
Ħafna drabi din qiegħda tkun spejgata li għandha tkun “abbastanza”, li l-unika definizzjoni tagħha hi marbuta mal-liġi Amerikana fejn tista’ tuża madwar 800 kelma meta tkun qed tikkwota minn ktieb. Il-bqija m’għandna l-ebda definizzjoni ċara ta’ kemm tista’ tikkwota minn ktieb, minn xi silta ta’ proża jew anke minn poeżija.
Id-diffikultà toħroġ l-aktar meta tkun qed tagħmel kritika ta’ poeżija. Għandek dritt tirriproduċiha kollha l-poeżija meta tistampaha? X’se jiġri jekk tistampaha kollha? B’dan il-mod tkun qed tikser id-drittijiet tal-awtur?
Permezz tal-ACTA l-awtur għandu d-drittijiet tiegħu u dan it-trattat jisħaq li jekk tikkwota xi silta trid titlob il-permess tal-awtur. Iżda m’hemmx indikazzjonijiet ċari ta’ kemm tista’ tikkwota. Hemm diversi poeżiji li huma qosra ħafna biex tislet biċċiet minnhom. Kif tista’ ssir analiżi jew kritika tagħhom? U jekk l-awtur ma jaċċettax u ma jagħtikx permess?
Barra minn hekk, dan japplika għal dak kollu li għandu d-drittijiet tal-awtur, jiġifieri mhux biss letteratura iżda dak kollu li kien ivvintat. Minbarra l-kontenut, int marbut ukoll li ma tistax tieħu l-idea. Jekk persuna titkellem ma’ oħra dwar idea li jkollha, anke jekk ma tkunx żviluppatha, ħadd ma jkun jista’ jiżviluppaha madwar id-dinja jekk mhux bil-permess ta’ min ikun ħareġ bl-idea.
B’dan il-mod se nkunu qegħdin nippromwovu l-monopolji. Dan ifisser li minn dinja li filli kienet tippromwovi tant il-kapitaliżmu u tfaħħar suq ħieles u kompetittiv, issa se nkunu qegħdin nipproteġu l-monopolji u nagħtuhom is-saħħa.
Tapplika wkoll fil-mediċini
Bl-istess mod, l-ACTA trid “tipproteġi” lin-nies mill-mediċini ġeneriċi li jfejqu daqs il-mediċini oriġinali u li huma ferm irħas minnhom. Iżda bl-ebda mod mhi se tipproteġi lin-nies minn dawk il-mediċini li jkunu foloz. Pjuttost se tkun qiegħda tiftaħ is-suq għalihom.
Hemm tliet tipi ta’ mediċini. Għandek l-oriġinali, dawk ġeneriċi u l-oħrajn li huma bla prinċipju attiv (fakes). F’pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw jintużaw ħafna l-mediċini ġeneriċi. Dawn ikunu mediċini oriġinali li jkunu għaddew għaxar snin minn fuqhom u għalhekk il-patent tkun spiċċatilhom. Għaldaqstant, dawn jistgħu jkunu mmanifatturati minn kumpaniji oħrajn u għalhekk jinbiegħu bi prezzijiet ferm irħas (f’ċerti każi anke kwart tal-prezz).
Filwaqt li hu dritt tal-bnie-dem li juża l-mezzi possibbli biex ifejjaq lilu nnifsu mill-mard, permezz tal-ACTA l-mediċini ġeneriċi se jieħdu daqqa kbira ’l isfel. Fl-istess ħin, l-ACTA mhi qiegħda tagħmel xejn kontra l-mediċini l-foloz għax dawn bl-ebda mod m’huma kopji ta’ xi tip ta’ mediċina oħra. Ħafna drabi dawn kulma jkunu zokkor ippressat u min jixtri minnhom ma jkun hemm xejn x’jindika li huma foloz.
Il-prezz tal-mediċini ġeneriċi hu wieħed ferm irħas minn dak tal-oriġinali. Fil-fatt, illum il-ġurnata ħafna nies anke jixtru din il-mediċina minn fuq l-internet u sakemm tasal għandek bil-posta b’kollox xorta tkun irħas mill-oriġinali. Ovvjament, il-mediċina li tasal fl-ispiżeriji tgħaddi minn ħafna proċessi fejn kulħadd irid jagħmel il-qligħ u allura l-prezz jogħla.
Il-ħajja tal-pajjiżi foqra
Il-mediċini ġeneriċi jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta’ bniedem li għandu bżonn jużahom kuljum. Huma wkoll il-ħajja tal-pajjiżi fejn hemm ħafna nies li qegħdin imutu bil-ġuħ. M’hemm ebda mod li dawn in-nies jirnexxilhom jixtru l-mediċini jekk il-prezzijiet ikunu għoljin.
B’konsegwenza ta’ dan ikollok mard gravi li jittieħed u tinħoloq epidemija indirettament. Dan fl-aħħar mill-aħħar jispiċċa jdur kontra kulħadd.
L-istess bħal fil-każ tal-AIDS. Li kieku din kienet ikkontrollata fl-istadju tal-bidu ma kinitx tibqa’ tinfirex. Iżda flus ma kienx hemm u spiċċat splodiet bil-kbir fil-pajjiżi l-foqra. Minn hemm imbagħad baqgħet tinfirex ma’ kullimkien. Dan kollu għax ma sarx investiment f’dawn il-pajjiżi fejn żviluppat biex tkun ikkontrollata l-problema. Problemi bħal dawn iridu jkunu kkontrollati mill-bidu għax inkella l-mard jibda jikber b’mod li ħadd ma jkun jista’ jikkontrollah.
F’pajjiżi tant foqra, in-nies ma jistgħux iħallsu għal medi-ċini li jkollhom prezzijiet daqstant għoljin. Jekk nieħdu eżempju bil-mediċina għal dawk morda bil-kanċer, din tiswa ħafna flus u tkun diffiċli għal persuna biex iħallas dawn il-flus. X’suppost għandhom jagħmlu dawn in-nies? Iħallu lil qrabathom imutu u ma jgħinuhomx? Ikun hemm min jisraq biex forsi jġib dawn il-flus. Hu att ħażin imma indirettament il-ħtija tkun tal-Istat li ġabu f’dak il-punt li jkollu jisraq.
Jekk nerġgħu nħarsu fil-kuntest tal-istudent u ta’ min ikollu bżonn jikkwota mill-kotba naraw li s-sitwazzjoni hi l-istess. L-istudent għandu bżonn jagħmel kopji minn kotba għax m’għandux biżżejjed riżorsi biex jixtri kull ktieb li jista’ jkollu bżonn. Imma għandhom dritt jagħmlu kopji jekk il-kotba għandhom id-dritt tal-awtur? Jekk student issellef ktieb minn librerija hu għandu biss id-dritt li jissellfu għax il-librerija dak id-dritt biss tkun xtrat mingħand l-awtur. X’jiġri jekk librerija jkollha ktieb wieħed biss u jkun hemm diversi studenti li għandhom bżonn jagħmlu użu minnu. Jekk se joqogħdu jistennew li kull wieħed ilesti minnu, allura qatt m’huma se jaslu. Barra minn hekk, jekk tistenna li jispiċċa d-dritt tal-awtur allura se jkun għadda ħafna żmien minn fuq il-ktieb u fid-dinja tal-lum ma jibqax rilevanti.
Bosta mistoqsijiet
Il-mistoqsija tiġi waħedha, dwar min se jiċċarahom dawn l-affarijiet? Min jagħmel kopja ta’ ktieb se jikser il-liġi? L-għalliema u l-istudenti se jispiċċaw kriminali għax jagħmlu kopja minn fuq ktieb? X’se jiġri minn ideat li jkollhom l-istess kunċett? Se narmuhom?
B’dan il-mod se nkunu qegħdin nillimitaw lin-nies milli jiżviluppaw l-ideat tagħhom. Se noqtlu l-kreattività kollha.
Fil-ħajja m’hawn xejn li hu oriġinali u kollox hu mibni fuq xi ħaġa li kien hemm qabilha. Kull darba nibnu fuq xi ħaġa oħra li kien hemm u li niżviluppaw fuqha. B’dan il-mod se jkun ikkontrollat kollox u se jinqatlu l-ħsieb, l-inizjattiva u l-kreattività.
L-ACTA fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja
Intant, l-Unjoni Ewropea matul din il-ġimgħa ssospendiet ir-ratifikazzjoni tal-ACTA u rreferiet it-trattat lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex tinvestiga dwar possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet nhar l-Erbgħa li tistaqsi parir legali mingħand il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex tiċċara li l-ACTA u l-implimentazzjoni tagħha jkunu kompletament kompatibbli mad-dritt tal-espressjoni u d-dritt tal-internet.
Il-Kummissarju Ewropew tal-Kummerċ, Karl De Guch qal li d-dibattitu tal-ACTA jrid ikun ibbażat fuq fatti u mhux fuq il-miżinformazzjoni u l-għajdut li ddomina l-midja u l-blogs. L-Unjoni Ewropea mhix se tirratifika dan it-trattat internazzjonali qabel mal-qorti tagħti d-deċiżjoni tagħha.
Il-fatt li kien hemm mal-200 belt fl-Ewropa li pprotestaw kontra l-ACTA ġiegħlet biex pajjiżi bħall-Ġermanja, id-Danimarka u l-Olanda żammew lura minnha. Hemm ħafna tħassib kemm fil-fatt se tagħmel ġid u x’ġid tista’ qatt toffri.
Il-Parlament Ewropew mistenni li jiddiskuti l-ACTA f’Ġunju. L-uffiċjali Ewropej qegħdin jgħidu li l-ftehim mhu se jbiddel xejn iżda l-Unjoni Ewropea trid tirratifikah biex tagħti l-eżempju lil pajjiżi oħrajn.
mfarrugia@unionprint.com.mt