mill-Università ta’ Pennsylvania studjaw informazzjoni ta’ aktar minn 10,000 ‘speed dater’. Sabu li ħafna nies jieħdu deċiżjoni dwar jekk il-persuna togħġobhomx f’ħin ta’ tliet sekondi.
• Bniedem li jlaqqa’ l-koppji f’Manhattan jieħu $20,000 tas-servizz tiegħu. Jekk ikun hemm żwieġ jistenna ‘bonus’.
• Fid-dinja tad-‘dating’, in-nisa jibżgħu minn xi qattiel. L-irġiel jibżgħu li jiltaqgħu ma’ xi ħadd oħxon.
• Fi stħarriġ fost 5,000 ‘single’, 43% qalu li n-nifs frisk kien l-aktar li jgħodd qabel ‘date’, 17% jħossu li l-ħwejjeġ sbieħ, 15% fwieħa tajba, 14% li jkollhom ġilda sabiħa u 10% li jkollhom xagħarhom sew.
• Speċjalisti tad-‘dating’ jissuġġerixxu li tistenna sat-tielet ‘date’ qabel tistieden lil xi ħadd għall-ikel id-dar.
• Madwar 40% tal-irġiel ma jħossuhomx komdi jiltaqgħu ma’ mara l-ewwel darba.
• Wara l-affari ta’ Tiger Wood, l-irġiel li kienu qegħdin ifittxu relazzjoni serja naqsu b’47.5% minn fuq is-sit.
• Studji juru li l-iskejjel, kulleġġi u ħwienet tal-kafè huma postijiet eċċellenti biex tiltaqa’ ma’ xi ħadd. Postijiet mhux adattati huma r-ristoranti u t-teatri taċ-ċinema.
• Studji juru li l-pożizzjoni ta’ kif joqgħod raġel qabel ma jitkellem tgħodd 80% għall-ewwel impressjoni ta’ mara.
• Il-kuntentizza tittieħed. Persuni jsibuha diffiċli li jitilqu minn ħdejn xi ħadd ferrieħi. Bil-kontra taħdem in-negattività.
• L-irġiel jiddejqu minn gruppi ta’ nisa jgħajtu. Jekk mara trid tiltaqa’ ma’ ġuvni trid tinqata’ għaliha u tagħti ċ-ċans lir-raġel li jkellimha.
• Jekk persuna tkompli mal-mossi tal-persuna l-oħra turi interess. Madankollu, wieħed għandu jevita li jikkopja kull mossa.
• Jekk trid tagħmel impatt mill-ewwel ma’ persuna semmi isimha darbtejn fil-konverżazzjoni. Turi kemm int attent u fid-diskussjoni.
• Li tiftakar biċċiet ta’ informazzjoni dwar persuna u tinkludihom fil-konverżazzjoni tagħti pjaċir u turi interess.
• Nifs jinten u snien maħmuġin jitfu lil dak li jkun.
• Meta raġel jiffaċċja mara, 55% tal-ewwel impressjoni tagħha tmur fuq l-apparenza u l-mossi li jagħmel, 38% fuq il-mod kif jitkellem u 7% biss fuq dak li jgħid.




Sunday, January 15, 2012

L-istampa ċara ta' Sherlock Holmes...


Minkejja li matul iż-żmien ħarġu u għadhom joħorġu diversi verżjonijiet tal-avventuri ta’ Sherlock Holmes, b’uħud minnhom anke jvarjaw sew minn kif kien deskritt mill-awtur Sir Arthur Conan Doyle, xorta jibqgħu jħajru lil miljun ta’ segwaċi ta’ dan id-ditektiv biex imorru fis-swali taċ-ċinema jew inkella jpoġġu quddiem it-televiżjoni u jsewguh.
Bosta jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar jekk Sherlock Holmes tal-film huwiex leali lejn dak letterarju u jekk iħossux li l-mod kif inħadem il-film kienx wieħed adattat jew le.
Alistair Duncan, awtur li rebaħ unur b’kitbiet dwar dan is-suġġett, iħoss li ħadd mill-atturi tal-films ma jista’ qatt jinterpreta kompletament il-karattru ta’ Holmes peress li Doyle mhuwiex konsistenti meta jiddeskrivi l-karattru tiegħu.
F’ċerti partijiet jagħti x’jifhem li Holmes ikollu biss tagħrif bażiku biex jgħaddi minn ġurnata għall-oħra, iżda f’ċerti partijiet oħrajn juri li fil-fatt ikun mgħarraf sew dwar ċerti suġġetti.
Holmes jispikka fl-era Vittorjana

Li hu żgur għal Duncan hu li Holmes jispikka l-aktar fil-films maħdumin f’ambjent tal-era Vittorjana. F’din l-era jagħmel sens li Holmes ikun minn tal-bidu li jiskopri l-forensika u li l-Pulizija tfittxu biex jgħinha fl-investigazzjonijiet tagħha. Dak iż-żmien il-forensika kienet għadha fil-bidu tagħha u anke Scotland Yard kienet għadha kemm twieldet.
Fil-verżjoni l-moderna jagħ-mel ftit inqas sens peress li l-forensika llum hi diġà żviluppata u wisq stabbilita biex tfittex l-għajnuna ta’ bniedem li mhux parti minn dik l-organizzazzjoni. 

Dejjem avvanzat iżjed miż-żminijiet


Meta twieled il-karattru ta’ Holmes, f’Diċembru tal-1887, hu kien xjenzat li f’laboratorju f’Londra kien janalizza l-kampjuni tad-demm fit-tubi tal-ħġieġ u jipprova jiskopri l-verità b’mod mill-aktar xjentifiku. 
Dan fil-verità seħħ biss 13-il sena wara meta riċerkatur mediku Ġermaniż beda jwettaq dawn it-testijiet fuq id-demm tal-bniedem. Sitt xhur wara, dan it-test tad-demm wassal biex issir akkuża fuq każ ta’ qtil.
Permezz tal-karattru ta’ Sherlock Holmes, l-awtur irnexxielu jiggwida l-forensika lejn it-triq tal-futur. Conan Doyle, li kien tabib, irnexxielu jiġbed l-attenzjoni lejn prattiċi li żviluppaw ix-xjenza forensika u li jafu l-bidu tagħhom fl-era Vittorjana.
Dawn il-prattiċi ma kinux jintużaw spiss, ħlief fl-awtopsji u kienet diffiċli biex il-Pulizija jaċċettaw li jibdew jintużaw. Fil-fatt, kien biss fl-1901 li Scotland Yard ta’ Londra waqqfet il-taqsima tal-marki tas-swaba’ wara li 20 sena qabel il-ġurnal Ingliż “Nature” kien ippubblika provi li l-marki tas-swaba’ jipprovdu identifikazzjoni unika.
Filwaqt li l-awtoritajiet kienu xettiċi, l-istejjer ta’ Holmes bdew isiru popolari hekk kif dan kien jirnexxilu jsolvi każi kkumplikati li kienu jħawdu lill-Pulizija. Kien jittestja b’esperimenti kimiċi, janalizza l-kampjuni taħt il-mikroskopju, jieħu l-marki tas-saqajn minn fuq ix-xeni tar-reat, iwettaq kalkoli matematiċi, juża l-ballistika, juża l-marki tas-swaba’, jiżvela kodiċi moħbijin, janalizza l-kitba, jsib il-fdalijiet tal-porvli u anke janalizza r-ritratti. Barra minn hekk kien ukoll dan il-karattru li semma għall-ewwel darba li ‘typewriter’ tkun unika bħall-kaligrafija ta’ bniedem. Dan ġie ppubblikat tliet snin qabel xi ħadd qatt ħaseb li seta’ jkun vera. B’mod xjentifiku mbagħad kien jippubblika r-riżultati li jkun kiseb. Minkejja li fl-aħħar stejjer ta’ Holmes dawn il-prattiċi ma baqgħux jissemmew daqshekk spiss, xorta waħda baqgħu marbutin mal-karattru sat-tmiem.
Ray Murray, ġeologu forensiku minn Missoula, f’Montana qal li l-metodu xjentifiku kien diġà jeżisti għal xi żmien iżda Doyle kellu l-kapaċità li jmexxieh ’il quddiem, iħeġġeġ li jintuża u li fil-fatt irnexxielu jagħmlu realtà.
Murray isemmi wkoll lill-Franċiż Edmund Locard, pijunier tal-kriminoloġija forensi, li kien jaqra l-istejjer ta’ Holmes u minnhom irnexxielu joħroġ teknika importanti għall-investigazzjoni kriminali. Fl-istejjer kien jissemma li Holmes kien ifittex xi traċċi li jkun hemm fuq il-ħwejjeġ. Dawn kienu jvarjaw minn suf ta’ xi annimal fuq xi ġakketta jew inkella xi rbaba taż-żingu u ramm fil-keffa tal-qliezi li jagħtu prova li l-akkużat kien jaħdem fil-produzzjoni ta’ flus foloz. 

Ispirazzjoni tal-karattru

Il-mistoqsija tiġi waħedha. Min kien li nspira lill-karattru ta’ Sherlock Holmes?
Bijografiji bikrin ta’ Doyle jagħtu l-mertu lil Joseph Bell, tabib u professur tal-mediċina fl-Università ta’ Edinburgh fl-Iskozja. Dan kien iħaddem lill-awtur bħala skrivan fir-Royal Infirmary.
Bell kien magħruf għax kien jirnexxilu jiskopri x’għandhom l-pazjenti billi sempliċiment josservahom. Barra minn hekk, kien bħal saħħar u ħafna drabi kien jirnexxilu jaqta’ wkoll ix-xogħol tal-pazjent u fejn kien joqgħod. Iżda Bell kien ditektiv mediku mentri l-karattru ta’ Holmes kien imur lilhinn minn hekk peress li kien ditektiv forensiku u ma kienx jieqaf biss f’investigazzjoni medika.
Il-metodu kif Holmes jiddeskrivi l-metodu xjentifiku jagħti x’jifhem li l-ispirazzjoni kienet ġejja direttament mill-awtur. Fil-kitba tiegħu jgħid li “l-proċess jibda bis-suppożizzjoni li ġie eliminat dak kollu li hu impossibbli, allura dak li jibqa’ jrid ikun il-verità. Jista’ jkun li jifdal diversi spjegazzjonijiet, f’dak il-każ wieħed jipprova jwettaq test wara l-ieħor sakemm wieħed minnhom ikun jikkonvinċi.”
Holmes drogat
Fattur importanti dwar il-karattru ta’ Sherlock Holmes u li jqanqal ukoll ħafna interess hu l-fatt li kien jagħmel użu mid-drogi, fosthom il-kokaina. F’uħud mill-verżjonijiet fuq film ġieli tħalla barra dan il-fattur.
L-abbuż mid-droga ta’ Holmes jissemma direttament f’żewġ stejjer, għalkemm hemm riferimenti oħrajn anke fi stejjer oħrajn.
Hemm diversi teoriji dwar x’wassal lil Doyle biex ipinġi lill-karattru tiegħu b’dan il-vizzju. Fosthom, hemm min jaħseb li l-problema ta’ alkoħol li kellu missier Doyle wasslitu għal dan. Hemm ukoll min jaħseb li kien it-tagħrif li kellu bħala tabib dwar il-qawwa tal-effett tal-kokaina. Seta’ wkoll kien il-każ li Doyle jsemmi din id-droga għax dak iż-żmien ma kinitx illegali. Fil-fatt, meta kien fit-tielet sena ta’ studju fil-mediċina, Doyle għamel esperimenti fuqu nnifsu bid-droga. Kellu wkoll biżżejjed tagħrif dwar id-drogi, għax fil-fatt isemmi kemm-il darba l-użu eċċessiv ta’ stimulanti minn Holmes.
Hemm ukoll min jaħseb li kien żball ta’ Doyle peress li kien jikteb malajr u lanqas kien jiċċekkja dak li jkun kiteb. Fil-fatt, fil-memorji tiegħu jammetti li ma kienx jaqra x-xogħlijiet li jikteb u li n-nies kienu jgħidulu bl-iżbalji li jkun ħa.
Ir-reazzjoni ta’ Watson għad-droga

L-aktar ħaġa stramba mhijiex li Holmes kien jabbuża mill-kokaina. Min-kejja li kien ikun hemm imwiet biha xorta ma kinitx illegali jew ikkundannata medikament. Fil-fatt kienet tintuża bħala anestetiku, stimulant u anke għall-kura kontra l-abbuż tal-alkoħol u tal-oppju.
Li hemm stramb hu li Watson, sieħeb Holmes, juri li fil-fatt din id-droga hi qerrieda u li d-dipendenza tagħha għandha effett ħażin fuq il-ġisem u l-moħħ.
Dan juri li Watson kellu ċertu tagħrif dwar din id-droga. Dan beda jiġi kkonfermat fil-mediċina mitt sena wara li ġie ppubblikat fl-istorja.
Barra minn hekk, jissemma wkoll kif Watson irnexxielu jgħin lil Holmes biex joħroġ mill-vizzju tad-droga u jispjega wkoll li minkejja li kien ħareġ minnha l-problema ma kinitx mietet iżda kienet rieqda. L-istess bħall-mudelli tad-dipendenza tad-droga fi żminijietna fejn hemm probabbiltà żgħira li jkun hemm astinenza sħiħa fuq żmien twil.
Min jaf x’effett seta’ kellu dan fuq il-qarrejja ta’ dak iż-żmien u jekk permezz tal-kitbiet tiegħu fil-fatt bediex iqajjem kuxjenza dwarha.

Ir-rwol ta’ Watson
Watson għandu żewġ irwoli fil-ħajja ta’ Holmes. Jagħti assistenza fil-każi ta’ Holmes u jgħin biex jiddeskrivi l-istejjer tal-każi li kienu jiffaċċjaw f’forma narrativa li ħafna drabi kienu jiġu kkritikati minn Holmes stess. Kien jikkritikah li huma wisq sensazzjonali u li ma jirrapportawx b’mod oġġettiv il-kalkolu xjentifiku tal-każ.
Hu s-sieħeb li wkoll jaf daqskemm jaf Holmes iżda li mhux lest jikkompeti kontrih. Barra minn hekk, Watson jipprovdi wkoll il-viżjoni sempliċi tiegħu, li ħafna drabi Holmes innifsu ma jirnexxilux jara.
Alistair Duncan jgħid li jekk hemm raġuni għaliex Holmes għażel lil Watson biex ikun sieħbu kienet għax kien jaf iżjed minnu fil-mediċina, tal-inqas kif jissoponi.
Sherlock Holmes kien omosesswali?

Meta mistoqsi dwar dan, Duncan qal li meta tħares lejn dan l-argument l-ewwel trid tikkonsidra ż-żmien meta nkiteb. Doyle kien jibża’ ħafna mill-faqar minħabba l-esperjenzi li kellu meta kien għadu tifel. Meta kiber ħa ħsieb li jieħu ħsieb lill-familja kollha. Kien bniedem responsabbli ħafna u għalhekk ma kienx se jpoġġi lill-familja tiegħu fir-riskju. Għaldaqstant kiteb diversi stejjer ta’ Holmes minkejja li l-karattru kien idejqu.
Li kieku kien hemm ħafna nies li jemmnu li Holmes kien omosesswali, Doyle jaf kien jiffaċċja ħafna problemi u anke azzjoni legali. Dan kien iwassal biex jitlef il-flus kollha u l-familja tiegħu kienet  tkun f’riskju li tispiċċa fil-faqar, xi ħaġa li hu  żgur qatt ma ried li tiġri.
Jista’ jkun li ħoloq karattru misterjuż biżżejjed biex iqajjem spekulazzjoni, iżda mhux biex jagħti l-idea tas-sesswalità tiegħu.
Irene Adler, li hi msejħa minn Watson bħala “l-mara”, kienet avversarju ta’ Holmes u bħala mara kienet tmur kontra dak kollu li kien mistenni. Watson stess jagħmilha ċara li Holmes ma kienx iħobbha.

Jitlob lill-awtoritajiet biex iħarsu d-dinjità tal-priġunieri

Waqt żjara li kellu fil-ħabs ta’ Rebibbia, fl-Italja, il-Papa Benedittu XVI tkellem dwar il-problema ta’ spazju li hemm f’dan il-ħabs, kif ukoll dwar id-dmir li titħares id-dinjità ta’ kull priġunier madwar id-dinja. Hu stieden lill-Gvern Taljan biex joħloq sistemi li bihom il-priġunieri ma jkunux qegħdin jingħataw piena doppja minħabba li barra l-fatt li jkunu fil-ħabs, iridu jgħixu wkoll f’kundizzjonijiet kultant diżumani.
Benedittu XVI żar il-ħabs ta’ Rebibbia, f’Ruma fit-18 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra. Dan il-ħabs hu wieħed mill-iżjed ħabsijiet li fih sigurtà fl-Italja. Hemmhekk kien skonta s-sentenza tiegħu Ahmed Ali Agca, il-persuna li kienet għamlet attentat fuq il-ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II.

Priġunieri żejda li jagħmlu s-sitwazzjoni aktar iebsa

Il-Papa ma naqasx milli jsemmi li dan il-ħabs qed jospita 500 priġunier iżjed minn dak li suppost fih u dan hu fattur li żgur jagħmel is-sitwazzjoni fil-ħabs waħda iżjed iebsa milli suppost hi. Qal ukoll li l-kundizzjonijiet ħżiena tal-ħabs u l-popolazzjoni kbira qegħdin jagħtu “sentenza doppja” lill-priġunieri u din hi inġustizzja. Filwaqt li indirizza lil folla ta’ madwar 300 priġunier li nġabru fil-kappella prinċipali tal-ħabs, il-Papa fakkar lill-awtoritajiet li l-priġunieri huma persuni umani li, minkejja r-reati tagħhom, għandhom ikunu ttrattati bir-rispett u d-dinjità.
Wara dan id-diskors tal-Papa lill-priġunieri, min-naħa tagħhom il-priġunieri għamlulu sitt mistoqsijiet li t-TORĊA rnexxielha tikseb u li qiegħda twassal illum.
Dwar it-tema tad-dinjità, priġunier minnhom staqsa lill-Papa jekk il-ġest li wettaq dakinhar kienx ukoll messaġġ għall-politiċi biex dawn iħarsu d-dinjità u t-tama ta’ kull priġunier, bħalma hu dritt ta’ kull bniedem. Benedittu XVI qal li qabel kollox hu mar hemm biex jesprimi l-intimità u l-viċinanza tiegħu personali magħhom u f’għaqda ma’ Kristu Ġesù li jħobbhom ħafna. Barra minn hekk iżda ried ukoll li jkun ġest pubbliku biex ifakkar lis-soċjetà u lill-politiċi li hemm problemi serji fil-ħabsijiet Taljani.

Jistieden lill-Gvern Taljan jirrispondi għas-sejħa tiegħu

Spjega wkoll li hi ħaġa ċara li l-ħabs jeżisti biex iħares il-ġustizzja u fattur primarju tal-ġustizzja hi d-dinjità ta’ kull persuna. Fi kliemu stess il-Papa qal li “b’ħilti kollha rrid nagħti sinjal ta’ kemm hu importanti li l-ħabs jilħaq l-iskop tiegħu li jġedded u jappoġġja d-dinjità umana u mhux jheddidha. Nittama li l-gvern ikollu l-possibbiltà li jirrispondi għal din is-sejħa proprja tiegħi.”

Ġesù identifika ruħu mal-ħabsin

Priġunier ieħor ħass li ma kellux jistaqsi domanda iżda xtaq li l-Papa jħallihom jersqu lejh u joffrulu s-sofferenzi tagħhom u tal-familji tagħhom. Qallu wkoll li hu l-ħabel li jgħaqqadhom ma’ Kristu u li jħobbu.
Il-Papa qal lil dan il-priġunier li anke hu jħobbhom. Qal ukoll li l-fatt li Ġesù identifika lilu nnifsu mal-priġunier meta qal “kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” tpoġġih f’obbligu. Ħass li anke hu għandu jistaqsi jekk hux josserva u jgħix skont il-kmandament t’Alla.
Fil-fatt, din kienet raġuni oħra għalxiex mar iżur lill-priġunieri għax jaf li f’kull wieħed u waħda minnhom hemm il-Mulej jistennieh. Qal li hu jaf li f’kull wieħed u waħda minnhom hemm il-bżonn li jkunu magħrufin mill-bnedmin u li għandhom bżonn il-preżenza tal-Mulej.

Il-veru skop tal-ħabs

Wera wkoll ix-xewqa li l-ħabsijiet jilħqu l-iskop veru li għalih jeżistu, jiġifieri li jgħinu lill-persuni biex isibu lilhom infushom, biex jiksbu l-paċi magħhom infushom u jirrikonċiljaw mas-soċjetà u ma’ Alla, ħalli jerġgħu jintegraw fis-soċjetà u jgħinu fl-iżvilupp tagħha.

Bla possibbiltà li jingħaqad ma’ familtu

Fuq tema differenti, priġunier ieħor ħass li ried jistaqsi lill-Papa jekk iħossx li hi ħaġa tajba li hu bħala missier ta’ tifla ta’ xahrejn u bħala persuna li ġġedded ma ngħatax il-possibbiltà u l-opportunità li jerġa’ jingħaqad ma’ familtu minkejja li ħallas id-“dejn” li kellu mas-soċjetà. Il-Papa feraħlu għat-tifla u feraħ li dan il-bniedem iħoss lilu nnifsu bħala bniedem ġdid. Qallu li skont id-duttrina tal-Knisja l-familja hi xi ħaġa fundamentali u hu importanti li missier ikun jista’ jgħannaq lil bintu u li jkun magħha u ma’ martu biex jibnu familja sabiħa biex b’hekk ikun qed jaħdem ukoll għall-futur tal-Italja.

Ngħinu lill-morda u lill-foqra

Priġunier ieħor staqsa wkoll dwar wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja u li jinsab fl-Afrika. Dan il-post jismu Benin. Il-Papa mar hemm ftit tax-xhur ilu. Dan il-ħabsi ħass il-weġgħa li dawn in-nies ipoġġu l-fidi tagħhom u t-tama fil-Mulej u minkejja dan qegħdin imutu fil-faqar u l-vjolenza. Għalhekk staqsa jekk Alla jismagħhomx lil dawn jew inkella jisma’ biss lis-sinjuri u lin-nies fil-poter li ma jemmnux bih?
Il-Papa spjega li l-kriterji t’Alla huma differenti minn tagħna. Lil dawn in-nies jagħtihom il-ferħ tal-preżenza tiegħu. Jagħtihom li jħossu l-viċinanza tiegħu anke f’nofs is-sofferenzi u d-diffikultajiet li qegħdin iġarrbu.
“Alla ċertament qed isejħilna biex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinu lil dawn in-nies jinqalgħu mill-mard u mill-faqar. Irridu nitolbu lil Alla biex ikollna l-ġustizzja ħalli kulħadd jgħix fil-ferħ tal-fatt li aħna lkoll uliedu.”

Priġunier marid bl-HIV

Dan il-priġunier ma kienx jaf x’jista’ jistaqsi bniedem bħalu, li hu marid bl-HIV, lill-Papa. Iħoss li huma li għandhom din il-marda rari jissemmew u li meta jissemmew ikun b’aggressività, bħallikieku jridu jeliminawhom mis-soċjetà. Għaldaqstant huma jħossuhom inqas minn ħaddieħor.
Il-Papa wieġeb lil dan il-priġunier li n-nies jitkellmu b’aggressività anke dwaru. Fehmu li rridu naċċettaw dan il-fatt iżda ma naqtgħux qalbna u nkomplu nipperseveraw. Ħeġġeġ lil dan il-priġunier u lil dawk bħalu biex jaħsbu b’mod pożittiv ħalli jkunu jistgħu jifhmu s-sofferenzi tagħhom u jgħinu lilhom infushom ħalli jqumu mill-ġdid. Min-naħa tiegħu hu qal li se jgħinhom jaħsbu fid-direzzjoni t-tajba, mhux b’mod abbużiv iżda uman.
Jifhem li kulħadd jista’ jiżbalja imma Alla jrid li kulħadd jasal għandu. Talab biex jikkollaboraw fi spirtu ta’ fraternità, filwaqt li jagħrfu d-dgħufija tagħhom biex b’hekk kulħadd jimxi ’l quddiem b’dinjità.

Il-qrar

Dwar is-sagrament tal-qrar u l-assoluzzjoni li jagħtu l-qassisin, priġunier minnhom staqsa għaliex dan il-poter ingħata biss lill-qassisin u li kieku hu kellu jitlob maħfra lil Alla waħdu u għarkopptejh quddiem il-Mulej jekk dan jaħfirlux?
Il-Papa żgurah li Alla xorta jaħfirlu jekk jagħmel dan b’mod ġenwin lejn Alla. Iżda spjegalu li d-dnub mhuwiex biss fatt personali, għandu anke d-dimensjoni soċjali. Għalhekk din id-dimensjoni soċjali titlob l-assoluzzjoni fuq livell ta’ komunità li hi l-komunità tal-Knisja. Hi importanti biex teħles lil min ikun dineb mir-rabta mal-ħażin u tgħin bħala riabilitazzjoni m’Alla. Tagħti ċ-ċertezza tal-maħfra t’Alla u li Alla jerġa’ jilqa’ lura lil dawk li dinbu fl-għadd ta’ wliedu.
Wara dawn id-domandi l-Papa talab mal-priġunieri u berikhom. Qabel telaq lura lejn il-Vatikan bierek siġra taċ-ċipress li tħawlet b’tifkira taż-żjara tiegħu. Il-priġunieri apprezzaw ħafna din iż-żjara u wħud minnhom dehru anke kommossi waqt din il-laqgħa sabiħa li kellhom miegħu.

melvindelsol@hotmail.com

Tuesday, January 10, 2012


Kemm hi kbira l-problema tat-tibdil fil-klima u kemm qiegħda tingħata importanza?
Kwistjoni li jista’ jkollha impatt qawwi fuq id-dinja kollha
Kull sena li tgħaddi jiżdied it-tħassib minħabba l-bidliet li jseħħu fil-pjaneta tagħna. Bidliet li ħafna drabi jbiddlu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħna u li jinkwetawna għal dak li jista’ jiġri fil-futur.
Waħda mit-tibdiliet li d-dinja qiegħda ssofri minnhom hija t-tibdil fil-klima. Din il-problema tinsab fuq l-aġenda tal-pajjiżi kollha peress li mhux biss għandha effetti fuq l-ambjent, iżda ġġib magħha diversi konsegwenzi oħrajn li huma ta’ tħassib.
l-orizzont iddeċieda li jistudja aħjar dan l-argument u tkellem mal-Kelliem Ewlieni Laburista għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, kif ukoll ma’ Alan Pulis li hu speċjalizzat fil-qasam tal-immaniġġjar ambjentali.
Tishin globali u tibdil fil-klima
Pulis beda biex jgħidilna li l-ewwel irridu niddistingwu bejn dak li jissejjaħ “tisħin globali”, jiġifieri li l-pjaneta qiegħda tisħon meta mqabbla mat-temperaturi globali kif kienu fl-era pre-industrijali, u l-fenomenu nnifsu tat-“tibdil fil-klima”. It-tisħin globali hu l-kawża tal-problema filwaqt li t-tibdil klimatiku hu dak li jirriżulta minn dan it-tisħin, jiġifieri l-effett.
Dan it-tibdil klimatiku ma jistax iseħħ biss minħabba l-attivitajiet tal-bniedem. Hemm fenomeni naturali li jwasslu għal dan. Eżempju, l-isplużjoni vulkanika ta’ Pinatubo fl-Indoneżja fl-1992 wasslet għal tnaqqis fil-medja tat-temperatura globali. Studji tas-silġ f’Antarctica jindikaw li l-pjaneta bħal donnha tgħaddi minn ċikli naturali ta’ kesħa (magħrufin bħala ice ages) u sħana (interglacials) li jalternaw fuq medda ta’ eluf ta’ snin.
Li qed iħassibna hu t-tibdil klimatiku li qed ikun ikkaġunat minn attiviatjiet tal-bniedem.
Matul dawn l-aħħar 200 sena kellna żvilupp soċjo-ekonomiku qawwi f’bosta pajjiżi madwar id-dinja, speċjalment fl-Ewropa u l-Istati Uniti. Dan l-iżvilupp seħħ l-aktar minħabba ħruq kontinwu ta’ ‘fossil fuels’ – żejt, faħam u gass – li permezz tagħhom l-umanità setgħet tilqa’ għall-bżonnijiet ta’ enerġija li baqgħu dejjem jikbru. Ta’ dan kien hemm konsegwenza, jiġifieri l-bosta gassijiet serra (greenhouse gases) li llum nafu li akkumulaw f’ammonti rekord fl-atmosfe­ra tad-dinja. Il-gass serra prinċipalment hu diossidu tal-karbonju li għan­du l-abbiltà li jassorbi s-sħana li tkun qiegħda tiġi riflessa mill-pjaneta tagħna (infrared).
Dan il-gass nis­tgħu ngħidu li dej­jem kien hemm ċertu ammont minnu fl-atmosfera u li ppermetta l-evoluzzjoni tal-ħajja fid-dinja kif nafuha f’temperaturi mhux kesħin jew sħan iżżejjed.
Il-livell ta’ diossidu tal-karbonju fl-atmosfera llum qabeż sew kull livell li qatt kellna, tal-inqas fl-aħħar nofs miljun sena. Jeżisti qbil li l-kaġun ta’ dan kien il-ħruq tal-‘fossil fuels’ f’dawn l-aħħar 200 sena. Il-livelli pre-industrijali ta’ diossidu tal-karbonju hu stmat li kien madwar 280 ppm. Il-livelli tal-lum huma ta’ madwar 380 ppm, rekord għal eluf kbar ta’ snin. Dan inissel tħassib!
Is-settur tal-enerġija – primarjament il-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-konsum ta’ ‘fossil fuels’ għat-trasport – hu s-sors prinċipali tal-gassijiet serra. Hu ovvju allura li meta wieħed jitkellem dwar it-tibdil fil-klima bilfors jirreferi għall-andament tal-affarijiet fis-settur tal-enerġija.
Din is-sitwazzjoni donnha timplika żieda fit-temperatura globali u fil-fatt l-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) tistma’ li t-temperaturi globali żdiedu b’medja ta’ 0.74 grad ċentrigradu fuq l-aħħar mitt sena (1906-2005). Dan ma jfissirx li t-temperaturi mhux se jiżdiedu aktar minħabba d-diossidu tal-karbonju li hemm bħalissa, irrispettivament xi jsir dwar l-emissjonijiet li għandna llum.
Minkejja li nafu li din iż-żieda fit-temperatura globali għandha tħalli impatt sos­tan­zjali fuq il-klima madwar id-dinja, għad hemm ħafna inċertezza dwar kemm se jkunu estiżi dawn l-impatti u x’se jkunu l-effetti soċjo-ekonomiċi fuq diversi komunitajiet. Bosta xjenzati jaqblu li jekk il-medja fiż-żieda tat-temperatura globali tilħaq iż-żewġ gradi ċentigradi dan ikun ifisser impatt irriversibbli fuq il-klima globali. Dan ikun isarraf fi spejjeż kbar ta’ addattazzjoni u konsegwenzi serji li mhux kull popolazzjoni madwar id-dinja tista’ tilqa’ għalihom.
Leo Brincat semma wkoll dan il-punt u qal li jekk naslu f’dan l-istadju “nkunu dħalna f’baħar imqalleb sew li diffiċli li wieħed isib tarfu”.
Is-summit ta' Durban
Is-summit ta’ Durban li kellna dan l-aħħar fl-Afrika t’Isfel kien parti minn proċess kumpless ħafna biex il-pajjiżi prattikament kollha fid-dinja, firmatarji tal-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta’ Kyoto, qegħdin iħabirku biex it-tisħin globali jkun kontenut.
Dwar dan, Leo Brincat qal li “fil-fehma tiegħi l-iskop ewlieni li ntleħaq kien li ma jiġix imminat il-proċess tan-negozjati nnifsu billi jkompli joffri tamiet u prospetti għal negozjati aktar intensivi fil-ġejjieni. Għalkemm ma ntleħaq l-ebda ftehim li jorbot legalment, hemm l-impenn li l-istati membri kollha issa huma impenjati li jaħdmu għal trattat li jorbot fil-ġejjieni. Iżda obbligatorju ma hemm xejn ħlief li juru dan l-impenn.”
Brincat jaħseb li l-ftehim bl-ebda mod mhu se jkollu effett jew impatt immedjat fuq it-tibdil fil-klima nnifisha, tant li fil-fehma ta’ ħafna, id-deċiżjonijiet meħudin huma ferm inqas minn dak li kien mistenni fiċ-ċirkostanzi. Min-naħa l-pożittiva, għalkemm ħafna ħasbu li Durban setgħet immarkat it-tmiem tal-Protokoll ta’ Kyoto, għall-inqas dan issa se jiġi estiż sakemm jinbeda l-proċess li permezz tiegħu jeħodlu postu ftehim li jpoġġi lill-ġnus kollha f’miżien wieħed. Bħas-soltu issa nerġgħu nibdew nimtlew b’tamiet ġodda fis-summit li jmiss. Dan se jkun imsejjaħ COP 18 u mistenni jinżamm fil-Qatar.
Il-kelliem Laburista jħoss li “jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna kulma hemm sal-lum huma biss wegħdi iżda d-dettalji dwar ir-‘road map’ għall-ġejjieni għad trid tiġi negozjata. Anke l-aspett tas-sorsi preċiżi ta’ minn fejn u kemm ġejjin fondi għall-hekk imsejjaħ ‘Green Climate Fund’ għadhom iridu jiġu definiti.
“F’summits bħal dawn ikollok ġlieda qalila moħbija għaddejja bejn l-interessi ġeopolitiċi u dawk makro-ekonomiċi. Fuq nota ottimista, tal-inqas il-ferrovija għadha fuq il-binarju. Meta tasal fl-istazzjon irridu naraw.”
Kwistjoni serja
Leo Brincat spjegalna li l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima hi waħda serja ħafna. Għalkemm jaf hemm gvernijiet u partiti politiċi flimkien ma’ ċerti ‘lobby groups’ li jipprovaw iċekknu l-importanza ta’ din il-problema, hu magħruf li din il-kwistjoni tant tittieħed bis-serjetà li saħansitra aġenziji tal-ispjunaġġ bħas-CIA huma magħrufin li waqqfu unitajiet speċjali biex jistudjaw l-implikazzjonijiet ta’ din il-kwistjoni minħabba l-impatt ġeo-strateġiku li jista’ jkollha. Ir-raġuni hi sempliċi. Din il-kwistjoni tmur ferm lil hinn mill-qasam purament ambjentali peress li għandha impatt fuq l-oqsma soċjo-ekonomiċi ewlenin, kif ukoll fuq dak tas-sigurtà nazzjonali u internazzjonali.
Brincat kien ħa interess l-ewwel darba fis-suġġett meta kien Shadow Minister tal-Affarijiet Barranin tal-PL u l-Ingliżi kie­nu qegħdin jinsistu taħt Gvern Laburista biex ipoġġu l-kwistjoni fuq l-aġenda tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Hu kien argumenta li peress li din hi kwistjoni mifruxa li tolqot ħafna u l-aktar lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, kwistjoni bħal din kellha tittella’ wkoll fuq l-aġenda tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
Impatt fuq l-immigrazzjoni
Minn dak iż-żmien ’l hawn din il-kwistjoni qiegħda jkollha wkoll impatt fuq il-qasam tal-immigrazzjoni billi ħolqot fenomenu ġdid li jissejjaħ ‘climate refugees’ – refuġjati jkollhom jitilqu minn pajjiż għal ieħor jew reġjun għal ieħor biex jevitaw l-impatt negattiv u qerriedi tat-tibdil fil-klima.
Fil-fatt, il-gwerra ċivili fis-Sudan hi meqjusa bħala forsi l-ewwel gwerra ċivili li kellha bħala bażi t-tibdil fil-klima u l-iskarsezza tal-ilma, fost raġunijiet oħ­rajn.
Kif taffettwa lil Malta
Fil-każ ta’ Malta, Leo Brincat qal li pajjiżna ma jiġġenerax diossidu tal-karbonju daqs pajjiżi ferm akbar minna. Min-naħa l-oħra, meta tqis li Malta tinsab fiċ-ċentru tal-Mediterran allura wieħed jinduna li din tolqotna mill-viċin ħafna u jista’ jkollha effett dirett fuq il-klima u r-riżorsi tagħna. Fost l-oħrajn jiġu affettwati s-saħħa ambjentali nnifis­ha, it-turiżmu għax insiru destinazzjoni ferm aktar sħuna u hemm ċans li nimbottaw lit-turisti lejn pajjiżi oħrajn bi klima aktar moderata u r-riżors tal-ilma – li diġà hu problema – li mistenni jintlaqat ħażin kemm fil-kwalità, kif ukoll fil-kwantità. Barra minn hekk jiġu affettwati wkoll il-livelli tal-baħar fix-xtajtiet.
Dwar dan Alan Pulis qal li din il-kwistjoni fil-gżejjer żgħar mhix relatata biss ma’ aktar sħana jew varjabbiltà fil-preċipitazzjoni (jiġifieri l-frekwenza u l-intensità tal-perjodi tax-xita).
Mudelli klimatiċi mħaddmin mill-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) għall-Mediterran qegħdin jipproġettaw numru inqas ta’ ġranet bix-xita f’dan ir-reġjun filwaqt li r-riskju ta’ perjodi pjuttost twal ta’ nixfa matul l-istaġun tas-sajf hu mistenni li jiżdied. Dawn huma kundizzjonijiet li tipikament iwasslu għall-fenomenu magħruf bħala deżertifikazzjoni u li allura jolqot ħażin ħafna l-produttività tal-art b’detriment serju għall-agrikoltura.
Problema kbira oħra, bħalma semmielna qabel ukoll Leo Brincat, x’aktarx hi relatata mal-livelli tal-baħar li mistennijin li jogħlew sostanzjalment fuq medda ta’ snin. Dan mistenni jiġri għax idub aktar silġ mill-Artiku jew minn Antarctica imma wkoll minħabba l-fatt li t-temperaturi aktar għoljin ifissru baħar aktar sħun u li allura dan jespandi. Il-konsegwenzi ġenerali jkunu li żoni tal-kosta jistgħu jispiċċaw mgħarrqin b’kon­segwenzi kbar u serji fuq komunitajiet li jgħixu hemmhekk.
Livelli aktar għoljin tal-baħar ikun ifisser stress akbar fuq l-ilma tal-pjan, il-‘groundwater aquifiers’, għas-sempliċi raġuni li l-baħar jidħol fil-blat b’aktar saħħa u allura jżid is-salinità tal-‘aquifiers’. Gżejjer żgħar għandhom tendenza jkunu aktar vulnerabbli għal dan. Il-prezz li jkollna nħallsu jkun fil-forma ta’ dipendenza dejjem akbar fuq impjanti li jiġġeneraw l-ilma tajjeb għax-xorb, bħall-impjanti tar-‘reverse osmosis’. Dan jinvolvi aktar spejjeż, aktar konsum ta’ enerġija u x’aktarx aktar emissjonijiet. M’għandniex xi ngħidu li minħabba l-limitazzjonijiet ovvji li għandhom gżejjer żgħar bħal pajjiżna, l-impatt soċjali u ekonomiku ta’ sitwazzjoni bħal din għandu tendenza li jkun wieħed pjuttost drastiku.
Bħall-kelliem Laburista, Alan Pulis iħoss li perjodi ta’ nixfiet aktar twal fis-sajf f’Malta u possibbilment temperaturi aktar sħan jistgħu jġibu magħhom diversi implikazzjonijiet oħrajn bħal per eżempju impatti negattivi fuq is-saħħa pubblika b’mod ġenerali u anke, mil-lat ekonomiku u fuq it-turiżmu fejn id-destinazzjonijiet favoriti jistgħu jsiru dawk fejn il-klima tas-sajf tkun aktar moderata minn kif inhu mbassar għall-Mediterran u għan-naħa t’isfel tal-Ewropa.
Il-krizi ekonomika u l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima
Rigward il-kriżi ekonomika u l-effetti li din seta’ kellha dwar it-tħassib fuq it-tibdil fil-klima, iż-żewġ kelliema jaqblu li din ma naqqsitx it-tħassib ġenerali dwar din il-kwistjoni.
Alan Pulis iħoss li dan tal-inqas mhux il-każ fl-Ewropa. Fil-fatt qalilna li skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru li kien ippubblikat f’Ottubru li għadda, madwar 51% ta’ dawk intervistati mid-diversi Stati Mem­bri jikkonsid­raw it-tibdil klimatiku bħala waħda mill-aktar problemi serji li qegħdin nif­faċċjaw u xejn inqas minn 20% jqisu din il-problema bħala l-aktar waħda serja, jekk mhux ukoll aktar serja mill-kriżi finanzjarja li bosta pajjiżi, par­tiko­lar­ment dawk Ewro­pej, bħalissa għaddejjin minnha.
L-istess sostna Leo Brincat u semma wkoll l-istess stħarriġ tal-Ewrobarometru. Hu jemmen li minkejja li ċerti pajjiżi forsi se jsibuha aktar diffiċli biex idaħħlu idejhom fil-but u jagħtu l-kontribuzzjonijiet mwegħdin għall-hekk imsejħa “Climate Green Fund” li bihom huma mistennijin li jgħinu lill-pajjiżi foqra kif ukoll lil dawk li qegħdin jiżviluppaw, min-naħa l-oħra billi qegħdin jintebħu li din il-kwistjoni jekk taħrabilhom jista’ jkollha impatt negattiv ekonomiku u finanzjarju qawwi fuq pajjiżhom stess, se jintebħu li fl-aħħar mill-aħħar huma nfushom jistgħu jkunu tellifin.
Min-naħa l-oħra iżda kien hemm gvernijiet li kellhom ibiddlu l-prijoritajiet tagħhom minħabba konsiderazzjonijiet elettorali għax f’pajjiżi fejn ikunu resqin l-elezzjonijiet ġenerali jafu jkunu inklinati li jpoġġu fil-ġenb il-prijoritajiet tagħhom dwar il-klima.
Il-problema ewlenija li qiegħda tiffaċċja d-dinja bħalissa hi li t-temperaturi jinsabu telgħin b’rata ferm ogħla mill-imgħoddi filwaqt li r-riżultati miksubin s’issa naqqsu r-rankatura. B’hekk il-ħtieġa ta’ sforzi dejjem akbar qiegħda tikber flok tiċkien, huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi u hi x’inhi l-qagħda ekonomika u finanzjarja fid-dinja u anke fl-Ewropa bħalissa.
Intant, Pulis spjegalna kif l-istess rapport tal-Ewrobarometru jiżvela kif l-aktar erba’ pajjiżi fl-UE fejn jidher li hemm tħassib serju dwar it-tibdil fil-klima huma l-Lussemburgu, id-Danimarka, Malta u l-Iżvezja. Filwaqt li 20% ta’ dawk intervis­tati jqisu li t-tibdil fil-klima hi l-aktar problema serja li qegħdin niffaċċjaw, dan il-persentaġġ għal Malta jaqra xejn inqas minn 30% u dan daqs l-Iżvezja. Hu pjuttost sinifikanti anke meta wieħed iqis li l-Iżvezja hu wieħed mill-aktar pajjiżi sensittivi għall-ambjent fid-dinja.
Pulis iħoss li jkun żball kbir jekk il-komunità internazzjonali, partikolarment il-politiċi, jagħtu l-ġenb lil din il-kwistjo­ni bl-iskuża tal-kriżi ekonomika. L-akbar sfida li qegħdin niffaċċjaw illum fil-fatt mhix il-kriżi ekonomika nnifisha, iżda kemm aħna kapaċi nittrasformaw din l-istess kriżi bħala opportuni­tà li permezz tagħ­ha tevolvi ekono­mija aktar ħadra (green eco­nomy) bi stili ta’ ħajja aktar sostenibbli u b’in­qas emissjonijiet ta’ karbonju. “Jekk il-mexxejja Ew­­ro­pej iridu juru kemm vera jħarsu ’l qud­diem fl-aħjar interess tal-Ewropa jekk mhux ukoll tal-pjaneta kollu, dawn ma jistgħux jitkellmu dwar il-kriżi ekonomika jekk mhux ukoll fil-kuntest tat-tibdil klimatiku,” qal Pulis.
(…ikompli fil-ħarġa li jmiss ta’ din il-paġna)

Sunday, January 8, 2012

Don Verzè: Gesù fuq id-dinja?


zgur mhux il-kaz minkejja li dejjem ipprova jpingi lilu nnifsu bhala s-salvatur li kien qed jigi disprezzat

Is-sena 2011 ghalqet bil-mewt tal-qassis-fundatur tal-Isptar San Raffaele ta’ Milan, Don Luigi Verzè. Huwa miet b’attakk tal-qalb lejliet l-ewwel tas-sena fl-età ta’ 91 sena. Kien il-president tal-Fondazzjoni Monte Tabor li kienet tmexxi l-istess sptar.
Fl-istess sena, l-Isptar San Raffaele spicca fallut b’dejn ta’ biljun u nofs ewro u l-kaxxier tal-istess sptar, Mario Cal, ikkommetta suwicidju f’Lulju. Ghaldaqstant dahal responsabbli l-Vatikan biex imexxi dak li fadal minn San Raffaele.
Minkejja li fl-ahhar waqtiet ta’ hajtu Verzè pprova jpingi lilu nnifsu bhala gesù hekk kif qal li “spiccajt fuq il-kurcifiss bhal Gesù”, mill-investigazzjonijiet li saru dwar il-hofra finanzjarja fi hdan il-Fondazzjoni Monte Tabor sar maghruf li fil-fatt ma kienx.

Verzè involut fil-falliment ta’ San Raffaele ta’ Milan

Sar maghruf li kien inholqot sistema biex jisparixxu miljuni ta’ ewro fi flus kontanti mill-kotba finanzjarji tal-Fondazzjoni u li d-destinazzjoni taghhom kienet bhala flus lejn politici ta’ kull kulur, investimenti fittizji fl-Azerbaijan, ajruplan personali ghal Verzè u anke appartament shih li sewa ¢650,000 ghall-habiba ta’ Verzè, Raffaella Voltolini.
Wara li sar maghruf dan kollu, Verzè ceda kull poter li kellu fil-fondazzjoni wara 42 sena ta’ tmexxija fejn irnexxielu johloq kolonna fir-ricerka u l-kura, izda wkoll sensiela ta’ investimenti paralleli bi gwadann personali.

Konnessjoni ma’ Malta

Lura lejn is-snin 90, Dun Charles Vella li kien ghamel xi zmien jahdem mal-Isptar San Raffaele ta’ Milan bhala ufficjal ghar-relazzjonijiet pubblici rnexxielu jhabbeb lill-Gvern Nazzjonalista, immexxi minn Eddie Fenech Adami u Louis Galea bhala Ministru tas-Sahha, ma’ Don Verzè.
Kienet harget l-idea li f’Malta jinbena sptar specjalizzat li jhabbatha mal-Isptar San Raffaele ta’ Milan u li jkun centru ta’ ricerka medika. Dan l-isptar kellu jkun immexxi mill-Fondazzjoni ta’ Don Verzè.
Meta gew ghall-ghazla ta’ min kellu jibni dan l-isptar il-gdid, il-gvern Nazzjonalista ta’ dak iz-zmien qabad u ghazel lill-Fondazzjoni San Raffaele minghajr ebda sejha ta’ tenders. Dan kollu sar bejn ftehim bejn il-kbar ta’ San Raffaele, f’dan il-kaz Don Verzè u l-gvern Malti ta’ dak iz-zmien.
Il-gvern, flimkien mal-Fondazzjoni San Raffaele dddecidew li jibnu sptar li jesa 450 sodda. Ghazlu wkoll li jaqsmu s-servizzi medici f’Malta fi tnejn: uhud f’San Raffaele f’Tal-Qroqq u l-kumplament fl-Isptar San Luqa. B’dan il-mod kienu se jirdoppjaw ir-rizorsi li kien hemm bzonn u anke l-infiq.
Sar maghruf li kellu jkun il-gvern li jhallas ghall-bini tal-isptar izda kollox skont kif jiddeciedu ta’ San Raffaele. Barra minn hekk, il-gvern ried ukoll ihallashom tas-servizzi li jaghtu lill-pazjenti. Kien proprju hawnhekk meta l-Gvern Nazzjonalista beda jahsibha jekk il-pazjenti kellhomx jibdew ihallsu parti mill-flus ghas-servizzi medici li jiehdu.
Il-gvern, flimkien mal-Fondazzjoni San Raffaele, ghazlu lil Ortesa bhala d-disinjaturi tal-isptar. Ghal darb’ohra ma hargux sejhiet ghall-kuntratti. Il-pjanti damu ma waslu u gieli waslu bi zbalji li kellhom jigu rrangati. Fil-fatt, il-kumpanija tal-kostruzzjoni Svediza Skanska, li ntaghzlet din id-darba b’sejha ta’ tenders minkejja li kien process li holoq kontroversja peress li l-qrati kienu qalu li l-Ministru tal-Finanzi kien qabez il-limiti li kellu, kienet qalet li madwar nofs il-pjanti mekkanici ta’ Ortesa kellhom bzonn jigu rrangati.
Skanska ma kellhomx problema biex jirrangaw il-pjanti peress li kienu jithallsu ta’ kull bicca xoghol li kienu jaghmlu zejda. Ix-xoghol beda u sa Ottubru tal-1996, meta l-isptar suppost kellu jkun qrib li jibda jopera u meta kienu ntefqu digà diversi miljuni ta’ liri, kienu ghadhom inbnew zewg sulari taht l-art.

Mal-qalba tal-gvern

Fl-1996, kien hemm qalba fil-gvern u Partit Laburista mmexxi minn Alfred Sant ra li l-kuncett ta’ dan l-isptar ma kienx dak li kien jemmen fih hu. Il-Ministru tas-Sahha ta’ dak iz-zmien, Michael Farrugia, ikkummissjona numru ta’ rapporti u kellu diskussjonijiet mal-istakeholders fis-settur tas-sahha. Ir-rapporti kollha tal-istakeholders kienu kollha kontra l-kuncett li s-servizzi tal-isptar ikunu maqsumin u rrimarkaw ukoll li taht amministrazzjoni Nazzjonalista qatt ma kienu gew ikkonsultati dwar l-Isptar San Raffaele. Dan kien ifisser li kien qed jinbena sptar li l-esperti medici lokali ma kinux jaqblu mieghu.
Intant, gie deciz li tintemm ir-rabta ma’ Don Verzè.

Verzè minn dejjem ihossu s-salvatur

F’kontribuzzjoni ricenti fuq it-TORCA, Sant kien irrakkonta l-laqgha li kellu ma’ Verzè f’Kastilja. Irrakkonta kemm kien persuna zorra u minkejja t-tahwid li gab fil-progett ipprova jpingi lilu nnifsu bhala “salvatur li qed jigi disprezzat”.
Verzè kien ukoll wasal biex jispjega dwar kif kien jahdem. Kien qal lil Sant li jekk il-gvern Malti jithajjar biex jitlob self mill-fond socjali tal-Kunsill tal-Ewropa, hu kellu l-hbieb hemm u kien jista’ jghin.
Wara li twarrab Verzè, il-gvern Laburista pprova jaddatta l-isptar skont l-esigenzi medici tal-poplu. gie deciz li jinbena sptar li jesa bejn 800 – 1,000 sodda. Il-kuntratt ma’ Ortesa twaqqaf u harget sejha ghal tenders ghad-disinjaturi. Il-kuntratt inghata lil Norman and Bawburn. Dawn kienu stmaw li l-prezz tal-kostruzzjoni, tal-mekkanika u l-elettriku kienu se jammontaw ghal madwar Lm70 miljun u kellu jsir sal-2001.
Meta mbaghad fl-1998 tela’ gvern Nazzjonalista, dan waqqaf il-kuntratt tad-disinjaturi Norman and Bawburn u minflok iffirma kuntratt gdid ma’ Skanska ghad-disinn, bini u supervizjoni tal-isptar. Dan sewa Lm93 miljun u kellu jinfetah fl-2003 u jitlesta sal-2005. Izda fl-2004 gie ffirmat kuntratt iehor ta’ Lm145 miljun bil-patt li l-isptar jitlesta sa Lulju tal-2007.
melvindelsol@hotmail.com