Sunday, April 22, 2012

100 sena mill-għarqa tat-Titanic (2) Bosta nuqqasijiet li flimkien għamlu diżastru



L-għada li dawk il-ftit mijiet li rnexxielhom jeħilsu mill-għarqa tat-Titanic waslu fi New York (19 ta’ April, 1912), bdew l-investigazzjonijiet dwar dak li wassal biex għereq dan il-vapur li kien meqjus minn ħafna li ma seta’ jegħreq qatt.
Twaqqaf sotto-kumitat fil-Kumitat tal-Kummerċ tas-Senat li kien immexxi mis-senatur William A. Smith. Is-seduti bdew fil-lukanda Waldorf-Astoria fi New York. Imbagħad imxew għall-bini tas-Senat f’Washington, D.C. B’kollox taw ix-xhieda tagħhom 82 persuna dwar diversi problemi li ġraw waqt il-vjaġġ “misħut” tat-Titanic. 
Fost l-oħrajn kienu mistoqsijin dwar twissijiet ta’ silġ li kienu injorati, in-numru ta’ laneċ tas-salvataġġ li ma kinux biżżejjed, il-veloċità tal-vapur, in-nuqqas ta’ għajnuna minn vapuri oħrajn li kienu fil-viċin u t-trattament tal-passiġġieri fi klassijiet differenti.
L-investigazzjonijiet intemmu fit-28 ta’ April, 1912, meta s-senatur Smith żar il-vapur oħt tat-Titanic, l-Olympic, biex jintervista xi membri tal-ekwipaġġ. Meta għereq it-Titanic, l-Olympic kien jinsab madwar 500 mil ’il bogħod. 

Dak li ħareġ mill-investigazzjoni

Ħadd ma tqies responsabbli ta’ dak li ġara, għalkemm inġibdet attenzjoni partikolari dwar il-fatt li kienu ntbagħtu tliet twissijiet dwar is-silġ lill-Kaptan Edward J. Smith. 
J. Bruce Ismay, id-direttur maniġerjali tal-White Star Line u li kien abbord it-Titanic f’dan il-vjaġġ, ma nżammx responsabbli tal-veloċità qawwija li biha kien għaddej il-vapur. Fil-fatt, rari jissemma fir-rapport.

Is-silġ

Jissemmew il-pożizzjonijiet tas-silġ, li kienu rrapportati lit-Titanic qabel ma seħħet it-traġedja. Kien hemm silġ fuq iż-żewġ naħat tar-rotta li kien għaddej minnha. Minkejja dan, ma saret l-ebda diskussjoni bejn l-uffiċjali, l-ebda konferenza biex ikunu kkonsidrati dawn it-twissijiet. Qisu ħadd ma ta kashom. Il-vapuri li bagħtu t-twissijiet kienu l-Baltic, il-Californian u l-America.

Il-veloċità


Barra minn hekk, il-veloċità tal-vapur ma tnaqqsitx u ma ngħatatx aktar attenzjoni min-normal għal dak li kien hemm madwarhom. Qabel il-ħabta tal-vapur mal-muntanja tas-silġ il-veloċità kienet ta’ 21 mil nawtiku fis-siegħa.

L-istruttura tal-vapur


Fir-rigward tal-istruttura tal-vapur, il-kompartamenti tat-Titanic, li suppost kellhom ikunu ssiġillati biex ma jidħolx l-ilma, fil-fatt ma kinux. Dan peress li l-gverta ma kinitx issiġillata u l-pjanċi tal-kompartamenti ma kinux jagħlqu l-gverta. 

Il-California ma tawx l-għajnuna minkejja li kienu l-eqreb

Kien wkoll mistoqsi għaliex il-vapur California ġie rrapportat mill-kaptan tiegħu li kien jinsab 19-il mil bogħod mit-Titanic meta fil-fatt dan kien jinsab eqreb. L-uffiċjali u l-membri tal-ekwipaġġ raw is-sinjali ta’ emerġenza li beda jibgħat it-Titanic iżda ma marrux jagħtu l-ewwel għajnuna kif suppost jagħmlu skont ma jitolbu l-liġijiet internazzjonali. Li kieku ngħatat l-assistenza minnufih, il-California kien ikollu l-mertu li salva l-passiġġieri u lil dawk kollha abbord it-Titanic.
Id-dwal misterjużi li bdew jaraw in-nies kienu tal-California li fil-verità kienet inqas minn 19-il mil ’il bogħod.
B’kollox kien hemm tmien vapuri, li kollha kellhom is-sistema ‘wireless’, li kienu jinsabu qrib tat-Titanic. L-aktar wieħed ’il bogħod kien l-Olympic.

Il-laneċ tas-salvataġġ

Ħaġa li baqgħet tissemma ħafna matul iż-żmien kien il-fatt li l-laneċ tas-salvataġġ ma mtlewx sakemm kienu jifilħu. Filwaqt li salvaw 706 persuni, kieku l-laneċ imtlew kienu jsalvaw 1176. 

L-ebda allarm

Barra minn hekk ma ngħata l-ebda allarm, l-ebda tisfira u l-ebda twissija lill-passiġġieri. Kien biss bejn 15 u 20 minuta wara l-ħabta li l-Kaptan Smith ordna lill-operatur tal-‘wireless’ biex jibgħat messaġġ ta’ emerġenza. 

Nuqqas ta’ preparazzjoni

Il-membri tal-ekwipaġġ tat-Titanic ma kinux ilhom fuq xogħlhom u ma kinux jafu eżatt x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ aċċident. Qabel ma telaq fuq l-ewwel vjaġġ tiegħu, il-membri tal-ekwipaġġ tat-Titanic kienu ħadu sehem fi prova waħda biss ta’ kif u x’kellhom jagħmlu f’każ ta’ aċċident. Fil-fatt, ħafna membri marru fuq il-vapur ftit sigħat biss qabel ma beda dan il-vjaġġ u ma kinux jafu eżatt x’kienu l-pożizzjonijiet tagħhom sa ġimgħa wara. 
Li kieku n-nies abbord il-vapur kienu laħqu nġabru fil-postijiet fejn kien hemm il-laneċ, allura kienu jsalvaw ħafna nies iżjed. 

Miżinformazzjoni

L-ewwel informazzjoni uffiċjali tad-diżastru kien il-messaġġ tal-Kaptan Haddock mill-Olympic. It-Titanic irċieva dan il-messaġġ fis-6.16 pm tat-Tnejn, 15 ta’ April. Wara din l-informazzjoni ntbagħat messaġġ li jgħid li t-Titanic kien se jkun irmunkat lejn Halifax. Dan il-messaġġ intbagħat lir-rappreżentant J. A. Hughes fit-7.51 pm li min-naħa tiegħu għadda l-messaġġ lill-uffiċċju ta’ Western Union li kien fl-istess bini tal-linja White Star Line. Ir-rapport jgħid li taħt iċ-ċirkostanzi, min bagħat dak il-messaġġ hu ħati ta’ kondotta ħażina u għandu jiġi mċanfar.
Barra minn hekk, issemma wkoll il-membru tal-ekwipaġġ tal-Carpathia li kien qed iħaddem is-sistema ‘wireless’. Intqal li ma kienx biżżejjed attent kif jieħu ħsieb il-messaġġi wara l-aċċident. Barra minn hekk, ġie ordnat li dawn l-operaturi ma jitħallewx ibigħu iżjed l-istejjer tagħhom.

Tifħir għall-Kaptan tal-Carpathia

Filwaqt li bosta nies ġew ikkritikat fir-rapport tal-investigazzjonijiet, il-Kaptan Rostron tal-Carpathia kien imfaħħar hekk kif minnufih dawwar ir-rotta malli sema’ t-talbiet għall-għajnuna.
Dan il-kaptan kien ferm attent minħabba s-silġ u anke poġġa nies iżjed biex joqogħdu għassa. Qabbad lill-ewwel uffiċjal biex jipprepara l-laneċ tas-salvataġġ u anke sejjaħ għat-tobba u kull min kien hemm bżonn biex jagħtu l-għajnuna tagħhom. 
Għalhekk, wara s-sehem kbir li ta, il-kumitat ħass li jagħtih l-akbar qima u li jingħata rikonoxximent. 

Rakkomandazzjonijiet

Fid-dawl ta’ dawn l-investigazzjonijiet kien rrakkomndat mis-sotto-kumitat li dawk il-vapuri kollha li jġorru iżjed minn 100 passiġġier irid ikollhom żewġ bozoz għat-tfittxija. 
Barra minn hekk, issejħu reviżjonijiet fuq il-liġijiet tal-ispezzjonijiet tal-vapuri barranin ħalli jkunu konformi mal-istandards mitlubin fl-Istati Uniti.
In-numru ta’ laneċ tas-salvataġġ kellu jkun biżżejjed biex iġorr lill-passiġġieri u lill-membri tal-ekwipaġġ kollha. Barra minn hekk, kellhom jibdew jiġu allokati minn tal-inqas erba’ membri tal-ekwipaġġ ma’ kull lanċa tas-salvataġġ u dawn jingħataw it-taħriġ meħtieġ dwar kif iġibu ruħhom f’każ ta’ emerġenza. 
Fil-każ tal-passiġġieri, ir-rakkomandazzjoni kienet li dawn ikunu allokati laneċ tas-salvataġġ partikolari ħalli jkunu jafu fejn iridu jmorru f’każ li jinqala’ xi aċċident.
Is-sistema tal-‘wireless’ kellha tkun regolarizzata biex ma tħallix nies li ma jifhmux jagħmlu użu minnha. Barra dan, il-vapuri kollha kellhom jaraw li jkun hemm bniedem dejjem għaddej iħaddem din is-sistema. 
Rigward il-bini tal-vapuri, ingħataw rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar kif għandhom jinbnew il-gverti biex ikunu ssiġillati mill-ilma. Ingħataw ukoll rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jinbnew il-kompartamenti, ħalli jekk żewġ kompartamenti jġarrbu ħsarat fl-istess ħin il-vapur ma jegħriqx.

No comments:

Post a Comment