Sunday, February 19, 2012

L-ACTA se toħdilna ħafna aktar



Ħafna drabi meta nħarsu lejn il-kwistjoni tal-ACTA (Anti-Counterfeit Trade Agreement) nillimitaw lilna nfusna biex naraw l-ikkupjar ta’ diski jew vidjos b’mod illegali. Fil-verità, l-istampa hi ferm aktar kbira, b’tali mod li ħafna affarijiet f’ħajjitna jistgħu jkunu affettwati, jekk dan it-trattat ikollu jidħol fis-seħħ.
Jekk nieħdu eżempju mill-aktar bażiku ta’ pjanta dekorattiva li tista’ tinxtara minn diversi mixtliet madwar pajjiżna naraw, li dawn il-biċċa l-kbira tagħhom ikunu prodotti f’laboratorji. Jinbdew f’laboratorji biex jinħolqu varjetajiet billi jsirulhom modifiki jew bidliet b’metodi oħrajn. Dawn il-pjanti awtomatikament ikollhom “patent” li turi li huma proprjetà ta’ min ħoloq din il-varjetà.
Bl-ACTA, jekk ikollok tagħti biċċa minn din il-pjanta lil xi ħadd, fl-aktar mod estrem tkun qed tikser il-liġi, kemm int li tagħti biċċa minnha kif ukoll min joħodha. Fil-verità, din hi ħaġa li kważi jagħmilha kulħadd. Meta pjanta tikber u tibda ttella’ ż-żgħar minn taħt, tant li ma jkunux jistgħu joqogħdu fil-qasrija, ikollok taqsamha. Imma l-problema hi li int xtrajt qasrija waħda u mhux tnejn. Allura x’tagħmel bl-oħra, tarmiha? Jekk tħawwilha tkun qed tisker il-liġi?
Eżempju ieħor huma s-siġar. Eżempju, siġra tal-ħawħ, li hawn minnhom li huma modifikati fil-laboratorji. Il-bidwi jista’ jlaqqam minn dik is-siġra l-oriġinali? U l-kwistjoni tkompli tikber sakemm naslu għall-kwistjoni taż-żrieragħ. B’dan il-mod, l-ebda bidwi m’għandu dritt iżomm iż-żrieragħ tiegħu.
Jekk eżempju tixtri ftit żer-riegħa tal-qarabagħli, din ħafna drabi tkun ġenetikament modifikata biex tirreżisti l-mard. Kieku ma jkollhiex dan it-tibdil, il-pjanta tkun esposta għal ħafna mard u l-bidwi jkollu juża aktar pestiċidji. Għalhekk din iż-żerriegħa tipproduċi dak li hemm bżonn biex tħalliha tikber f’saħħitha. Jibqa’ l-fatt li din hi maħduma f’laboratorju allura jekk il-bidwi jkollu bżonn kwantità minnha din se tiswieh ammont sostanzjali ta’ flus biex jixtri ż-żerriegħa tagħha.
Fil-każ tal-patata, il-bdiewa żergħu l-patata bejn Jannar u Frar biex tinqala’ bejn tlieta jew erba’ xhur wara, jiġifieri bejn April u Ġunju. Wara li jaqilgħu l-ewwel patata dawn iwarrbu dik li tkun irqiqa biex jerġgħu jiżirgħuha f’Settembru li ġej ħalli jaqilgħuha għall-ħabta tal-Milied. Iżda issa x’se jagħmlu bit-tieni żriegħ? Peress li din tkun ġiet mil-laboratorji l-proprjetarju tagħha mhux il-bidwi.

Żrieragħ modifikati fid-dieta tagħna

Tul dawn l-aħħar xhur għaddejja kwistjoni dwar il-qmuħ u diversi prodotti oħra li għandhom x’jaqsmu ma’ żrieragħ. Dawn huma kkontrollati minn madwar għaxar kumpaniji ewlenin li huma marbutin mal-produzzjoni tal-ikel. Ħafna mill-prodotti agrikoli li nieklu ġejjin minn dawn iż-żrieragħ li huma modifikati, uħud biex igerrxu l-insetti minn madwarhom, oħrajn biex ma jħallux ħaxix ieħor jikber madwarhom.
Il-problema hi li ħafna minn dawn iż-żrieragħ jintużaw bħala ikel għall-annimali u indirettament jispiċċaw fid-dieta tagħna wkoll. Jekk baqra tiekol għalf prodott minn dawn iż-żrieragħ u aħna nixorbu l-ħalib tagħha jew nieklu laħamha allura aħna nkunu qegħdin nikkonsmaw dawn il-veleni wkoll.
Dan hu dak li qiegħda tipproteġi l-ACTA. Għalkemm fihom infushom dawn il-prodotti mhumiex sbieħ, dawn qed jkunu protetti biex jkunu prodotti mill-bdiewa.
Għaliex qegħdin ngħidu dan? Kemm-il darba bidwi jkun irid jiżra’ għalqa b’żer-riegħa li ma tkunx modifikata, ma nistgħux ngħidu li dan mhux possibbli biss f’livell ħafna inqas ta’ kompetittività. Għaldaqstant bħala bidwi jaqbillu jagħżel żerriegħa modifikata għax ekonomikament jaqbillu.
Dan fid-dawl tal-ACTA qed jingħad peress li minn din iż-żerriegħa ma tistax terġa’ tnissel ħalli tipproduċi wiċċ ieħor, kemm-il darba ma jkunx hemm il-kunsens tal-proprjetarju intellettwali taż-żerriegħa.
Dan ifisser li trid terġa’ tixtri ż-żerriegħa mingħand il-kumpaniji li jbigħu ż-żrieragħ u flimkien magħhom anke l-pestiċidji li jipproduċu huma stess. Indirettament, grazzi għall-ACTA, il-kumpaniji l-kbar mhux vera se jeqirdu l-ġuħ fid-dinja u fl-aktar pajjiżi foqra. Għalkemm dawn il-kumpaniji jgħidu li bl-organiżmi modifikati (GMOs) se jgħinu lill-pajjiżi tat-Tielet Dinja, fil-verità aktar se jagħ-mlulhom deni. Jekk il-pajjiżi foqra se jkollhom jixtru ż-żerriegħa mill-ġdid u ma jitħallewx jipproduċu tagħhom allura dawn se jbatu. Jekk dawn m’għandhomx flus biex jieklu, aħseb u ara kemm se jkollhom flus biex jixtru ż-żrieragħ kull darba.

Il-GMOs kemm-il darba kienu assoċjati ma’ mard

Minkejja li dawn il- GMOs kemm-il darba kienu assoċjati ma’ mard bħall-kanċer (fost-hom fl-Istati Uniti fejn ir-rata tal-kanċer mill-1996 sal-lum żdiedet b’erba’ darbiet u fejn 97% tal-kanċer tas-sider hemm indikazzjonojiet li huwa kkawżat mill-GMOs), jidher li l-ACTA se tkun qiegħda tipproteġihom.
Fl-Ewropa, il-livell ta’ modifikazzjoni tal-prodotti li hu permess hu wieħed baxx u forsi dan inaqqas xi ftit ir-riskji ta’ mard, avolja ma nistgħux inwarbu minn quddiem għajnejna mard bħal tal-baqra l-miġnuna, li kexkex lil kull wieħed u waħda minna.

Kwistjoni fil-moħbi

L-ACTA mhix se titkellem biss dwar ikkopjar ta’ vidjos jew diski. Indirettament se tgħin kumpaniji kbar biex jikkontrollaw dak li se jiekol kulħadd. Il-problema hi li dan kollu sar bil-moħbi ta’ kul-ħadd u sirna nafu biss dwarha fl-2008 grazzi għal Wikileaks. Ħadd ma kien jaf biha qabel ħlief numru ta’ kumpaniji li nvestew jew aħjar xaħħmu minn taħt biex dan it-trattat jimxi ’l quddiem.
Ftit tas-snin ilu kien sar tentattiv biex il-Gvern Amerikan jintroduċi żewġ liġijiet; il-PIPA u s-SOPA iżda b’xi mod l-Amerikani rnexxielhom jirreżistuhom. Dan ma waqqafx lill-Istati Uniti mill-pjani tagħhom. Infatti baqa’ għaddej jaħdem fuq it-trattat tal-ACTA li fih innifsu huwa ferm aktar feroċi u kien imtaffi xi ftit minħabba li l-Ewropa bdiet timmolla.
Minn meta dan it-trattat kien iffirmat sal-lum, diġà sab erba’ skossi. Il-Prim Ministru Ċek qal li ma jafx għaliex iffirmawh, is-Slovakkja bdiet timmolla wkoll dwar dan it-trattat, il-Polonja rtirat u qalet li jridu janalizzawha sew u l-agħar fosthom kienet is-Slovenja fejn l-ambaxxatriċi li ffirmat il-ftehim, tlett ijiem wara ħarġet stqarrija fejn talbet maħfra lil uliedha, lil dawk li jafuha u lill-poplu Sloven talli ffirmat dan it-trattat.

Protezzjoni minn xiex?

Fil-kuntest lokali, il-gvern Malti ħareġ stqarrija fejn qal li se jipproteġi lill-Maltin. Dan ifisser fih innifsu li m’aħniex protetti, għax li kieku tkun protett ma jkollokx għalxiex tagħmel liġijiet oħrajn biex jipproteġuk. Mela allura mhux vera li mhu se jinbidel xejn kif kien qal bil-bidu Simon Busuttil. Dan kien ħareġ jgħid li kollox se jibqa’ kif inhu. Allura għaliex il-Prim Minstru ħass il-bżonn li jgħid lin-nies li qabbad lin-nies tal-liġi biex ifasslu liġijiet li jipproteġu lill-poplu Malti.
Dan ifisser li l-implikazzjonijiet negattivi huma reali għax kieku mhu se jkollha l-ebda effett ma toħloqx liġi oħra. Barra minn hekk, din il-liġi li l-gvern qiegħed jgħid li jrid jagħmel se tiswa xi ħaġa jew le?
Ma ninsewx li meta għandek trattat internazzjonali li jkun għadda u kien iffirmat mill-Unjoni Ewropea, dan irid ikun ratifikat mill-Parlament Malti. Anke jekk il-Parlament ma jirratifikahx, peress li legalment ma nistgħux inkunu obbligati, xorta jkun hemm promozzjonijiet tiegħu li jaħdmu kontrina xorta waħda. Għalhekk hemm bżonn li l-ACTA titwaqqaf għal kollox mill-punt tat-tluq tagħha, fi kliem ieħor din għandha titwaqqaf mill-Ewropa kollha. Dak irid ikun il-qofol li l-Ewropa kollha tirtira dan it-trattat mill-aktar fis possibbli. Fil-fatt, qed ikun issuġġerit fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex it-trattativi jerġgħu jibdew mill-ġdid u l-proċess kollu jsir b’mod mill-aktar trasparenti, fejn mhux il-kumpaniji privati jagħmlu trattat huma u jiġu ’l fuq mill-gvernijiet tal-pajjiżi.

Tonoi Fenech ikompli jgħid li hu trattat tajjeb

Minkejja dak kollu li qed iseħħ madwarna, il-Ministru Tonio Fenech iħoss li l-prinċipju tat-trattat mhux ħażin u lanqas diskutibbli. Dan qalu waqt laqgħa tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u tal-Ewropa fil-Parlament nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar.
Il-Ministru kkonferma li din il-kwistjoni qatt ma kienet diskussa fil-core group tal-Meusac, iżda kienet biss iċċirkulata mal-membri mingħajr diskussjoni fl-ogħla livell ta’ dan il-grupp. Ikkonferma wkoll li l-gvern qatt ma ħabbar, permezz tad-DOI, li kien iffirma t-trattat.
Il-gvern hu kommess li jingħaqad mal-komunità internazzjonali fil-ġlieda kontra l-piraterija. Dan it-trattat ivarja minn dawk purament kummerċjali ta’ kummerċ normali. L-istati membri għandhom proċeduri kriminali li jvarjaw u għalhekk apparti l-approvazzjoni tal-UE, hemm bżonn l-unanimità tal-istati membri nfushom. Jekk ma jkunx hemm kunsens fl-UE, dan it-trattat jista’ wkoll jeħel jew jaqa’.
Intant, il-proċess li għaddej bħalissa fil-kumitat tal-affa-rijiet barranin hu wieħed ta’ diskussjoni u mhux ta’ ratifika. Il-gvern Malti se jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu biss wara li jittieħed il-vot fil-Parlament Ewropew, jekk u meta jittieħed.
Il-Ministru Fenech jemmen li għadna fiż-żmien biex nagħ-mlu analiżi teknika u nuru t-tħassib tagħna dwar ċerti aspetti. Qal ukoll li m’aħniex obbligati li nirratifikaw.
It-TORĊA tkellmet mal-kelliem Laburista Leo Brincat li fisser li minkejja li staqsa lill-Ministru jekk hux se jkun hemm tibdiliet fil-leġiżlazzjoni lokali u jekk dan kienx stabbilit qabel ma kien iffirmat it-trattat, il-Ministru ma ta l-ebda assigurazzjoni kategorika, għalkemm tah x’jifhem li kull pajjiż jista’ japplika l-liġijiet tiegħu. Skont il-Ministru l-kelma “may” flok “shall” tħalli fid-diskrezzjoni tal-istati membri kif jinterpretaw il-liġi u t-trattat.
Brincat talab ukoll biex jitpoġġew fuq il-mejda r-rapporti li permezz tagħhom id-Data Protection Commissioner kien kkonsultat qabel il-gvern iffirma. Skont il-Ministru, dan kien ikkonsultat wara li kien ffirmat il-ftehim. Qal ukoll li kien ikkonsulta l-MCA u lill-Avukat Ġenerali, iżda ma poġġiex rapporti fuq il-mejda.
Il-ministru ma ġab l-ebda argument biex jirribatti l-akkuża li ftehim bħal dan qatt ma kellu jkun iffirmat, għax tal-apposta ħarab milli jinvolvi (anzi għamel kollox minn wara dahar) organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-WTO, OECD, u l-WIPO (World Intellectual Property Organisation). Minflok uffiċjal tal-ministeru qal li l-WTO kienet evitata għax pe-ress li fiha ħafna membri mhux faċli li jintlaħaq ftehim.
Leo Brincat staqsa wkoll jekk jistgħux isiru emendi għal dan it-trattat. Fil-prinċipju ma jistgħux, iżda l-Ministru qal li jistgħu jsiru biss wara li jiġi mblokkat u rrifjutat, bħal fil-każ tal-Irlanda dwar il-Kostituzzjoni Ewropea.
mfarrugia@unionprint.com.mt

No comments:

Post a Comment