
Ma kienx wieħed mill-aktar vapuri rfinuti u lanqas wieħed li kellu l-aqwa teknoloġija avvanzata għal dak iż-żmien. Il-kobor, li ħafna drabi kien meqjus bħala xi ħaġa aħjar, kienet l-unika ħaġa li kellu speċjali.
It-Titanic kien vapur tal-linja White Star u kien ikkonsidrat bħala l-aqwa kisba li rnexxielha tagħmel din il-kumpanija. Kien joffri kumditajiet u lussu li l-ebda vapur tal-passiġġieri ieħor ma kellu. Barra minn hekk, kien vapur li kien ikkonsidrat li joffri ċerta sigurtà hekk kif kellu 16-il kompartament li kienu ssiġillati mill-ilma u anke maħdum b’qafas doppju.
Dan kollu ġiegħel lil kulħadd biex jibqa’ ċċassat meta seħħet it-traġedja għax ħadd qatt ma ħaseb li dan il-vapur seta’ jegħreq.
Il-kompetituri tat-Titanic
Dan il-vapur, flimkien mal-vapur Olympic tal-istess kumpanija, inbnew biex jikkompetu mal-vapuri tal-linja Cunard; il-Lusitania u l-Mauretania, li bdew joperaw fl-1907. Dawn il-vapuri kienu mibnijin apposta biex jiksru r-rekords ta’ kemm jaqsmu malajr l-Atlantiku u fil-fatt kellhom l-unur ‘Blue Riband’.
Inbnew fuq prinċipji ta’ vapuri tal-gwerra u kienu jaħdmu b’turbini tal-fwar li jdawru erba’ skrejjen kbar. Kull skrun kellu tmun ibbilanċjat li kien jagħmel dawn il-vapuri aktar veloċi u faċli biex jiġu mmanuvrati.
B’differenza minn dan, it-Titanic u l-Olympic kienu jġorru ħafna nies għalkemm jivvjaġġaw b’veloċità moderata. Kellhom spazji għal togħbija kbira u għalhekk kienu ta’ theddida għall-vapuri tal-linja Cunard li kienu iżgħar u kienu jirrikjedu ħafna flus biex jitħaddmu.
Id-disinn tat-Titanic
Fil-każ tal-magni, it-Titanic kienu juża verżjonijiet akbar ta’ dawk li kienu ġew użati b’mod esperimentali fuq il-Laurentic. Dan kien vapur ieħor tal-linja White Star.
Bħala qafas, id-disinn ukoll kien verżjonijiet akbar ta’ disinni li ġew irfinuti matul is-snin. Il-poppa tal-vapur, għoli u bi tmun irqiq kien kopja ta’ vapur tat-18-il seklu. It-tmun kien magħmul mill-azzar. Il-problema kienet li meta mqabbel ma’ tmun ieħor fuq dawk tal-linja Cunard, dan kien żgħir wisq. Ftit kienu jagħtu kas kif vapur twil 852 pied seta’ jdur f’każ ta’ emerġenza jew inkella jevita li jaħbat ma’ xi muntanja tas-silġ.
Din id-differenza fid-disinni, bejn dawk tal-linja White Star u tal-Cunard, kienet tfisser li t-Titanic qatt ma seta’ jleħħaq mal-veloċità tagħhom. Fil-fatt, il-linja White Star kienet ilha li qatgħet qalbha għal aktar min għaxar snin meta fl-1899 daħħlu l-Oceanic. Dan kien magħruf għall-mod kif kien mibni minn ġewwa minn Harland & Wolff.
L-għarqa tat-Titanic
It-Titanic telaq fuq l-ewwel vjaġġ tiegħu minn Southampton nhar l-10 ta’ April, 1912. Id-destinazzjoni kellha tkun New York fl-Istati Uniti.
F’11.40 p.m. tal-14 ta’ April, 2012 it-Titanic ħabat ma’ muntanja tas-silġ. Eluf ta’ galluni ta’ ilma għarrqu l-qafas tal-vapur biex spiċċa għereq fi ftit sigħat.
Diversi vapuri oħrajn bagħtu twissijiet lit-Titanic dwar is-silġ. Il-problema b’dawn il-muntanji tas-silġ kienet li dawn tidher biss parti żgħira minnhom. Taħt il-livell tal-ilma dawn ma jinżlux dritti u jista’ jkollha kull tip ta’ forma. Fil-fatt, it-Titanic ħabat mal-parti ta’ taħt l-ilma ta’ din il-muntanja tas-silġ.
Uħud jirrakkontaw li mad-daqqa l-qafas tal-vapur ittaqqab diversi drabi f’linja orizzontali. Oħrajn jgħidu li kien qasma kbira filġenb tal-vapur. Verżjonijiet oħrajn jgħidu li mad-daqqa r-rivets inbeżqu ’l barra u l-qafas beda jiġġarraf. Minn l-aħħar spedizzjonijiet li saru lejn it-Titanic ġie żvelat li fil-fatt kienu r-rivets li nbeżqu li ħallew li l-ilma jidħol fil-qafas tal-vapur.
Madankollu, kien x’kien l-ilma beda dieħel u jimla l-kompartamenti. Il-vapur kien mibni b’tali mod li jekk l-ilma kellu jidħol f’erba’ kompartamenti jew inqas, allura ma kien jiġrilu xejn. Iżda, jekk il-ħames kompartament kellu jimtela l-ilma, it-Titanic kien jegħreq. Dan fil-fatt hu dak li ġara. L-ilma beda tiela’ f’kull kompartament u jaqbeż il-ħitan biex kif wasal għall-ħames kompartament it-Titanic kien ikkundannat li jegħreq. Il-parti ta’ quddiem tal-vapur bdiet titqal u iżjed bdiet tegħreq. Fl-istess ħin, il-parti ta’ wara bdiet tinqata’ mill-ilma. Mal-ħin it-toqol tal-parti ta’ wara tal-vapur sar wisq u l-vapur inqasam. Il-parti ta’ wara tal-vapur reġgħet waqgħet fl-ilma. Minkejja li l-vapur inqasam il-biċċa ta’ wara xorta kienet għadha mwaħħla mal-biċċa ta’ quddiem u għalhekk kif beda jegħreq quddiem tat-Titanic, il-biċċa ta’ wara reġgħet spiċċat maqtugħa barra mill-ilma sakemm maż-żewġ biċċiet inqasmu u l-parti ta’ quddiem għerqet fil-fond tal-oċean, madwar żewġ mili ’l isfel. L-istess ġara għall-parti ta’ wara tal-vapur.
It-Titanic kien għaddej b’wisq veloċità?
Jingħad li t-Titanic kien għaddej b’veloċità wisq qawwija waqt li kien qed ibaħħar f’dawn l-ibħra bis-silġ. Jingħad li l-motto tal-kaptani dak iż-żmien kien li jpoġġu l-perikli warajhom kemm jista’ jkun malajr. Il-veloċità li kien għaddej biha t-Titanic kienet wisq biex jipprova jevità periklu fi ftit ħin. Il-vapur kien wisq kbra biex jagħmel manuvra fi ftit sekondi.
Minkejja dan, mhux vera li t-Titanic kien qed jipprova jwaqqaf rekord billi jasal fid-destinazzjoni qabel iż-żmien. Mhux il-‘boilers’ kollha kienu mixgħulin u l-vapur kien għaddej mir-rotta t-twila biex jipprova jevita s-silġ. Li kieku l-‘boilers’ kollha kienu mixgħulin, it-Titanic kien jilħaq il-veloċità ta’ 21 mil nawtiku. Dan hu ferm inqas mis-26 mil nawtiku li kienu jilħqu l-vapuri tal-linja Cunard. Lanqas ma kienet tagħmel sens għall-passiġġieri li jaslu qabel fid-destinazzjoni tagħhom peress li kellhom postijiet riservati fil-lukandi u għall-ferroviji.
Intant, hemm min jgħid li kieku t-Titanic laqat bi dritt mal-muntanja tas-silġ, il-vapur ma kienx jegħreq. Xi esperti marittimi jgħidu li dan jista’ jkun minnu. Oħrajn ma jaqblux.
Meta tara s-sitwazzjoni li kienu jinsabu fiha, kien hemm biss ftit sekondi biex jieħdu deċiżjoni u d-deċiżjoni kienet li jipprovaw jevitaw li jaħbtu mas-silġ.
It-Titanic u l-midja
L-istorja ta’ x’ġara fuq dan il-vapur saret magħrufa permezz tan-nies li rnexxielhom jibqgħu ħajjin u setgħu jirrakkontaw l-esperjenzi tagħhom.
Kien hemm diversi reazzjonijiet; bejn min ma setax jemmen li vera kienet għereq it-Titanic, bejn min kien irrabjat u oħrajn li kellhom swied il-qalb.
Dak iż-żmien, il-gazzetti kellhom il-faċilità li jirċievu messaġġi mill-wireless. Il-messaġġi li bdew deħlin minn diversi vapuri li kienu jinsabu fl-Atlantiku ħallew lill-ġurnalisti mingħajr risposti ċari dwar dak li ġara mit-Titanic. Il-viċi president u general maniġer tal-International Mercantile Marine (IMM), Philip A. S. Franklin ċaħad l-għajdut tal-ġurnalisti li t-Titanic kien għereq. Qal li hu għandu kunfidenza fit-Titanic għax dan il-vapur ma jista jegħreq qatt.
Sas-6.15 p.m. kellu jbiddel l-opinjoni tiegħu hekk kif komunikazzjoni mill-Olympic kienet tgħid li t-Titanic kien għereq fis-2.20 a.m. Minnufih, il-ġurnalisti ħarġu żieda mal-gazzetti tagħhom. Għalhekk, fis-16 ta’ April filgħodu l-aħbar kienet li t-Titanic kien għereq u miegħu parti kbira tan-nies li kienu abbord. Il-pajjiż kien maħsud hekk kif qatt ma kien stenna li dan il-vapur seta’ jegħreq.
Il-qraba u ħbieb ta’ dawk abbord it-Titanic invadew l-uffiċċji ta’ White Star u tal-IMM. Minn hemm imbagħad in-nies bdew juru r-rabja tagħhom. Ħassewhom ittraduti mill-garanziji foloz li kienu ngħataw li t-Titanic kien joffri daqstant sigurtà. F’40 sena li n-nies qasmu l-Atlantiku qabel, kienu mietu biss erba’ persuni. F’din it-traġedja mietu mal-1,500 f’daqqa.
Ix-xhieda li rrakkontaw l-istorja
L-S.S. Carpathia kien il-vapur li mar jagħti l-ewwel għajnuna lit-Titanic. Ernest St Clair kien membru tal-ekwipaġġ ta’ 19-il sena fuq dan il-vapur. Jirrakkonta li huma kienu ilhom erbat ijiem li telqu minn New York fuq vjaġġ lejn il-Mediterran.
Jiftakar li kważi qrib nofsillejl kien sejjer jistrieħ hekk kif ra lill-uffiċjali tal-vapur jiddiskutu b’ansjetà kbira. B’kumbinazzjoni, min kien iħaddem is-sistema wireless fuq il-vapur, Harold Cottam, kien qagħad jisma’ l-wireless għall-aħħar mumenti qabel ma jirtira fil-kabina għall-mistrieħ meta daħlu messaġġi ta’ emerġenza mingħand it-Titanic.
F’11.40 p.m. it-Titanic ħabat ma’ muntanja tas-silġ. Kien qed jegħreq malajr u beda jitlob l-għajnuna. Sas-2.00 a.m. kien għereq.
Il-Carpathia rrispondiet għas-sejħa ta’ għajnuna u minnufih dawru r-rotta lejn it-Titanic.
L-ekwipaġġ tal-Carpathia beda jlesti kollox biex jagħti l-għajnuna. Madankollu, huma leħqu lit-Titanic fis-6.00 a.m. hekk kif raw id-dgħajjes tas-salvataġġ ġejjin lejhom. Kienu biss ftit in-numru ta’ dgħajjes u dawk li waslu lanqas kienu mimlijin kemm suppost.
Dawk li baqgħu ħajjin ittellgħu fuq il-Carpathia u ttieħdu lejn New York, fejn waslu wara erbat ijiem.
Diżastri agħar minn dak tat-Titanic
Sal-1987, din it-traġedja kienet it-tieni l-akbar f’dawk li huma nis li tilfu ħajjithom. Fl-20 ta’ Diċembru, 1987 il-lanċa Filippina Dona Paz ħabtet ma’ tanker taż-żejt lil hinn mill-gżira ta’ Mindoro (fin-nofsinhar ta’ Manila). Il-lanċa nqalbet u għerqet. Magħha għerqu wkoll 4,536 passiġġier u membri tal-ekwipaġġ.
Qabel it-traġedja ta’ Dona Paz, kien hemm dik tal-SS Sultana. Dan il-vapur kellu jwassal xi suldati Amerikani minn kamp f’Andersonville, Texas. Kien hemm 2,200 suldat abbord meta splodew il-‘boilers’ u hekk kif il-vapur għereq miegħu mietu wkoll 1,647 passiġġier u membri tal-ekwipaġġ.
Imbassar minn qabel?
Hu fatt kurjuż li dak li ġara lit-Titanic kien ġie deskritt f’diversi kitbiet li “bassru” l-isfortuna li kienet se tolqot dan il-vapur.
L-eżempju l-aktar ċar hu l-ktieb “The Sinking of a Modern Liner” miktub fl-1886 mill-ġurnalist Ingliż W. T. Stead.
L-istorja tirrakkonta b’mod simili dak li ġara lit-Titanic. Fil-ktieb, vapur tal-passiġġieri jitlaq minn Liverpool fuq vjaġġ lejn New York. Dan jaħbat u fil-paniku li jinħoloq diversi passiġġieri jmutu għax kien hemm nuqqas ta’ dgħajjes tas-salvataġġ.
Sfortunatament, b’dak li kiteb Stead kien qisu qed ibassar il-mewt tiegħu stess. Hu kien rikeb it-Titanic meta għereq f’April tal-1912.
Kien hemm ukoll il-ktieb “Futility” jew “The Wreck of the Titan” miktub mill-awtur Amerikan Morgan Robertson. Il-vapur imsemmi fil-ktieb iġib l-isem ta’ Titan u hu magħruf bħala vapur li ma jegħreq qatt. Minkejja dan, il-vapur jolqot mas-silġ u jegħreq qrib il-kosta ta’ Newfoundland, qrib ta’ fejn għereq it-Titanic.
B’mod mill-aktar stramb it-Titan jiġi deskritt tal-istess kobor daqs it-Titanic u jġorr ftit dgħajjes tas-salvataġġ. Barra minn hekk, il-vapur jidħol fil-muntanji tas-silġ bl-istess veloċità tat-Titanic.
Barra dawn il-kotba hemm anke oħrajn li wkoll jirrakkontaw stejjer simili. Kumbinazzjonijet strambi.
No comments:
Post a Comment