Kemm hi kbira l-problema tat-tibdil fil-klima u kemm qiegħda tingħata importanza? (L-aħħar parti)
(ikompli mill-ħarġa l-oħra…)
F’kuntatt li kellu l-orizzont ma’ Greenpeace dawn qalulna li pajjiżna mhux qed jagħmel sforz biżżejjed biex jilħaq il-miri mitlubin (fl-enerġija alternattiva) mill-Ewropa sal-2020.
Leo Brincat jaqbel ma’ dan u qalilna li wieħed kien jistenna li pjan simili kien messu ilu li beda jitħaddem is-snin. Għal għadd ta’ snin kellna biss abbozz ta’ pjan tal-enerġija rinnovabbli li għalkemm inbidel għadd ta’ drabi tul is-snin baqa’ dejjem abbozz ta’ pjan. Sal-lum sar kollox bl-iskossi. Anke meta l-Gvern ġie biex iressaq il-pjan ta’ azzjoni tiegħu fl-aħħar minuta quddiem l-UE s-sena l-oħra, filli qalli li mhux se jilħaq l-10% mitluba minnu, filli wara ftit qal li se jaqbiżhom bi ftit. Filli sirna nafu li skont istitut ewlieni tar-riċerka Olandiż, Malta mistennija li tonqos milli tilħaq dawn il-miri kif suppost sal-2020. Il-Gvern jidher li biex jilħaq l-għanijiet tiegħu se jistrieħ fuq tliet sisien ewlenin: a. Żieda qawwija ta’ dipendenza fuq l-użu tal-biofuels;
b. Dipendenza żejda fuq il-wind farms meta għadu mhux ċar jekk il-proġett ewlieni tas-Sikka l-Bajda hux se jinstab vijabbli u;
ċ. il-possibbiltà li l-Gvern ikollu jdur għall-inċinerazzjoni billi jkollu jibni impjant ġdid ieħor xi tmien darbiet fid-daqs ta’ dak tal-Marsa biex jipprova joħloq enerġija mill-iskart. Il-Gvern jista’ jkun inkoraġġut li jmur għal din it-tielet triq kemm minħabba li ma jkollux alternattivi oħra, kemm minħabba li se jkollu jagħlaq il-‘landfills’ tiegħu u għax skont l-UE nnifisha l-‘waste to energy’ ġġenerata mill-inċinerazzjoni tikkwalifika tajjeb jew ħażin bħala enerġija alternattiva. Il-problema hi li meta wieħed jara l-mod dilettantesk u l-problemi li nqalgħu fl-inċineratur ferm iżgħar tal-Marsa, wieħed għandu għalxiex jinkwieta bis-serjetà dwar it-tħaddim tal-inċinerazzjoni f’pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, Pulis spjegalna li kull stat membru fl-UE għandu miri speċifiċi għall-enerġija rinnovabbli li jvarjaw minn 10% tal-konsum enerġetiku sas-sena 2020 fil-każ ta’ Malta sa ċifra ta’ anke 40% għall-Iżvezja. Dan dejjem kif stipulat taħt id-direttiva għall-enerġija rinnovabbli tal-UE. Kull pajjiż għandu l-modi tiegħu kif jilħaq il-miri u dan jiddependi ħafna mir-riżorsi ġeofiżiċi, tekniċi, umani u finanzjarji. L-aħħar statistika maħruġa mill-Eurobserver u li tagħti l-istampa għall-2009 turi kif l-aktar pajjiżi Ewropej li qegħdin jagħmlu suċċess f’dan is-settur huma l-Awstrija, l-Iżvezja, il-Latvja u s-Slovenja. Parti mis-suċċess tagħhom ġej mill-possibbiltà li għandhom dawn il-pajjiżi biex jiġġeneraw l-elettriku permezz tax-xmajjar li għandhom (hydropower).
Malta għadha tinsab fil-qiegħ tal-klassifika tal-pajjiżi tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-enerġija rinnovabbli. L-aktar stima riċenti ppubblikata f’dokument maħruġ fit-28 ta’ Novembru li għadda mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u li jagħmel analiżi tal-pjani nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli tal-istati membri tal-UE jagħti ċ-ċifra ta’ 1.8% bħala stima għal ‘renewable energy share’ għall-2010 għal Malta.
Hu minnu li matul dawn l-aħħar snin saru sforzi biex jinkoraġġixxu lill-pubbliku biex jaqleb għall-enerġija alternattiva, mhux l-inqas permezz ta’ skemi ta’ sussidju fuq apparat teknoloġiku bħall-‘photovoltaics’ u ‘solar water heaters’. Sa ċertu punt ġie rreġistrat progress. Iżda minkejja kollox jidher li għadna lura ħafna milli nilħqu l-10% sal-2020.
Hemm diversi raġunijiet. Jista’ jkun li minkejja l-kontijiet għoljin tad-dawl u l-ilma, xorta hawn xettiċiżmu rigward it-teknoloġija rinnovabbli. Ħafna familji joqogħdu lura milli jinvestu għax sempliċiment ma jifilħux għal daqstant spejjeż minkejja s-sussidji li jingħataw. Hemm ukoll kwistjonijiet oħrajn ta’ natura loġistika, fejn mhux kull post tippermetti li jkollha apparat teknoloġiku bħal dan.
Barra minn hekk, hemm argument ieħor. Kif jista’ xi ħadd jippretendi li familja bi dħul medju tinvesti f’apparat li jiswa tant flus jekk imbagħad m’hemmx leġiżlazzjoni f’pajjiżna li tissalvagwardja d-dritt għall-aċċess tal-enerġija solari jew aħjar id-dawl tax-xemx? Dawn huma ‘solar rights’. Jekk tinvesti f’teknoloġija alternattiva li taħdem bid-dawl tax-xemx x’aktarx li tkun qed tissagrifika parti sostanzjali mill-bejt. Mhux sew li mbagħad ikollok tiffaċċja sitwazzjoni fejn jekk ta’ maġenbek iwaqqa’ d-dar u jerġa’ jibni fl-għoli tispiċċa titlef ħafna mill-aċċess tad-dawl tax-xemx, b’konsegwenza li l-apparat fotovoltajku ma jibqax daqstant effiċjenti. In-nies jarawhom, jgħixuhom u jħossuhom sitwazzjonijiet bħal dawn.
Wara kollox hemm ukoll min ma jridx jaf b’dawn il-pannelli għax sempliċiment ikerrħu.
Biex l-użu ta’ enerġija mix-xemx ikun aktar attraenti hu importanti li f’pajjiżna jkun hemm ‘feed-in tariffs’ b’saħħithom. L-aspett ekonomiku fl-użu ta’ enerġija alternattiva hu aspett importanti ħafna, forsi daqskemm hu importanti l-aspett ambjentali. Permezz ta’ skema ta’ ‘feed-in tariffs’ familji jew industriji li jiddeċiedu li jinvestu jkunu jistgħu jitħallsu sa ċertu ammont tal-elettriku li jiġġeneraw. Bla dubju li l-mod kif ikunu ddisinjati l-iskemi tat-tariffi jiddeterminaw is-suċċess li wieħed ikollu għal domanda ta’ teknoloġija li tagħmel użu minn enerġija alternattiva bħax-xemx.
Alan Pulis semma wkoll il-‘windfarms’ f’Malta. Smajna dwar proġetti bħal dawn, għal bosta snin, dwar turbini li jaħdmu bir-riħ li jipproduċu l-elettriku. Skont kif spjegat mill-Gvern fi pjan importanti li ġie mressaq ukoll lill-Kummissjoni Ewropea (in-National Renewable Energy Action Plan) jindikaw li parti kbira mill-ammont ta’ enerġija rinnovabbli li pajjiżna se jkollu bżonn biex jilħaq il-mira tal-Ewropa se tkun ġejja mir-riħ. Issemmew tliet proġetti importanti f’dan ir-rigward: żewġ ‘onshore farms’ fil-limiti tal-Baħrija u f’Ħal Far u l-proġett ‘offshore’ tas-Sikka l-Bajda.
Sfortunatament, minn dawn il-proġetti għadu ma mmaterjalizza xejn b’mod tanġibbli.
Pulis semma wkoll is-settur tal-immaniġġjar tal-iskart li se jkun kruċjali għal Malta biex inlaħħqu mal-miri li għandna. Minkejja kull kontroversja li għandha x’taqsam mal-impjant tat-trattament tal-iskart f’Wied il-Għajn, nistgħu ngħidu li ġie rreġistrat progress f’dan is-settur mil-lat ta’ infrastruttura li tiġġenera l-elettriku mill-‘biogas’. Dan hu prodott mid-dekompożizzjoni ta’ skart biodegradabbli taħt kundizzjonijiet apposta. Ir-riabilitazzjoni tal-miżbla tal-Magħtab ukoll għandha twassal biex fl-iqsar żmien ikollna ġenerazzjoni sostanzjali ta’ elettriku mill-ipproċessar ta’ gassijiet maqbudin minn dan is-sit. Sadanittant, wieħed irid jara x’se jiġri fil-futur qarib dwar il-possibbiltà li pajjiżna jinvesti f’teknoloġija moderna għall-aħħar li tippermetti l-inċinerazzjoni tal-iskart u li fl-istess ħin tiġġenera l-elettriku minn dan il-materjal.
Riċentement Malta qiegħda tesperimenta wkoll bil-‘wave power’. Din it-teknoloġija tippermetti l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn apparat li jitpoġġa fuq wiċċ il-baħar u li jkun sensittiv għall-movimenti tal-mewġ tal-baħar. F’dan il-kamp għadha fil-bidu u fil-proċess li tinġabar l-informazzjoni bażika.
Pulis iħoss li l-gvern, ikun min ikun, irid jagħti eżempju billi jinvesti f’teknoloġija alternattiva biex iħaddem l-entitajiet tiegħu, mhux l-inqas skejjel statali. Ikun qed jibgħat messaġġ pożittiv favur investiment f’teknoloġija bħal din fost il-pubbliku.
Proposta ta' Sargas
Rigward din il-proposta Pulis qal li din żgur li hi interessanti. Iżda wieħed irid joqgħod attent kif jikkummenta dwarha, l-aktar f’dan l-istadju bikri meta għad m’għandniex studji tekniċi dettaljati biżżejjed dwar din il-proposta. Jew tal-inqas għadhom mhux ippubblikati.
Pajjiżna żgur mhux f’qagħda li jinjora proposta bħal din. Anzi hu tajjeb li jsiru studji kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll dak ambjentali biex il-proposta Sargas, u forsi oħrajn, jiġu evalwati kif suppost.
Jidher li Sargas qegħdin jipproponu teknoloġija magħrufa bħala ‘carbon capture and storage’ (CCS) għal Malta u li l-impjant tagħhom ikun addizzjonali ma’ dak li qed jinbena u li diġà għandna f’Dellimara. Qegħdin jgħidu wkoll li t-teknoloġija tagħhom tagħmilha possibbli biex Malta tkun tista’ tesporta l-elettriku lill-Italja permezz tal-‘interconnector’ meta dan eventwalment ikun qed jopera.
Hemm ħafna dibattitu fir-rigward tat-teknoloġija ta’ Sargas, partikolarment rigward il-komponent magħruf bħala CCS. F’rapport tekniku li ħareġ f’Novembru tal-2011, l-istess UE tistqarr li mhux se jkun possibbli li l-qalba totali minn enerġija konvenzjonali għal użu ta’ enerġija alternattiva jsir malajr ħafna u fil-futur immedjat. Fi kliem ieħor, minkejja l-isforzi kollha tal-istati membri biex inaqqsu d-dipendenza fuq iż-żejt, faħam u anke gass naturali, dawn il-materjali xorta se jibqgħu dominanti fl-‘energy mix’ ta’ prattikament kull pajjiż. Għaldaqstant l-UE qiegħda tħares lejn is-CCS bħala ‘bridging technology’ li nistgħu nħasru lejha bħala teknoloġija tranżitorja sakemm ’il quddiem tintemm id-dipendenza fuq il-‘fossil fuels’.
Mil-lat ambjentali hemm kwistjoni taħraq fir-rigward is-CCS. Din hi dwar xi jsir minnu d-diossidu tal-karbonju maqbud minn impjanti bħal dawn u kemm nistgħu nserrħu rasna li dan mhux se jaħrab mill-blat ladarba jkun maħżun f’formazzjonijiet ġeoloġiċi x’imkien ieħor fen jippermetti. Hemm ukoll l-argument li jistaqsi kemm jagħmel sens mil-lat ambjentali li jinqabad id-diossidu tal-karbonju meta dan jintuża għall-estrazzjoni ta’ aktar żejt minn bjar li ma jkunux baqgħux daqshekk produttivi. Dan hu magħruf teknikament bħala ‘enhanced oil recovery’ (EOR).
Irridu nqisu wkoll li l-ammont ta’ diossidu tal-karbonju li tiġġenera Malta mill-produzzjoni tal-elettriku hu ftit (jew insinifikanti) meta mqabbel mal-ammonti ġġenerati minn pajjiżi ferm akbar. Hemm ukoll l-argument li kif inhuma l-affarijiet s’issa bil-liġijiet tal-UE id-diossidu tal-karbonju maqbud permezz tas-CCS hu meqjux bħallikieku qatt ma jkun ġie ġġenerat u allura, ladarba mexjin lejn żmien fejn l-UE se tibda timponi ħlas għal kull tunellata ta’ diossidu tal-karbonju (piż finanzjarju li finalment se jerfgħu kull min jikkonsma l-enerġija elettrika), jista’ jkollna xenarju fejn Malta taf tmur minn fuq b’teknoloġija bħal din. Ovvjament dan għandu jiġi studjat bl-akbar reqqa.
Pulis qal ukoll li rridu nevalwaw ukoll bis-serjetà l-implikazzjonijiet strateġiċi għal pajjiżna f’xenarju fejn insiru dipendenti fuq entitajiet barranin bħal Sargas għall-enerġija. L-‘interconnector’ ma’ Sqallija suppost jagħmilha faċli għal Malta biex tibbenefika minn elettriku bi prezz kompetittiv iġġenerat minn fuq il-kontinent – minkejja li aktar studji tekniċi dwar l-aspett ekonomiku għad iridu jidhru – kif ukoll minn possibbiltà li nikkonsmaw elettriku li jkun iġġenerat minn sorsi differenti ta’ enerġija. Minkejja dan, xorta għandha ssir analiżi bir-reqqa biex niżguraw li jkollna provvista stabbli u ta’ min jorbot fuqha.
Ma rridux naħsbu li teknoloġija bħal ta’ Sargas tgħin lill-pajjiż jaħrab mill-obbligi tiegħu rigward l-enerġija rinnovabbli.
Lejn it-triq it-tajba
Alan Pulis fakkar li kienet proprju Malta li poġġiet il-fenomenu tal-klima fuq l-aġenda internazzjonali lura f’Diċembru, 1989, permezz ta’ riżoluzzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda. Minkejja ċ-ċokon tagħna bħala pajjiż, politikament konna kbar biżżejjed biex bdejna proċess li ftit tas-snin wara evolva fil-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima (1992), imbagħad il-Protokoll ta’ Kyoto fl-1997. Dawn iż-żewġ trattati internazzjonali ta’ importanza unika ħallew il-marka tagħhom anke fil-qafas legali tal-UE li s’issa għadha l-uniku blokk politiku kbir li qiegħda timplimenta sistema ta’ ‘carbon trading’ fuq skala kbira.
Sa ċertu punt Malta tgħix paradoss sħiħ fil-kuntest tat-tibdil tal-klima. Konna aħna li bdejna l-proċess li qed iħalli tant implikazzjonijiet fid-dinja, iżda min-naħa l-oħra ma tantx nistgħu ngħidu konna ta’ eżempju fit-tnaqqis tal-gassijiet serra mill-impjanti li għandna f’pajjiżna, partikolarment il-powerstation tal-Marsa u Dellimara – bejn l-1990 u l-2007 Malta rreġistrat żieda ta’ madwar 49% f’emissjonijiet ta’ gassijiet serra, wieħed mill-agħar rekords fl-UE sħiħa. Dan ma sarx b’kapriċċ iżda biex jissodisfa l-ħtieġa ta’ tkabbir soċjo-ekonomiku f’pajjiżna. Jibqa’ l-fatt li t-total ta’ emissjonjiet serra ġġenerart minn Malta huma insinifikanti mqabblin ma’ ta’ pajjiżi oħra u aħna għandna dritt niżviluppaw l-ekonomija tagħna wkoll.
Malta ħejjiet pjani dwar il-mitigazzjoni għall-emissjonijiet serra u l-adattazzjoni. L-isfida l-kbira hi li nimplimentaw dawn il-pjani. Ma jistgħux jibqgħu fuq il-karta.
Għal Pulis, il-pass li jmiss hu li ssir diskussjoni bejn il-partijiet kollha biex fil-qafas legali ta’ pajjiżna jkollna liġi nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima. Ladarba pajjiż m’għandux problemi jintrabat ma’ konvenzjonijiet internazzjonali bħal ta’ Kyoto u anke jidħol mal-pajjiżi msejħin ‘Annex I’ li għandhom ċerti obbligi onerużi aktar minn oħrajn, allura m’għandux ikollna problema biex nadottaw qafas legali nazzjonali dwar din il-kwistjoni hekk importanti. Jekk xejn, kull gvern minn issa ’l quddiem ikun marbut li jonora ċerti ‘benchmarks’ stabbiliti bil-quddiem bl-għan li vera jkun qed jadotta politika li taħdem favur kemm mitigazzjoni, kif ukoll addattazzjoni għat-tibdil klimatiku.
B’mod aktar ġenerali, bl-istess mod kif fl-1989 Malta kienet proprju hi li poġġiet it-tibdil klimatiku fuq l-aġenda internazzjonali, għandna nkunu aħna stess li nqajmu kuxjenza akbar fost il-pajjiżi influwenti l-kbar dwar il-vulnerabilità tagħna bħala stat gżira u bħalna bosta gżejjer oħra madwar id-dinja.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem Laburista Leo Brincat qal li biex nimxu fit-triq it-tajba jeħtieġ li jkollna dak li m’għandniex. Pjan nazzjonali tal-enerġija inġenerali – kemm dik ibbażata fuq ‘fossil fuels’ u anke fuq l-enerġija alternattiva. Għandu jkun hemm ukoll skadenzi bis-sati u ‘time frames’ ta’ meta u sa meta ċerti proġetti mistennijin li jitħaddmu ħalli nkunu nafu li l-miri tagħna ma jibqgħux ħaġa sabiħa fuq il-karta iżda jkunu jistgħu jiġu ‘benchmarked’ perjodikament kif jimxi min hu serju. F’pajjiżi oħra daħlet ukoll id-drawwa li fil-parlamenti kull sena jinqara u jiġi diskuss dak li jissejjaħ Energy Statement biex il-membri parlamentari jkollhom l-opportunità li f’seduti plenarji aktar milli jiddiskutu biss l-estimi tal-gvern ikunu jistgħu jiddiskutu anke l-andament tal-gvernijiet tagħhom fil-qasam tal-enerġija kollha kemm hi. Malta tagnt għadna fi stat tal-biki li meta ġiet diskussa l-Enemalta kull ma kien hemm quddiem il-membri parlamentari kienu biss l-estimi mingħajr il-karta bilanċjata tal-korporazzjoni jew ir-rapporti annwali tagħha kif is-soltu kien isir fl-imgħoddi.
Brincat qal ukoll li bħal f’oqsma oħra l-aktar li qed neħlu hu fl-implimentazzjoni tal-pjani tagħna dwar it-tibdil fil-klima. L-istess jista’ jingħad dwar il-pjan nazzjonali dwar l-mabjent li tfassal dan l-aħħar.
Fuq il-karta kollox jidher sabiħ u ftit li xejn hemm x’wieħed jikkritika. Iżda meta wieħed iqis li l-pjan dwar il-mitigazzjoni dwar il-klima ilu approvat mill-parlament minn Ottubru 2009 u għadna ma nafux fiex wasalna, flimkien mal-fatt l-ieħor li l-pjan dwar addattazzjoni dwar il-klima waqa’ b’lura b’aktar minn sentejn, u li għandna pjan dwar l-immaniġġjar tal-iskart li ma nafux fiex wasal, flimkien ma’ pjan nazzjonali dwar l-ambjent li m’għandux miri ċari u dati fissi stabbiliti juri li hemm ċans qawwi li sakemm tiġi l-elezzjoni ġenerali ħafna pjani ma jkunux irnexxew. Fosthom l-għeluq tal-powerstation tal-Marsa, l-‘interconnector’ ma’ Sqallija, is-Sikka l-Bajda bħala ‘wind farm’, il-‘gas pipline’ mal-Italja, il-konverżjoni tal-powerstation extension għall-gass u kull deċiżjoni oħra strateġik ta’ fejda. Il-gvern waqa’ lura wkoll dwar l-inċineratur mhux għax dan qed fuq l-aġenda tagħna iżda sempliċiment għax wara li kkommetta ruħu dwaru u ftaħar kemm hemm barranin interessati jinvestu fih, issa jrid jevita kontroversji ġodda lejliet elezzjoni ġenerali. Tant li filli ġie b’ħafna għaġġla dwaru u issa qed jgħid li tittieħed deċiżjoni sas-sena 2015… meta tkun diġà għaddiet l-elezzjoni nnifisha fiż-żgur!
No comments:
Post a Comment