Sunday, April 1, 2012

Il-koppji moderni... tkompli l-bidla fir-rwoli







Kunflitt li spiss jinqala’ bejn il-koppji hu dwar kemm kull membru jagħti sehmu fil-ħajja ta’ kuljum. Il-kunflitt ikun akbar meta jkun hemm ukoll it-tfal, li jridu min jieħu ħsiebhom u li l-piż tagħhom jibda jinħass aktar fuq il-ġenituri.
Maż-żmien, ir-rwoli tal-membri f’koppja nbidlu. Filwaqt li fl-imgħoddi kellek lir-raġel li kien l-uniku wieħed li jaqla’ l-għajxien għall-familja, illum il-mara qiegħda tistabbilixxi postha f’pożizzjonijiet importanti fil-postijiet tax-xogħol u għalhekk qed ikun hemm bżonn li jintlaħaq kompromess biex jitmexxew l-affarijiet ta’ bejn ix-xogħol u d-dar.

In-nisa u l-irġiel jaħdmu ndaqs

Minkejja dan, minn studji li saru u kif irrapportat fir-rivista ‘TIME’ jirriżulta li llum il-ġurnata r-raġel u l-mara qegħdin jaħdmu kważi l-istess ammont ta’ sigħat fil-ġimgħa. Iżda huwa veru wkoll li n-nisa li jkollhom tfal żgħar iqattgħu ħafna iżjed ħin id-dar u mat-tfal, filwaqt li l-irġiel tagħhom iqattgħu iżjed ħin fuq il-post tax-xogħol.
Skont l-informazzjoni riċenti ppubblikata mill-‘US Bureau of Labor Statistics’ dwar nisa u rġiel miżżewġin, li jaħdmu u li għandhom it-tfal, in-nisa jaħdmu (xogħol imħallas jew le) biss 20 minuta iżjed fil-ġurnata mill-irġiel.
Dan ifisser li allura dawk in-nisa li jħossu wisq pressjoni fuqhom għandhom ifittxu raġuni oħra, lil hinn mill-irġiel tagħhom, f’min iwaħħlu għal dan l-istress żejjed li jista’ jkollhom.
L-istess ħareġ minn stħarriġ li għamlu t-tliet ekonomisti; Michael Burda mill-Università ta’ Humboldt f’Berlin, Daniel Hamermesh mill-Università ta’ Texas u Philippe Weil mill-Università ta’ Brussell. Dawn għamlu stħarriġ li fih kienu nvoluti 25 pajjiż, uħud sinjuri bħall-Istati Uniti u l-Ġermanja, oħrajn foqra bħall-Madagascar u oħrajn fit-triq tan-nofs bħall-Ungerija, il-Messiku u s-Slovenja. In-nies li kienu intervistati kienu mistoqsijin kif iqattgħu l-ġurnata tagħhom u ntalbu jiktbu djarju biex jispjegaw kif iqattgħu ħinijiet differenti tal-ġurnata.
L-24 siegħa nqasmu f’erba’ kategoriji; jiġifieri x-xogħol li jsir bi ħlas, ix-xogħol tad-dar u mat-tfal, il-ħin tal-irqad, tal-ikel u bżonnijiet naturali u l-ħin ta’ mistrieħ.
Mir-riżultati li nkisbu rriżulta li madwar id-dinja l-irġiel għadhom iqattgħu iżjed ħin fuq il-postijiet tax-xogħol filwaqt li n-nisa jagħmlu aktar xogħol fid-dar. Fil-pajjiżi sinjuri, l-irġiel jaħdmu madwar 5.2 sigħat fuq il-post tax-xogħol tagħhom filwaqt li jwettqu 2.7 sigħat ta’ xogħol fid-dar. Min-naħa l-oħra, in-nisa jaħdmu madwar 3.4 sigħat fuq il-postijiet tax-xogħol u jaħdmu 4.5 sigħat oħra d-dar. Meta tgħodd il-kontribut li jagħtu ż-żewġ naħat it-total jammonta għall-istess numru ta’ sigħat. It-total hu ta’ 7.9 sigħat. Jidher naqra baxx għax fir-riżultati hemm imdaħħlin ukoll tmiem il-ġimgħa u fost l-adulti li kienu studjati hemm ġenituri li joqogħdu d-dar u dawk li jaħdmu u adulti oħrajn.
Fl-Iżvezja, fin-Norveġja u fl-Olanda, l-irġiel jaħdmu iżjed min-nisa għalkemm ftit biss. Fil-Belġju, fid-Danimarka u fl-Ingilterra n-nisa jaħdmu ftit iżjed. Id-differenza tidher l-iżjed f’pajjiżi bħall-Italja fejn in-nisa jaħdmu tmien sigħat filwaqt li l-irġiel jaħdmu biss 6.5 sigħat u fi Franza fejn in-nisa jaħdmu 7.2 sigħat u l-irġiel jaħdmu 6.6 sigħat.
Dan l-istudju serva biex biddel il-fehma ta’ bosta nies, anke dawk li huma esperti dwar dan is-suġġett. Fil-fatt, 54% tal-ekonomisti u 62% tal-istudenti tal-ekonomija kienu jaħsbu li n-nisa jaħdmu iżjed mill-irġiel, l-istess bħalma kienu jaħsbu 70% tal-soċjologi.
Mill-istudju ħareġ ukoll li l-irġiel għalkemm jaħdmu daqs in-nisa mbagħad jieħdu iżjed ħin ta’ mistrieħ. Dan minħabba l-fatt li jorqdu inqas u jaħlu inqas ħin fuq bżonnijiet naturali. Barra minn hekk instab li filwaqt li n-nisa f’pajjiżi sinjuri jaħdmu daqs l-irġiel, in-nisa jaħdmu iżjed fil-pajjiżi foqra.

Ix-xogħol tad-dar


Minkejja li l-membri tal-koppja jagħmlu l-istess am-mont ta’ xogħol, in-nisa xorta għadhom fuq quddiem fejn jidħol ix-xogħol fid-dar. Skont figuri maħruġin mill-Istitut tar-Riċerka dwar il-Politika Pubblika (IPPR), tmienja minn kull għaxar nisa miżżewġin fl-Ingilterra jagħmlu iżjed xogħol fid-dar mill-irġiel tagħhom. Hu biss raġel minn kull għaxra miżżewġin li jagħmlu l-istess ammont ta’ xogħol fid-dar daqs in-nisa tagħhom u l-istess ammont jagħmlu iżjed minnhom.
Dan ifisser li minkejja l-bidla fiż-żminijiet xorta waħda l-affarijiet ma tantx inbidlu fejn jidħol ix-xogħol fid-dar. Fil-fatt, f’kumment mid-direttur tal-IPPR, Nick Pearce, hu qal li n-nisa xorta għadhom iġorru l-biċċa l-kbira tax-xogħol fid-dar, l-aktar wara li jkollhom it-tfal. Qal ukoll li meta jkollhom paga ogħla allura jkunu jistgħu jilħqu ftehim mal-irġiel tagħhom u għalhekk dan il-pass jista’ jgħin ħafna.
Dan l-istitut tar-riċerka talab li l-irġiel jibdew jaħdmu iżjed fuq bażi flessibbli u jieħdu iż-jed responsabbiltà biex jieħdu ħsieb it-tfal u d-djar tagħhom.
Intant, il-websajt ‘Netmums’ sabet li n-nisa jħossuhom obbligati li jagħmlu x-xogħol tad-dar jekk l-irġiel tagħhom ikunu jġibu l-paga d-dar. Minkejja dan, iħossu li hi l-aktar ħaġa stressanti f’ħajjithom.

Kif qegħdin jinbidlu r-rwoli

Fi żmien ir-riċessjoni ntilfu ħafna postijiet tax-xogħol. Fost dawn 80% minnhom kienu ta’ rġiel. Dan wassal biex għall-ewwel darba n-nisa kienu l-iżjed li jaħdmu fl-Istati Uniti. L-irġiel li tilfu xogħlhom kienu jaħdmu fil-kostruzzjoni jew fil-finanzi, filwaqt li n-nisa kienu jaħdmu fl-oqsma tal-edukazzjoni jew tas-saħħa, oqsma li fihom dejjem ikun hemm talba għall-ħaddiema. Hekk kif l-irġiel tagħhom spiċċaw bla xogħol, dawn in-nisa bdew jipprovdu huma l-għajxien għall-familja tagħhom. L-irġiel kellhom jibdew jieħdu ħsieb huma tal-affarijiet tad-dar.
Minkejja dan, ma kinitx biss ir-riċessjoni li bidlet ir-rwoli tal-membri fil-koppji. In-nisa bdew joħorġu jaħdmu fit-Tieni Gwerra Dinjija. Filwaqt li l-irġiel kienu jmorru għall-gwerra, huma kienu jmorru jaħdmu fil-fabbriki u fl-uffiċċji. Wara li spiċċat il-gwerra n-nisa reġgħu marru lura d-dar iżda bejn is-snin sittin u sebgħin saret bidla fejn in-nisa bdew ifittxu karriera barra minn djarhom.
Fl-aħħar żminijiet l-irġiel qegħdin juru l-interess li jibdew jieħdu ħsieb huma tad-dar u tat-tfal.
Din il-bidla mhix waħda faċli. Mhix faċli għal raġel li jaċċetta li ma jkunx hu li jġib il-paga d-dar u lanqas mhi faċli għan-nisa għax isibu diversi problemi bħal pagi inqas u diffikultajiet biex javvanzaw fil-pożizzjoni tal-karriera tagħhom.
Barra minn hekk, jibdew ħerġin problemi oħrajn bejn dawk l-ommijiet li jaħdmu u l-oħrajn li ma jaħdmux dwar min jagħmel l-iżjed ħsara lill-ulied.
Problemi oħra huma li minkejja li l-irġiel jista’ jkun li kellhom joqogħdu d-dar biex jieħdu ħsieb tad-dar u tal-familja, mhux bilfors li refgħu r-responsabbiltà tal-biċċa l-kbira ta’ dan ix-xogħol. Fil-fatt, kif irrapportat ‘The New York Times’, l-irġiel mingħajr xogħol iqattgħu ħin jieħdu ħsieb it-tfal daqs in-nisa tagħhom li jaħdmu.
Li hu żgur hu li llum il-ġurnata r-rwoli tal-membri f’koppja saru inqas stretti u jadattaw skont iċ-ċirkostanzi li jinqalgħu.

In-nisa jfittxu aktar li jibnu karriera

Minbarra ċ-ċirkostanzi li wasslu lin-nisa biex joħorġu jaħdmu, illum il-ġurnata n-nisa qegħdin juru interess minnhom infushom li jibnu karriera fejn ikollhom ċerta responsabbiltà. Fil-fatt qegħdin ikunu kważi fuq l-istess livell tal-irġiel fl-interess u fl-ambizzjoni biex ikollhom xogħol li jinvolvi responsabbiltà.
Dan ħareġ minn stħarriġ li sar fl-Istati Uniti u juri wkoll li l-ommijiet urew iżjed interess għal xogħlijiet ta’ responsabbiltà minn nisa li m’għandhomx tfal.

Għadhom jemmnu fir-rwoli tradizzjonali

B’sorpriża kbira u kontra dak kollu mistenni, kważi l-istess ammont ta’ rġiel u nisa għadhom jemmnu fir-rwoli tradizzjonali tal-membri f’koppja. Barra minn hekk, l-akbar bidla fil-viżjoni dwar ir-rwoli fil-koppja saret mill-irġiel fejn jidher li dawk li huma f’koppja fejn it-tnejn jaħdmu, l-irġiel bidlu l-attitudni tagħhom. Fil-fatt, jidher ukoll li l-irġiel qegħdin jipprovaw jerfgħu iżjed responsabbiltà tax-xogħol fid-dar u anke tat-tfal. Ir-rapport jgħid ukoll li din il-ħaġa qiegħda tkun aċċettata mis-soċjetà u l-irġiel jistgħu jagħtu aktar sehemhom fil-kura tat-tfal, fit-tisjir u fit-tindif tad-dar. 

In-nisa jirrikonoxxu l-għajnuna li jsibu mill-irġiel tagħhom

Grupp ta’ nisa intervistati minn ‘Il Corriere della Sera’ spjegaw li grazzi għall-irġiel tagħhom setgħu jsibu xogħol li jogħġobhom u jieħdu ħsieb anke ta’ wliedhom. Ifaħħru l-kontribut li jagħtu l-irġiel tagħhom fil-kura tat-tfal u jaraw li dan wassal ukoll biex l-irġiel tagħhom skoprew iżjed il-paternità tagħhom.
Anke jekk mhux dejjem jagħmlu kollox eżatt kif ikunu jixtiequ huma, xorta waħda raw bidla fejn l-irġiel tagħhom qegħdin jagħtu iżjed attenzjoni u jipprovaw jgħinu mill-aħjar li jistgħu.

Diffikultajiet

Fl-istess intervisti, kważi nofs in-nisa spjegaw li wara li kellhom it-tfal kellhom ibiddlu x-xogħol tagħhom. Jew naqqsu l-ammont ta’ sigħat li jaħdmu jew inkella sabu xogħol ieħor. Spjegaw ukoll li fl-Italja r-rata tat-twelid tat-tfal hi baxxa ħafna u hemm relazzjoni bejn in-nuqqas ta’ pagi li bihom jistgħu jfendu l-familji u li l-ommijiet jipposponu li joħorġu tqal. Dan kollu minkejja li ħafna nisa stqarrew li jixtiequ jkollhom it-tfal.

Pagi inqas għan-nisa?

Minkejja l-iżviluppi li qegħdin isiru, xorta għad fadal differenza fil-pagi li jaqilgħu n-nisa mqabblin mal-irġiel. Ir-raġunijiet għal dan jistgħu jkunu differenti u rapport tal-‘General Accountability Office’ tal-Istati Uniti jipprova janalizza x’jistgħu jkunu r-raġunijiet. Fosthom isemmi li jista’ jkun li n-nisa mhux dejjem jaħdmu fuq skeda ta’ fultajm jew inkella jistgħu jitilqu mix-xogħol għal perjodi itwal mill-irġiel. Dan iwassal għal differenza bejn il-pagi li jaqilgħu t-tnejn.
Barra minn hekk, filwaqt li għall-irġiel li jkollhom it-tfal din taħdem bħal stimulu ħalli jaqilgħu iżjed flus għall-familja, għan-nisa din ikollha effett negattiv għax ikollhom bżonn jieħdu ħsieb ta’ wliedhom.
Għaldaqstant, l-ammont ta’ ‘leave’ li jittieħed mill-ommijiet biex jieħdu ħsieb tal-familja u tat-tfal ikun ħafna aktar.

mfarrugia@unionprint.com.mt

No comments:

Post a Comment