
It-TORĊA rnexxielha tagħmel kuntatt ma’ persuni mis-Sirja li, għalkemm mhux dejjem faċli, għaddewlna dettalji dwar dak li qed iseħħ f’dan il-kunflitt.
Fost l-oħrajn qalulna li n-nies jinsabu rrabjati għall-kumplament tad-dinja li m’hi tagħmel xejn biex tgħinhom u qiegħda tħalli lir-reġim ikompli jwettaq tant atroċitajiet. Qegħdin jagħtuh żmien sa meta għandu jieqaf filwaqt li t-tixrid tad-dmija qed ikompli għaddej.
Is-sorsi tagħna fis-Sirja qalulna li n-nies mhumiex stupidi u jafu li d-dinja mhix turi ħeġġa li tbiddel ir-reġim, fosthom anke pajjiżi li qegħdin jgħidu li jixtiequ jgħinuhom. Fosthom hemm ukoll il-pajjiżi Għarab li mhumiex jipprovaw jiġġieldu kontra dan ir-reġim, għalkemm jgħidu l-kuntrarju. Madankollu, in-nies taf li l-pajjiżi Għarab waħedhom ma jistgħux jintervjenu.
Ir-rabja tal-poplu Sirjan tmur ukoll għar-reġim ta’ Assad li jigdeb il-ħin kollu u jagħti stampa ta’ kunflitt bejn l-Armata Sirjana u xi grupp ta’ terroristi. In-nies jafu li dawk fil-kunflitt huma l-Armata Ħielsa Sirjana, li hi ffurmata l-biċċa l-kbira minn suldati li rrifjutaw li joqtlu lin-nies.
Minkejja l-kunflitt li jinsabu fih, in-nies qatt ma stennew li l-armata tar-reġim se tkun daqshekk krudili biex tasal li twettaq dawn l-atti kriminali.
Dawn li qegħdin isofru huma ddispjaċuti li Sirjani li ma kinux attakkati qegħdin jibqgħu siktin hekk kif jibżgħu li jisfaw attakkati jew inkella għax hekk jaqblilhom. Dawk li huma attakkati jinsabu fi stat fejn m’għandhom xejn biex jgħixu; la ilma, la elettriku, la ikel u lanqas mezzi ta’ komunikazzjoni.
In-nies tilfu kollox
F’diversi filmati li ġibdu Sirjani stess f’dan il-kunflitt u anke ġurnalisti barranin li qegħdin ipoġġu ħajjithom fil-periklu biex juru lid-dinja x’qed iseħħ, rajna bliet Sirjani assedjati kontinwament. Min-kejja dan, kif l-attakki jbattu n-nies joħorġu jipprotestaw bħallikieku m’għandhomx biża’ li jitilfu ħajjithom.
Is-Sirjani li tkellimna magħ-hom qalulna li n-nies qegħdin iħossuhom li tilfu kollox u ma fadlilhom xejn. Għalhekk m’għandhom l-ebda biża’ li joħorġu jipprotestaw għax huma lesti li jmutu għal-libertà.
In-nies qegħdin iħossu li jekk imorru lura d-dar, is-suldati tar-reġim se joqtluhom wieħed, wieħed u allura jaqblilhom jibqgħu kollha flimkien, jgħixu flimkien u jmutu flimkien. M’hemmx triq tan-nofs għalihom; jew jirnexxilhom jgħixu kollha flimkien u r-reġim jingħeleb, inkella jirbaħ ir-reġim u huma jmutu kollha flimkien. Persuna qaltilna li l-ibliet huma kollha meqrudin u għalhekk m’hemm xejn agħar x’jistgħu jagħmlulhom.
In-nies tant qegħdin iħos-suhom mitlufin li fost l-oħrajn omm li għandha ħamest itfal qalet lil uliedha biex ma joħorġux flimkien ħalli ma jmutux fl-istess ġurnata għax inkella tkun wisq diffiċli għaliha. Qaltilhom biex imorru għad-dimostrazzjonijiet tnejn, tnejn.
Qtil għal min
jipprova juri x’qed isir
Intant, dawk li jinqabdu jiġbdu filmati jew jikkomu-nikaw ma’ nies barra mis-Sirja qegħdin jinqatlu bla ħniena. Fl-aħħar jiem f’Homs, il-fotografu Anas Al hilwani nqatel minn sniper filwaqt li l-ġurnalist ta’ miegħu safa midrub.
Minkejja dan, diversi ġur-nalisti u fotografi qegħdin iwasslu partijiet minn dak li qed iseħħ u juru l-ammonti kbar ta’ nies li qegħdin jinqatlu.
Għaliex mhix tittieħed azzjoni kontra Assad
B’differenza minn dak li seħħ fil-kunflitt fil-Libja, il-pajjiżi tal-Punent ma jidhrux li qegħdin juru ħeġġa biex itemmu dan il-kunflitt.
Fid-19 ta’ Marzu 2011, il-mexxejja tal-Punent kienu vvotaw fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda biex jittieħdu l-passi meħtieġa biex ma jitħallewx imutu iżjed ċivili fil-Libja. B’riżultat tal-riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda, in-NATO wettqet kampanja mmexxija mill-Ingilterra, Franza u anke l-Istati Uniti u bagħtu kull tip ta’ qawwiet militari biex jattakkaw il-Libja. Fil-fatt f’seba’ xhur inqered ir-reġim ta’ Muammar Gaddafi.
Dan jidher li qed jieħu ferm iżjed fit-tul fil-każ tas-Sirja u hemm diversi raġunijiet għaliex dawn l-istess pajjiżi qegħdin jaħsbuha sew qabel ma jagħtu sehemhom.
Żewġ rapporti li ħarġu riċentament jissuġġerixxu li l-qawwiet tal-Punent jista’ jkollhom sfidi ferm akbar f’dan il-kunflitt, kemm f’dik li hi politika kif ukoll bħala qawwa militari. Skont rapport tar-Royal United Services Institute for Defence and Security Studies (RUSI), dak li seħħ fil-Libja kien f’mument meta kollox kien perfett biex dawn il-qawwiet jattakkaw.
B’differenza minn Gaddafi, Assad dejjem ħa ħsieb li jkollu armamenti tajbin, kemm fl-ajru u l-baħar. Dan joħroġ minn rapport ieħor ippubblikat din id-darba mill-‘iStockholm International Peace Research Institute’ (SIPRI) li jsemmi l-lista ta’ armi li Assad xtara mingħand ir-Russi. Dawn is-sistemi ‘state-of-the-art’ kollha waslu fis-Sirja fl-aħħar sena minn meta beda l-kunflitt.
Armi ‘state-of-the-art’
Fost l-oħrajn, ir-Russja bagħtu 36 missila Pantsyr-SI għal kontra l-ajruplani. Dawn il-missili jistgħu jitpoġġew fuq wara ta’ trakk u tkun diffiċli għall-ajruplani biex jirnexxilhom jimmiraw fuqhom. Hu maħsub ukoll li r-Russja għamlet modifiċi fuq l-ajruplani MiG-29 tas-Sirja u fuq it-tankijiet tal-gwerra T-72. Tpoġġew armi iżjed moderni u dawn fil-fatt dehru f’ċerti filmati li nġibdu fl-aħħar jiem.
Barra minn hekk, ir-Russja bagħtet ukoll missili oħrajn ta’ kontra l-ajruplani, fosthom madwar 40 missila SA-17 Grizzly u żewġ sistemi SA-17 Buk. Iżda dan mhux kollox. F’Jannar, Assad ħabbar ftehim ta’ $550 miljun mar-Russja għal 36 ajruplan Yak-130 tal-gwerra u għat-taħriġ. Agħar minn hekk, Assad xtara wkoll armi bijoloġiċi u kimiċi li għalkemm għadu m’użahomx jista’ jħallihom bħala l-aħħar possibbiltà.
Dan kollu jagħmilha ferm aktar diffiċli li l-qawwiet tal-Punent jaqbdu u jiddeċiedu li jattakkaw lis-Sirja. Fil-każ tal-Libja dan seħħ għax Gaddafi kellu armi antiki u l-ordni għal sitt ajruplani Yak-130 kienet għadha ma waslitlux.
Minkejja li fid-dehra l-kun-flitt tal-Libja kellu jkun wieħed ferm iżjed faċli minn dan tas-Sirja, fil-verità l-qawwiet tal-Punent xorta batew u għalhekk wara din l-esperjenza l-politiċi qegħdin jibżgħu ferm aktar.
Meta attakaw lil Gaddafi, il-qawwiet tal-Punent sabu li kien ferm diffiċli li jegħlbuh u minkejja li fil-Ġnus Magħquda kienu ftehmu li kellha tkun operazzjoni tal-inqas livell u għall-inqas żmien possibbli, fil-verità spiċċat gwerra li ħliet ħafna enerġija lill-qaw-wiet militari Ewropej li tajru mad-90% tal-qawwiet militari tagħhom. Fil-fatt, skont ir-RUSI, tant kemm ittajru ajruplani Ingliżi kuljum lejn il-Libja li l-ispazju tal-ajru Ingliż spiċċa f’sitwazzjoni ferm vulnerabbli. Barra minn hekk, ħafna mill-ajruplani wżati fil-Libja kellhom nuqqas ta’ armi biex ilaħħqu ma’ kif bdew mexjin l-affarijiet.
Din l-esperjenza qiegħda tagħmilha ferm diffiċli għall-mexxejja politiċi biex jaqbdu u jidħlu f’dan il-kunflitt hekk kif jista’ jkollhom riskji ferm akbar. Dan kollu minkejja li s-sitwazzjoni fis-Sirja hi ħafna minn dik li kien hemm fil-Libja f’Marzu tas-sena li għaddiet. Hu kkalkulat li s’issa fis-Sirja nqatlu mat-8,000 persuna f’sena ta’ kunflitt.
Assad għandu l-ħbieb
Raġuni oħra li qiegħda ddewwem kull azzjoni hi li r-Russja ma tridx toħodha kon-tra Assad, hekk kif għandha bażi navali fil-port ta’ Tartus fis-Sirja. Il-mexxejja Russi ħassew li dawk tal-Punent ma qalulhomx l-istorja kollha fil-każ tal-Libja, meta suppost kellha tkun biss operazzjoni biex jipproteġu liċ-ċivili u mhux biex ineħħu lil Gaddafi. L-istess bħalhom taħsibha wkoll iċ-Ċina.
Bil-kontra ta’ Gaddafi, Assad għandu ħbieb importanti u jidhru li mhumiex qegħdin jabbandunawh. Gaddafi sa ċertu punt kien tefa’ l-ġebla fuq saqajh meta stieden lill-qawwiet tal-Punent biex jattakkawh u ħabbar li se joqtol lin-nies bħallikieku kienu ġrieden.
Problema oħra li uffiċjali Amerikani semmew ma’ ‘The New York Times’ hi li l-gvern Amerikan qed isibha ferm diffiċli li jikkomunika ma’ dawk li qegħdin jiġġieldu kontra Assad. Barra minn hekk, hemm biża’ li jista’ jkun hemm iżjed qtil u tixrid ta’ demm fit-tranżizzjoni politika jekk dan ikollu jitneħħa.
L-Istati Uniti mbeżżgħin mill-konsegwenzi
Filwaqt li hemm diversi politiċi u attivisti Amerikani li qegħdin jissuġġerixxu li għandha tittieħed azzjoni minnufih (possibilment anke militari), dak li seħħ fl-imgħoddi qed iġiegħel lill-Amerikani jaħsbuha darbtejn.
F’ittra miftuħa li bagħtu fi Frar lill-President Obama, 56 politiku konservattiv u attivisti politiċi esperti fil-politika barranija – fosthom William Kristol, Max Boot, Elizabeth Chebey u oħrajn li kellhom x’jaqsmu fil-gwer-ra “diżastruża” tal-Iraq – urew it-tħassib tagħhom li Assad jista’ jkun ta’ theddid għas-sigurtà nazzjonali tal-Amerika. Fl-istess ittra, dawn l-istess politiċi jissuġġerixxu li għandha tittieħed azzjoni im-medjata biex jitwaqqaf Assad.
Fil-verità s-sitwazzjoni hi ferm iżjed ikkumplikata għall-Amerikani. Il-popolazzjoni tas-Sirja hi magħmula minn gruppi ta’ nies ta’ reliġjonijiet u ideoloġiji differenti u s-sitwazzjoni mhijiex biss ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin.
Il-popolazzjoni hi maqsuma bejn Sunni Għarab, Kristjani, Alawiti, Shiiti, Druze, u bosta minoranzi oħrajn. Assad hu minn familja tal-Alawiti li stabbilixxew ruħhom matul l-40 sena li għamlu jmexxu, hu u missieru qablu. Dawn jidhru li jżommu mat-twemmin u l-ideoloġiji tagħhom u li jafhom kulħadd. Ma jistax jingħad l-istess għal dawk kontra Assad fejn għadu mhux ċar x’ideoloġiji jħaddnu. Jidhru li jħaddnu anke elementi Iżlamiċi u possibilment anke konnes-sjonijiet ma’ al-Qaeda. Dan kollu jġiegħel lill-mexxejja Amerikani u anke tal-Punent biex jaħsbuha darbtejn qa-bel ma jieħdu azzjoni li jaf jiddispjaċihom minnha wara.
Fil-gwerra tal-Iraq, il-politiċi u l-istrateġisti nsistew li l-Iraqqini kienu se jilqgħuhom bħala s-salvaturi tagħhom. Fil-verità, mietu mal-4,000 Amerikan, 100,000 suldat Iraqqin u ntefqu mat-$850 biljun mit-taxxi Amerikani. Min issuġġerixxa din l-az-zjoni żgur li ma kienx ħaseb fil-konsegwenzi. Fil-fatt, anke l-mira li jkun hemm id-demokrazija fl-Iraq ukoll qiegħda tbatti maż-żmien.
L-istess seħħ fil-Libja. Fost l-ewwel azzjonijiet tal-Kunsill tat-Tranżizzjoni kienet li jdaħħal il-liġi tax-Sharia. Dan qed jerġa’ joħloq kunflitti u jissemmew diversi każi ta’ korruzzjoni u brutalitajiet. Għalhekk, l-Istati Uniti qegħ-din joqogħdu attenti li ma jagħmlux l-istess żbalji li għamlu.
No comments:
Post a Comment