Meta ssemmi l-isem Alcatraz, il-ħsieb mal-ewwel imur fuq post tal-waħx u li jnissel biża’. Bir-raġun. L-istorja li hemm imdawra ma’ dan il-ħabs u x-xnigħat li għadhom għaddejjin sal-lum li jidhru l-iħirsa tal-priġunieri, jagħmluh wieħed mill-aktar postijiet tal-biża’ li jeżistu.
L-istorja ta’ Alcatraz
L-istorja tmur lura għall-1775 meta l-esploraturi Spanjoli skoprew din il-gżira u tawha l-isem ta’ ‘La Isla de los Alcatraces’ li jfisser ‘Il-Gżira tal-Pellikani’. Aktar tard, dan l-isem tqassar għall-‘Gżira ta’ Alcatraz’ u llum il-ġurnata nafuha aktar bħala ‘The Rock’. Il-gżira tinsab madwar mil u nofs mill-bajja ta’ San Francisco, f’Kalifornja.
Fl-1847, il-qawwa militari Amerikana ħadet f’idejha din il-gżira. Kellha valur strateġiku qawwi, speċjalment fiż-żminijiet ta’ tensjoni bejn l-Amerika u l-Messiku. Sal-1853, bdiet tinbena fortizza u sa sena wara nbniet ‘lighthouse’ biex tiggwida l-vapuri li jkunu deħlin mill-Golden Gate.
Ftit snin wara, inbniet il-fortizza militari u fl-1859 kien hemm l-ewwel priġunieri militari f’Alcatraz. Sal-aħħar tal-gwerra ċivili, in-numru ta’ priġunieri f’Alcatraz kien ivarja minn 15 sa 50 priġunier. Dawn il-priġunieri kienu jitpoġġew fil-kantini u l-kundizzjonijiet ma kinux mis-sbieħ. Il-priġunieri kienu jorqdu ħdejn xulxin, rashom ma’ saqajn il-priġunier l-ieħor, fuq l-art tal-kantina. Ma kienx hemm ilma, la sħana u lanqas fejn jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom. Il-mard kien jinfirex minn persuna għall-oħra u l-ammont żejjed ta’ priġunieri kienet problema kbira. Ħafna drabi l-ħabsin kienu jkunu marbutin ma’ ktajjen li magħhom kien ikun hemm ballun tal-ħadid, kienu jingħataw ħobż u ilma biss biex jitrejqu u kienu jitpoġġew f’kaxxi żgħar tal-injam (sweatboxes) bħala kastig.
Wara li spiċċat il-gwerra, il-fortizza ma kienx hemm iżjed bżonnha. Minkejja dan, il-ħabs xorta baqa’ jintuża u fi ftit żmien żdied il-bini u anke n-numru ta’ ċelel. Dawk il-kapijiet Indjani u l-mexxej-ja tribali li ma ridux iċedu għall-poter tal-bojod kienu jitpoġġew f’Alcatraz. Kienu jaqsmu ħajjithom mal-agħar priġunieri militari u minn hemm il-gżira saret tilqa’ fiha l-agħar ħallelin, stupraturi u kriminali.
Fl-1898, il-gwerra bejn l-Amerikani u l-Ispanjoli tellgħet il-popolazzjoni ta’ Alcatraz minn mitt persuna għal iżjed minn 450. Iżda fl-1900, Alcatraz reġa’ sar ħabs militari. Ironikament, kien jaqdi wkoll lis-suldati li kienu jirritornaw mill-Filippini u minn Kuba b’mard tropikali.
Sal-1902, il-ħabs ta’ Alcatraz kellu popolazzjoni ta’ madwar 500 priġunier fis-sena, b’ħafna priġunieri jservu sentenzi ta’ sentejn jew inqas. Iżda minħabba li l-gżira kienet imdawra bil-baħar, il-bini tal-injam beda jinqered u għalhekk fl-1904 bdiet tiġi mmodernizzata din il-faċilità. Il-bini l-ġdid ħa diversi snin oħra biex inbena iżda sar tant b’saħħtu li lanqas iġġarraf bit-terremot tal-1906. Il-bini tlesta sal-1911 u minn hemm beda jżomm fih anke baħrin li kienu jinqabdu fuq bastimenti Ġermaniżi fl-Ewwel Gwerra Dinjija.
F’Alcatraz kien hemm regoli stretti u kastigi li kienu jvarjaw minn telf ta’ privileġġi għal għeluq f’ċelel ta’ iżolament, dieta ristretta, xogħol iebes u anke ballun tqil tal-ħadid u katina mal-għaksa.
Minkejja dawn ir-regoli, Alcatraz kien ħabs ta’ sigurtà minima. Il-priġunieri kienu jingħataw diversi xogħlijiet x’jagħmlu, dejjem jiddependi skont kemm kienu jkunu kkonsidrati responsabbli. Ħafna kienu jsajru u jnaddfu għall-familji tas-suldati li kienu jgħixu fuq il-gżira. Ħafna drabi, il-priġunieri kienu jkunu wkoll fdati biex jieħdu ħsieb it-tfal tal-uffiċjali. Minkejja n-nuqqas ta’ sigurtà xorta ħadd qatt ma rnexxie-lu jaħrab minn din il-gżira u jibqa’ ħaj. Uħud mietu fl-ibħra, filwaqt li oħrajn inqabdu u oħrajn anke nqatlu.
Fis-snin 20, Alcatraz beda jnaqqas mill-użu tiegħu. Ma kien għad fadal ħadd ħlief dak li kien jieħu ħsieb il-‘lighthouse’, xi uffiċjali tal-armata u xi ftit suldati.
Iżda l-istorja ta’ Alcatraz ħadet qalba kbira bejn is-snin 20 u s-snin 30. L-avukat ġe-nerali Homer Cummings kien jappoġġja lil J. Edgar Hoover u l-FBI li joħolqu ħabs li ħadd ma jkun jista’ jaħrab minnu u li jwassal il-biża’ fil-qlub tal-kriminali. Għażlu Alcatraz bħala l-ħabs ideali għall-iskopijiet li kellhom u fl-1933 saret ħabs uffiċjali tal-FBI. L-avukat ġenerali għażel lil James A. Johnston bħala l-ewwel gwardjan ta’ dan il-ħabs. Kellu sett ta’ regoli stretti u beda jagħżel l-aħjar gwardjani minn fost l-uffiċjali kollha li kien hemm.
Il-bini l-ġdid inbena fuq il-fortizza. Intużaw anke partijiet mill-ħabs l-antik iżda l-ħadid taċ-ċelel sar azzarjat. Inbnew torrijiet tal-kontroll madwar il-gżira u ċ-ċelel kienu attrezzati b’serraturi tal-elettriku. KIEN installat anke gass tad-dmugħ f’ċerti postijiet.
Minn hemm imbagħad bdew jintbagħtu l-agħar fost l-agħar tal-priġunieri, fost-hom Al Capone, Doc Barker, George “Machine Gun” Kelly, Robert “Birdman of Alcatraz” Stroud, Floyd Hamilton (is-sewwieq ta’ Bonnie u Clyde) u Alvin “Creepy” Karpis.
Kif kienu jaslu fuq il-gżira, il-ħabsin kienu jitwasslu l-ħabs b’vann żgħir. Hemm kienu jittieħdu fil-kantina u jingħataw il-bżonnijiet bażiċi u jingħataw ħasla ħafifa.
Al Capone f’Alcatraz
Al Capone ddaħħal f’Alcatraz f’Awwissu tal-1934. Mal-ewwel induna li għalkemm xi darba kien magħruf hawn ġew kien biss numru. Ipprova juri s-saħħa tiegħu peress li fil-ħabs ta’ Atlanta kellu ħafna privileġġi.
Il-gwardjan Johnston kellu ħabta li jiltaqa’ mal-priġunieri mal-wasla tagħhom. Meta wasal Al Capone hu nduna bih mal-ewwel iżda injorah u tah biss numru ta’ priġunier. Capone pprova kemm-il darba jikkonvinċi lil Johnston li kien jistħoqqlu trattament speċjali iżda kollha fallew. Fil-fatt, fl-aħħar kellu jammetti li Alcatraz kien rebaħ fuqu.
Ma kienx l-uniku wieħed għax dan il-ħabs ma kienx post ta’ riabilitazzjoni. Kien post ta’ kastig u nuqqas ta’ privileġġi. Dawk li rnexxielhom joħorġu minn hemm għamlu dan b’danni għas-saħħa mentali tagħhom.
Il-ħajja ta’ priġunier f’Alcatraz
F’Alcatraz ħadd ma seta’ jafda lil ħadd. Il-ħabsin kel-lhom biss ħames drittijiet: ikel, ħwejjeġ, ċella privata, ħasla fil-ġimgħa u d-dritt għal tabib.
Kull ċella kienet kbira erba’ piedi bi tmienja. Kien hemm sodda, ‘toilet’, mejda, siġġu u sink. Il-ġurnata tal-ħabsin kienet tibda fis-6.30am meta kienu jqumu u jingħataw 25 minuta biex inaddfu ċ-ċella. Imbagħad kienu jingħaddu. Fis-6.55am, kienu jinfetħu ċ-ċelel u l-priġunieri kienu jimmarċjaw f’ringiela biex imorru jieklu. Kienu jingħataw 20 minuta biex jieklu u mbagħad jimmarċjaw biex jingħataw ix-xogħol. Ir-rutina qatt ma kienet tvarja.
Il-kuridur prinċipali tal-ħabs kien imlaqqam “Broadway” u ċ-ċelel kienu kkonsidrati bħala l-agħar. Dawk l-aktar ’l isfel kienu kesħin u umdużi. Barra minn hekk, kellhom l-inqas privatezza peress li l-gwardjani, ħabsin u l-membri tal-istaff kienu dejjem ikunu għaddejjin minn dan il-kuridur.
Il-gwardjani ta’ Alcatraz kienu iebsin kważi daqs il-priġunieri nfushom. Kienu jkunu jafu l-ismijiet tal-ħabsin li kienu jkunu għassa magħhom u kienu jgħodduhom mat-12-il darba f’ġurnata.
Iċ-ċelel tal-kastig
Filwaqt li ċ-ċelel tal-priġu-nieri kien fihom l-inqas possibbli, dawn kienu qishom il-ġenna mqabblin maċ-ċelel tal-kastig.
Fosthom kien hemm ċelel tal-ħadid li ma kellhomx sink jew ‘toilet’. Kien hemm biss toqba fl-art li seta’ jintefa’ l-ilma fiha minn barra. Il-priġunieri kienu jitpoġġew f’din iċ-ċella għarwenin u kienu jingħataw biss ftit ikel. Iċ-ċella kienet tingħalaq b’bieb solidu tal-azzar u l-priġunier kien jitħalla fi dlam ċappa. Il-priġunieri kienu jitħallew f’din iċ-ċella bejn ġurnata jew tnejn. Kienet tkun kiesħa u nieqsa minn kollox, ħlief sodda tat-tiben li li l-gwardjani kienu jneħħu filgħodu.
Kien hemm ukoll tip ieħor ta’ ċelel fejn ukoll ma kienx hemm sodod u l-ħabsin kienu jingħataw biss ħobż u ilma. Mat-tielet jum f’din iċ-ċella mbagħad kienu jingħataw ikla normali. Din it-tip ta’ ċella wkoll kienet tingħalaq b’bieb tal-azzar iżda fin-nofs tagħha kien hemm bozza li tagħti dawl baxx. Il-ħabsin kienu anke jqattgħu 19-il ġurnata f’din iċ-ċella, kwieti u iżolati minn kulħadd. Dan kien ifisser tortura psikoloġika u kultant anke fiżika. Dan hekk kif ħafna drabi dawk li kienu jispiċċaw f’dawn iċ-ċelel kienu jissawtu mill-gwardjani. Ħafna drabi l-ħabsin li kienu jqattgħu żmien f’dawn iċ-ċelel kienu joħorġu minn hemm barra minn sensihom u morda bl-artrite jew ‘pnuemonia’. Uħud lanqas qatt reġgħu ħarġu ħajjin minn dawn iċ-ċelel.
Iżda kien hemm ċelel li kienu agħar minn dawn. Kien hemm taraġ li jagħti għal bieb kbir tal-azzar. Wara dan il-bieb kien hemm bħal katakombi li min kien jispiċċa fihom kien jispiċċa marbut bil-ktajjen mal-ħitan. Ma kellhomx ‘toilet’ iżda barmil li kien ikun żvojtjat darba f’ġimgħa. Kienu jingħataw żewġ tazzi ilma kuljum u biċċa ħobż kuljum. Mat-tielet jum li jagħmlu hemm imbagħad kienu jingħataw ikla normali. Il-priġunieri f’dawn iċ-ċelel kienu jkunu għarwenin, marbutin bil-ktajjen u bilwieqfa mis-sitta ta’ filgħodu sas-sitta ta’ filgħaxija. Bil-lejl kienu jingħataw kutra biex jorqdu fuqha. Fortunatament, dawn iċ-ċelel ma kinux jintużaw ħafna.
Kundizzjonijiet “tal-ġenn”
Fl-ewwel snin f’Alcatraz ħadd ma seta’ jitkellem ma’ priġunieri oħrajn. Lanqas ma setgħu jkantaw, isaffru jew igemgmu. Il-priġunieri kienu jitħallew jitkellmu biss għal tliet minuti waqt il-ħin ta’ rikreazzjoni filgħodu u wara nofsinhar fil-bitħa u għal sagħtejn fl-aħħar tal-ġimgħa. Ħadd ma seta’ jaqra rivisti li setgħu jagħtu informazzjoni ta’ dak li qed iseħħ fid-dinja.
Ħafna priġunieri li qattgħu żmien f’Alcatraz spiċċaw iġġennu. Fosthom anke Al Capone, li wara diversi ġlied li kellu u minħabba r-rutina fil-ħabs spiċċa ma riedx joħroġ iżjed fil-bitħa. Ingħaqad ma’ grupp mużikali fil-ħabs li kien magħmul minn erbgħa min-nies. Għalkemm ir-rigali ma kinux aċċettati f’Alcatraz, strumenti mużikali kienu jitħallew jingħataw lill-priġunieri u l-mara ta’ Al Capone kienet bagħtitlu ‘banjo’ ftit wara li kien arrestat.
Il-gwardjani rrapportaw kemm-il darba Capone kien jirrifjuta li jmur jiekol jew joħroġ għar-rikreazzjoni u kienu jsibuh spiss f’kantuniera fiċ-ċella tiegħu.
Iżda dan ma kien xejn fejn dak li għamlu priġunieri oħrajn li kienu magħluqin f’Alcatraz. Fl-1937 biss, 14-il priġunier iġġennu kompletament. Barra dawn, kien hemm bosta oħrajn li kienu juru sinjali li mhumiex stabbli. Għall-gwardjan Johnston, il-mard mentali kien biss skuża biex ma jaħdmux.
Iżda l-istejjer ta’ ċerti priġunieri jikkonfermaw li dawn, maż-żmien, vera kienu jiġġennu. Fost l-oħrajn hemm Rube Persful li kien jisraq il-banek. Darba fost l-oħrajn kien qed jaħdem f’wieħed mill-ħwienet tal-ħabs, qabad mannara, poġġa jdejh ix-xel-lugija fuq blokka tal-injam u waqt li beda jidħak beda jaqta’ subgħajh. Imbagħad poġġa idu l-oħra fuq il-blokka u beda jitlob lill-gwardjan għassa miegħu biex jaqtagħlu l-oħrajn ukoll. Persful ittieħed l-isptar iżda ma kienx iċċertifikat marid mentali.
Każ ieħor hu dak ta’ Joe Bowers li qata’ griżmejh b’lentijiet imkissrin ta’ nuċċali. Ingħata l-ewwel għajnuna u mbagħad tpoġġa fiċ-ċelel tal-kastig. Kif inħeles minn dawn iċ-ċelel ħarab minn fejn kien qed jaħdem u tela’ ma’ ċint tal-ħadid hekk kif kien jaf li l-gwardjani kienu se jisparawlu. Sparawlu u waqa’ għoli ta’ 75 pied.
Magħhom kien hemm ukoll Ed Wutke, li kien baħri u ntbagħat Alcatraz fuq akkużi ta’ qtil. Dan irnexxielu jaqta’ vina prinċipali ta’ għonqu b’xafra ta’ temprina. Ma’ dawn kien hemm diversi każi oħra fejn priġunieri pprovaw itemmu ħajjithom biex jeħilsu mill-ħruxija ta’ Alcatraz.
Ħarbiet minn Alcatraz
Matul id-29 sena kemm dam jaħdem Alcatraz kien hemm 14-il darba li priġunieri pprovaw jaħarbu. Kien hemm biss priġunier wieħed li rnex-xielu jasal fil-gżira prinċipali, John Paul Scott. Dan inqabad hekk kif instab jistkenn qalb il-blat tas-sisien tal-Golden Gate.
Fost dawn it-tentattivi hemm tnejn li jibqgħu jissemmew fl-istorja. F’Mejju tal-1946, sitt priġunieri rnexxielhom jiksbu ċ-ċwievet tal-ħabs u ħadu f’idejhom numru ta’ ċelel. Iżda l-pjan falla għax il-gwardjan Bill Miller kien nesa jirritorna ċavetta kif kellu jagħmel skont ir-regoli tal-ħabs. Dan tellef milli l-ħabsin jirnexxilhom jaħarbu.
Minkejja dan, il-priġunie-ri Bernard Coy, Joe Cret-zer, Marvin Hubbard, Sam Shockley, Miran Thompson u Clarence Carnes ma qatgħux qalbhom. Żammew numru ta’ gwardjani bħala ostaġġi u sa ma spiċċa t-tentattiv tagħhom tlieta minnhom kienu mejtin, filwaqt li oħrajn sfaw midrubin.
Inħoloq paniku sħiħ hekk kif il-gwardjan Johnston ma kienx jaf kemm hemm ħabsin involuti f’din il-ġlieda u beda jibża’ li s-sigurtà ta’ San Francisco kienet mhedda. Talab l-għajnuna lill-qawwa marittima, lill-gwardjani tal-kosta u anke lill-‘marines’. Sakemm intemmet din il-“gwerra” kien hemm ‘destroyers’ tal-qawwa marittima, żewġ ajruplani tal-qawwa tal-ajru, membri tal-gwardjani tal-kosta, grupp ta’ ‘marines’, uffiċjali tal-armata, pulizija u gwardjani minn Leavenworth u San Quentin. Il-ġlied dam sejjer jumejn u tliet priġunieri tilfu ħajjithom. It-tlett irġiel l-oħrajn irritornaw fiċ-ċelel tagħhom hekk kif bdew jittamaw li forsi ma jagħrfuhomx. Minkejja dan ma kienx il-każ u tnejn minnhom ingħataw il-piena tal-mewt f’San Quentin. Din baqgħet magħrufa bħala l-Battalja ta’ Alcatraz.
Ħarba oħra kienet dik ta’ Frank Morris u l-aħwa Anglin. Fl-1962, il-priġunier Allen West għen lil dawn it-tlieta biex jibnu ċattra u wċuħ foloz biex il-gwardjani jaħsbuhom qegħdin fiċ-ċella waqt il-ħarba tagħhom. Il-pjan ħa diversi xhur fejn il-priġunieri kienu jħaffru fiċ-ċelel tagħhom fil-kanal tal-ventilazzjoni. Ħadmu wkoll iċ-ċattra, l-uċuħ foloz u anke ‘life vests’. Ħolqu wkoll ħitan foloz biex jgħattu fejn kienu qegħdin iħaffru.
Fil-11 ta’ Ġunju, 1962, eżatt mal-għadd tal-priġunieri, Morris u l-aħwa Anglin bdew il-ħarba tagħhom mill-ventijiet tal-arja u baqgħu telgħin sal-wiċċ tal-bini. Minn hemm telgħu ma’ ċint tal-ħadid u waslu fuq ix-xatt. Hemm nefħu ċ-ċattra u l-ilbies protettiv u telqu fl-ibħra. Qatt ma nstabu u ħadd ma jaf jekk irnexxilhomx jaslu fil-gżira prinċipali.
L-għeluq ta’ Alcatraz
L-ibħra ta’ madwar din il-gżira bdew jagħmlu l-ħsara lill-bini ta’ dan il-ħabs. Kif ukoll it-tnaqqis bil-baġit, naqqsu s-sigurtà f’dan il-ħabs. Biex jitmexxa Alcatraz kien jitlob wisq flus u n-nefqa ta’ iżjed minn $5 miljun biex jitranġa wasslet biex l-avukat ġenerali Robert Kennedy qal li m’hemmx bżonn aktar ta’ Alcatraz.
Fit-23 ta’ Marzu, 1963, Alcatraz għalaq għal kollox. Il-gżira sfat abbandunata hekk kif diversi gruppi xtaqu li joħduha.
Aktar tard, kien hemm nirien kbar li għamlu ħsara kbira fil-bini. Fl-1972, il-Kungress Amerikan ħoloq il-Golden Gate Recreation Area u l-gżira ta’ Alcatraz waqgħet taħt il-ħarsien tan-National Park Service. Fl-1973 infetħet għall-pubbliku u llum hija waħda mis-siti l-aktar popolari fl-Amerika.
Iħirsa f’Alcatraz
Din il-gżira tiġbed ammonti kbar ta’ turisti li jmorru jaraw il-kundizzjonijiet li kienu jgħixu fihom il-priġunieri meta Alcatraz kien għadu ħabs. Kull min imur fuq il-gżira jsegwi l-istess triq li kienu jsegwu l-priġunieri meta kienu jaslu hemm. Jgħaddu mill-uffiċċju tal-gwardjan u l-kamra tal-viżitaturi, biex imbagħad jaslu fil-kamra taċ-ċelel.
Iżda skont ma jirrakkontaw diversi nies u gwardjani li jkunu għassa ma’ dan il-post matul il-lejl l-attività tinbidel f’waħda ferm differenti. Uħud jgħidu li semgħu ħsejjes u oħrajn jgħidu li semgħu nies jiġru. Iżda meta investigaw qatt ma sabu xejn. Oħrajn jgħidu li ġieli semgħu twerżiq ġej mill-katakombi iżda qatt ma rrapportaw minħabba li kien hemm min ġieli rrapporta u kien hemm min ipprova jirredikolah.
Diversi gwidi esprimew ukoll sens ta’ dwejjaq meta daħlu f’ċella tal-kastig partikolari, il-14D. Iħossuha kiesħa iżjed mill-oħrajn u anke meta tkun is-sħana hemm ġew xorta tagħmel il-kesħa. Mhumiex biss il-gwidi li jirrakkontaw dan. Eks-gwardjani wkoll jirrakkontaw li ġrawlhom affarijiet strambi f’dik iċ-ċella partikolari.
Jingħad li ħabsi kien ingħalaq f’din iċ-ċella u fi ftit sekondi beda jwerżaq. Skont l-uffiċjal, il-ħabsi qal li ra kreatura b’għajnejha jixegħlu li kienet magħluqa miegħu. Il-gwardjani m’emmnuhx u reġgħu għalquh. It-twerżiq kompla sakemm f’daqqa waħda waqaf għal kollox. L-għada, il-gwardjani sabu lill-ħabsi mejjet. Kellu espressjoni kerha fuq wiċċu u kien hemm marki ta’ jdejn madwar għonqu. L-awtopsja żvelat li kien fgat iżda li hu ma fagax lilu nnifsu. Uħud jaħsbu li seta’ kien fgat minn xi gwardjan li kien xeba’ jisimgħu jwerżaq, iżda ħadd qatt ma ammetta dan.
Iżda hemm ukoll min jaħseb li kienu affarijiet oħra li qatlu lil dan il-ħabsi. Jaħsbu li seta’ kien l-ispirtu ta’ xi priġunier qablu. Biex tkompli żżid mal-misteru, l-għada tat-traġedja l-gwardjani kienu qegħdin jgħoddu l-priġunieri hekk kif innotaw li kien hemm wisq irġiel fil-linja. Fl-aħħar tal-linja raw wiċċ il-ħabsi li kien għadu kemm kien fgat. Kif kollha baqgħu jħarsu ċċassati fis-silenzju, il-figura tiegħu sparixxiet.
Anke l-gwardjan Johnston li ma kienx jemmen fl-ispirti darba sema’ ħoss ta’ persuna tolfoq hekk kif kien qed idawwar lil xi persuni mal-ħabs. Jaħlef li l-ħsejjes ġew mill-katakombi. Bħalu hemm bosta oħrajn li qattgħu ħin gwardjani tal-post u jgħidu li ġraw affarijiet strambi.
No comments:
Post a Comment