Wednesday, April 11, 2012

Il-‘pitch’ tal-waterpolo ta' Birzebbuga baqa’ ma wasalx





Resident urtati
Bosta residenti minn Birżebbuġa jinsabu urtati għall-fatt li minkejja li għal diversi snin ġew imwegħdin ‘pitch’ tal-waterpolo ġdid dan baqa’ qatt ma wasal. Mhux hekk biss, talli l-‘pitch’ l-antik tkisser u tħalla fi stat diżastruż bil-konsegwenza li qed ikun ta’ perikli għat-tfal u għal dawk li jmorru f’dawn in-naħat.
Dan il-‘pitch’ ilu jissemma mill-2003 meta l-Birzebbuga Sports Club kienu applikaw quddiem il-MEPA għall-permess biex jitwaqqa’ l-‘pitch’ l-antik u minfloku jinbena wieħed ġdid, flimkien ma’ faċilitajiet oħrajn u anke tisbiħ tal-‘promenade’. Il-MEPA kienet approvat din l-applikazzjoni iżda l-proġett ma kienx ġie mwettaq. 
Aktar tard, fl-2006 reġgħet intefgħet applikazzjoni oħra għat-twaqqiegħ tal-pixxina li wkoll kienet ġiet aċċettata. Minkejja dan kollu, il-‘pitch’ baqa’ qatt ma sar u meta morna fuq il-post stajna naraw li jinsab fi stat qawwi ta’ abbandun, fejn joffri biss perikli u lok għal kull tip ta’ abbużi. Dan kollu meta hemm tabella “Works in Progress” li tindika li bħalissa hemm ix-xogħlijiet għaddejjin.

Ilmenti fuq Facebook
Intant, ir-residenti ta’ Birżebbuġa ħadu l-okkażjoni tat-tnedija tal-grawnd tal-Fgura biex ikomplu jwasslu l-weġgħat tagħhom mas-Segretarju Parlamentari għall-Isports Clyde Puli.
Filwaqt li kien hemm min gerger dwar diversi grawnds tal-futbol li għadhom ma sarux, oħrajn urew it-tħassib tagħhom dwar il-‘pitch’ tal-waterpolo. Uħud gergru li f’Birżebbuġa jsiru biss proġetti industrijali li minnhom igawdi l-pajjiż kollu filwaqt li oħrajn ilmentaw li wliedhom mhumiex inqas minn ta’ ħaddieħor u għandhom ikollhom l-istess faċilitajiet sportivi meħtieġa. 
B’reazzjoni għal dawn id-diversi kummenti li rċieva, is-Segreatrju Parlamentari tenna kemm-il darba li se jsiru diversi grawnds tal-futbol iżda qatt ma semma x’se jsir dwar il-‘pitch’ tal-waterpolo. 
Anke meta kellu kumment dirett minn resident li semma li kellha ssir konferenza tal-aħbarijiet fl-aħħar tas-sajf li għadda biex jingħad li se jibda l-proġett tal-‘pitch’ tal-waterpolo, Puli għażel li jdawwar id-diskors fuq il-grawnds tal-futbol u injora kompletament il-‘pitch’ bħallikieku qisu ma jafx li jeżisti wieħed.
mfarrugia@unionprint.com.mt

No comments:

Post a Comment