Sunday, April 29, 2012

100 sena mill-għarqa tat-Titanic (3) Il-midja tefgħet il-ħtija fuq min riedet




Ħafna mill-istorja tal-għarqa tat-Titanic kienet rapportata u dokumentata skont ma qalu x-xhieda li baqgħu ħajjin wara din it-traġedja. Wara dak li ġara, dawn kienu għaddejjin minn trawma kbira u l-fatti jista’ jkun li mhux dejjem kienu rakkontati eżatt kif fil-fatt seħħew. L-istorja, xi ftit jew wisq, tgħawġet u kien biss wara ħafna żmien u anke meta nstabu l-fdalijiet tal-vapur, li bdiet ħierġa idea iżjed ċara ta’ dak li seħħ. 
Bir-raġun, dawk li kienu involuti f’din it-traġedja żgur li ma qagħdux attenti jieħdu n-noti ta’ dak li kien qed jiġri. Fil-fatt, kienet ħaġa tal-iskantament li, minkejja kollox, xorta ngħatat ħafna informazzjoni utli; fosthom in-nuqqas ta’ għajnuna li tawhom il-California u li l-laneċ tas-salvataġġ ma mtlewx kemm suppost.
Intant, bosta studji u riċerki komplew u għadhom għaddejjin biex ikomplu joħorġu stampa aktar ċara tal-fatti. 

Storja li mhux bilfors tkun eżatta

Il-midja ħafna drabi tirrapporta mal-ewwel dak li jkun ġara f’xi aċċident, f’mument meta l-konfużjoni tkun għadha fl-aqwa tagħha. Għalhekk irridu nżommu f’moħħna li l-istorja ġieli toħroġ mgħawġa bħalma jkunu rrakkontawha dawk li kienu vittmi fiha. Sfortunatament, imħallat ma’ dak li jkun fil-fatt seħħ ikun hemm ukoll emozzjonijiet u anke xaqliba tal-fatti skont ma jkun jaqbel għal dawk li jirrakkontawha. Fil-fatt, il-pubblikatur tal-gazzetti Philip L. Graham jgħid li l-aħbarijiet huma biss “l-ewwel abbozz tal-istorja”. 
Fil-każ tat-Titanic, maż-żmien baqgħu jsiru diversi studji biex jiskopru aktar dwar l-istorja tiegħu, għalkemm xorta għad hemm pubblikazzjonijiet li jirrapportaw żbalji. 
Fosthom insibu dak li hemm miktub fi ktieb tal-istorja miktub minn M. Hirsh Goldberg. Dan jgħid li t-Titanic ipprova jikser ir-rekord waqt li kien qed jaqsam l-Atlantiku. It-Titanic ma kienx magħmul biex jikser xi rekord. Kien vapur ekonomiku u lussuż, iżda ma kienx magħmul biex ikollu veloċità qawwija. Fil-fatt, anke meta tqabbel il-magni li kellu t-Titanic ma’ dawk li kellhom vapuri li kienu jiksru r-rekord ta’ veloċità wkoll jidher ċar. Dan jikkonferma li r-riċerka ta’ Goldberg ma kinitx biżżejjed fil-fond għax kieku kien jiskopri wkoll li l-vapuri rari kienu jitħaddmu bl-ogħla veloċità tagħhom fuq l-ewwel vjaġġ li jagħmlu għax ma kienx jagħmel tajjeb għall-magni. 
Dan l-għajdut beda jinxtered wara li kienet ippubblikata fuq il-gazzetti ta’ dak iż-żmien u minn hemm baqgħet miexja fuq fomm in-nies, tant li kulħadd spiċċa jemmen hekk. 
Fi żbalji oħrajn li jagħmel, Goldberg jgħid li l-vapur kien rinforzat fuq quddiem iżda ma seta’ jsir xejn fuq il-ġnub tal-vapur li kienu taħt il-livell tal-ilma. Fil-verità, it-Titanic kien inbena b’żewġ qigħan, żvilupp li kien importanti ħafna fl-inġinerija tal-bastimenti.

“Il-vapur li ma jegħriqx”

Meta għereq it-Titanic, ħafna min-nies marru rrabjati għand min bena l-vapur minħabba li huma kellhom l-idea li dawn kienu qalu li l-vapur kien wieħed li ma jegħreq qatt. Għal darb’oħra din kienet idea żbaljata għax ma kinux is-sidien tal-vapur li qalu dan il-kliem iżda ġurnali tekniċi dwar il-bastimenti li sejħu lit-Titanic bħala vapur li “prattikament ma jistax jegħreq”. 
Rigward il-veloċità tal-vapur, dan ma kienx għaddej bl-ogħla veloċità tiegħu li kienet twassal għal 24 mil nawtiku s-siegħa. Minkejja dan, il-veloċità li kien għaddej biha kienet wisq għal dawk l-inħawi fejn kien hemm silġ mifrux maż-żewġ naħat ta’ minn fejn kien għaddej. Bastimenti oħrajn kienu naqqsu l-veloċità jew inkella waqfu għal dak il-lejl.

Joseph Bruce Ismay
J. Bruce Ismay kien iċ-ċermen u d-direttur maniġerjali tal-linja White Star. Hu kien qed ibaħħar fuq it-Titanic meta seħħ l-aċċident. Fortunatament għalih, hu rnexxielu jsalva għalkemm wara kellu jiffaċċja lin-nies u nqala’ ħafna għajdut dwaru. 
Ħafna akkużawh li kien beżżiegħ u li ħarab minn fuq il-vapur hekk kif kien qed jegħreq. Bosta allegaw li l-uniku interess li ħa kien li jsalva ġildu minflok ra li jgħin lill-passiġġieri l-oħrajn.
Fil-verità, Ismay għen biex iniżżlu l-laneċ tas-salvataġġ u jgħabbi n-nies fihom. F’bosta każi kien anke aħjar mill-membri tal-ekwipaġġ infushom. Hu rikeb fuq lanċa tas-salvataġġ meta lanċa minnhom bdiet titniżżel u ma kien għad fadal ħadd fil-viċin. Xi wħud qalu li kien hemm min ordnalu biex jirkeb fil-lanċa. Ġara li ġara iżda jibqa’ l-fatt li bħalma qal Lord Mersey fl-investigazzjonijiet Ingliżi dwar l-għarqa tat-Titanic, kieku ma rikibx kien iżid in-numru tal-vittmi b’persuna oħra.
L-unika ħtija ta’ Ismay kienet li rnexxielu jibqa’ ħaj u għalhekk kien espost għall-kodiċi ta’ etika tal-midja Amerikana. Minkejja li kien attakkat bil-kbir fl-Istati Uniti, mal-wasla tiegħu f’Liverpool hu ntlaqa’ tajjeb. 

Ordna lill-Kaptan iżid il-veloċità?

Kien hemm ukoll allegazzjoni oħra marbuta ma’ Ismay, fejn intqal li hu kien ordna lill-kmandant tat-Titanic, il-Kaptan Edward J. Smith, biex jikser ir-rekord ta’ kemm jaqsam malajr l-Atlantiku. B’dan il-mod allura jiġi li indirettament ikkawża l-ħabta tat-Titanic mal-muntanja tas-silġ. 
Huwa ferm diffiċli li kaptan bħal Smith, li kellu tant esperjenza u li kien fuq l-aħħar vjaġġ tiegħu qabel jirtira, kien se jimxi fuq dak li jgħidlu Ismay. L-ebda prova qatt ma ħarġet li kien hemm xi tip ta’ ndħil min-naħa ta’ Ismay u aktar kien jipprova jqatta’ l-vjaġġ bħal passiġġieri oħrajn milli jmur jitkellem mal-membri tal-ekwipaġġ.

Il-midja Amerikana tat stampa kerha

Dawn l-istejjer kollha waslu mill-midja Amerikana, b’mod partikolari minn dawk li s-sid tagħhom kien William Randolph Hearst. Dan kien wieħed mill-aktar nies b’saħħithom u influwenti fl-Amerika. Hearst u Ismay kienu ltaqgħu żmien qabel fi New York meta Ismay kien aġent għall-kumpanija tiegħu. Ismay ma kienx iħobb l-attenzjoni tal-midja u ż-żewġt irġiel spiċċaw iġġieldu peress li dan tal-aħħar ma riedx jikkopera.
Hearst baqa’ dejjem iżomm din il-kwistjoni fih u f’April 1912 bdiet kampanja ħarxa kontra Ismay li ma setax jiddefendi ruħu f’din l-istorja. 
Bosta stejjer kienu vvintati, fosthom minn xhieda li riedu flus tajbin mingħand il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, u ġie ddikjarat li Ismay kien ordna lill-kaptan biex jikser ir-rekord.

Il-Kaptan Smith


Il-Kaptan Smith għamel dak li n-nies kienu jistennew minnu dak iż-żmien, jiġifieri temm ħajtu flimkien mal-vapur. Għan-nies hu miet ta’ eroj minkejja li hu kien il-persuna direttament responsabbli għall-għarqa tat-Titanic. Filwaqt li n-nies urew stmerrija fil-konfront ta’ Ismay, li mal-ewwel mar jipprova jgħin lill-passiġġieri biex isalvaw, lil Smith apprezzawh u fakkruh bħala eroj.
Smith falla milli jagħti kas tat-twissijiet tas-silġ li kienu daħlulu, ma naqqasx il-veloċità tal-vapur minkejja li kienu għaddejjin f’ibħra kollha silġ u ħalla l-laneċ tas-salvataġġ jitilqu għalkemm kienu għadhom mhux mimlijin kemm suppost. B’dan il-mod żied l-ammont ta’ vittmi b’tal-inqas 500 persuna. 
mfarrugia@unionprint.com.mt

Sunday, April 22, 2012

100 sena mill-għarqa tat-Titanic (2) Bosta nuqqasijiet li flimkien għamlu diżastru



L-għada li dawk il-ftit mijiet li rnexxielhom jeħilsu mill-għarqa tat-Titanic waslu fi New York (19 ta’ April, 1912), bdew l-investigazzjonijiet dwar dak li wassal biex għereq dan il-vapur li kien meqjus minn ħafna li ma seta’ jegħreq qatt.
Twaqqaf sotto-kumitat fil-Kumitat tal-Kummerċ tas-Senat li kien immexxi mis-senatur William A. Smith. Is-seduti bdew fil-lukanda Waldorf-Astoria fi New York. Imbagħad imxew għall-bini tas-Senat f’Washington, D.C. B’kollox taw ix-xhieda tagħhom 82 persuna dwar diversi problemi li ġraw waqt il-vjaġġ “misħut” tat-Titanic. 
Fost l-oħrajn kienu mistoqsijin dwar twissijiet ta’ silġ li kienu injorati, in-numru ta’ laneċ tas-salvataġġ li ma kinux biżżejjed, il-veloċità tal-vapur, in-nuqqas ta’ għajnuna minn vapuri oħrajn li kienu fil-viċin u t-trattament tal-passiġġieri fi klassijiet differenti.
L-investigazzjonijiet intemmu fit-28 ta’ April, 1912, meta s-senatur Smith żar il-vapur oħt tat-Titanic, l-Olympic, biex jintervista xi membri tal-ekwipaġġ. Meta għereq it-Titanic, l-Olympic kien jinsab madwar 500 mil ’il bogħod. 

Dak li ħareġ mill-investigazzjoni

Ħadd ma tqies responsabbli ta’ dak li ġara, għalkemm inġibdet attenzjoni partikolari dwar il-fatt li kienu ntbagħtu tliet twissijiet dwar is-silġ lill-Kaptan Edward J. Smith. 
J. Bruce Ismay, id-direttur maniġerjali tal-White Star Line u li kien abbord it-Titanic f’dan il-vjaġġ, ma nżammx responsabbli tal-veloċità qawwija li biha kien għaddej il-vapur. Fil-fatt, rari jissemma fir-rapport.

Is-silġ

Jissemmew il-pożizzjonijiet tas-silġ, li kienu rrapportati lit-Titanic qabel ma seħħet it-traġedja. Kien hemm silġ fuq iż-żewġ naħat tar-rotta li kien għaddej minnha. Minkejja dan, ma saret l-ebda diskussjoni bejn l-uffiċjali, l-ebda konferenza biex ikunu kkonsidrati dawn it-twissijiet. Qisu ħadd ma ta kashom. Il-vapuri li bagħtu t-twissijiet kienu l-Baltic, il-Californian u l-America.

Il-veloċità


Barra minn hekk, il-veloċità tal-vapur ma tnaqqsitx u ma ngħatatx aktar attenzjoni min-normal għal dak li kien hemm madwarhom. Qabel il-ħabta tal-vapur mal-muntanja tas-silġ il-veloċità kienet ta’ 21 mil nawtiku fis-siegħa.

L-istruttura tal-vapur


Fir-rigward tal-istruttura tal-vapur, il-kompartamenti tat-Titanic, li suppost kellhom ikunu ssiġillati biex ma jidħolx l-ilma, fil-fatt ma kinux. Dan peress li l-gverta ma kinitx issiġillata u l-pjanċi tal-kompartamenti ma kinux jagħlqu l-gverta. 

Il-California ma tawx l-għajnuna minkejja li kienu l-eqreb

Kien wkoll mistoqsi għaliex il-vapur California ġie rrapportat mill-kaptan tiegħu li kien jinsab 19-il mil bogħod mit-Titanic meta fil-fatt dan kien jinsab eqreb. L-uffiċjali u l-membri tal-ekwipaġġ raw is-sinjali ta’ emerġenza li beda jibgħat it-Titanic iżda ma marrux jagħtu l-ewwel għajnuna kif suppost jagħmlu skont ma jitolbu l-liġijiet internazzjonali. Li kieku ngħatat l-assistenza minnufih, il-California kien ikollu l-mertu li salva l-passiġġieri u lil dawk kollha abbord it-Titanic.
Id-dwal misterjużi li bdew jaraw in-nies kienu tal-California li fil-verità kienet inqas minn 19-il mil ’il bogħod.
B’kollox kien hemm tmien vapuri, li kollha kellhom is-sistema ‘wireless’, li kienu jinsabu qrib tat-Titanic. L-aktar wieħed ’il bogħod kien l-Olympic.

Il-laneċ tas-salvataġġ

Ħaġa li baqgħet tissemma ħafna matul iż-żmien kien il-fatt li l-laneċ tas-salvataġġ ma mtlewx sakemm kienu jifilħu. Filwaqt li salvaw 706 persuni, kieku l-laneċ imtlew kienu jsalvaw 1176. 

L-ebda allarm

Barra minn hekk ma ngħata l-ebda allarm, l-ebda tisfira u l-ebda twissija lill-passiġġieri. Kien biss bejn 15 u 20 minuta wara l-ħabta li l-Kaptan Smith ordna lill-operatur tal-‘wireless’ biex jibgħat messaġġ ta’ emerġenza. 

Nuqqas ta’ preparazzjoni

Il-membri tal-ekwipaġġ tat-Titanic ma kinux ilhom fuq xogħlhom u ma kinux jafu eżatt x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ aċċident. Qabel ma telaq fuq l-ewwel vjaġġ tiegħu, il-membri tal-ekwipaġġ tat-Titanic kienu ħadu sehem fi prova waħda biss ta’ kif u x’kellhom jagħmlu f’każ ta’ aċċident. Fil-fatt, ħafna membri marru fuq il-vapur ftit sigħat biss qabel ma beda dan il-vjaġġ u ma kinux jafu eżatt x’kienu l-pożizzjonijiet tagħhom sa ġimgħa wara. 
Li kieku n-nies abbord il-vapur kienu laħqu nġabru fil-postijiet fejn kien hemm il-laneċ, allura kienu jsalvaw ħafna nies iżjed. 

Miżinformazzjoni

L-ewwel informazzjoni uffiċjali tad-diżastru kien il-messaġġ tal-Kaptan Haddock mill-Olympic. It-Titanic irċieva dan il-messaġġ fis-6.16 pm tat-Tnejn, 15 ta’ April. Wara din l-informazzjoni ntbagħat messaġġ li jgħid li t-Titanic kien se jkun irmunkat lejn Halifax. Dan il-messaġġ intbagħat lir-rappreżentant J. A. Hughes fit-7.51 pm li min-naħa tiegħu għadda l-messaġġ lill-uffiċċju ta’ Western Union li kien fl-istess bini tal-linja White Star Line. Ir-rapport jgħid li taħt iċ-ċirkostanzi, min bagħat dak il-messaġġ hu ħati ta’ kondotta ħażina u għandu jiġi mċanfar.
Barra minn hekk, issemma wkoll il-membru tal-ekwipaġġ tal-Carpathia li kien qed iħaddem is-sistema ‘wireless’. Intqal li ma kienx biżżejjed attent kif jieħu ħsieb il-messaġġi wara l-aċċident. Barra minn hekk, ġie ordnat li dawn l-operaturi ma jitħallewx ibigħu iżjed l-istejjer tagħhom.

Tifħir għall-Kaptan tal-Carpathia

Filwaqt li bosta nies ġew ikkritikat fir-rapport tal-investigazzjonijiet, il-Kaptan Rostron tal-Carpathia kien imfaħħar hekk kif minnufih dawwar ir-rotta malli sema’ t-talbiet għall-għajnuna.
Dan il-kaptan kien ferm attent minħabba s-silġ u anke poġġa nies iżjed biex joqogħdu għassa. Qabbad lill-ewwel uffiċjal biex jipprepara l-laneċ tas-salvataġġ u anke sejjaħ għat-tobba u kull min kien hemm bżonn biex jagħtu l-għajnuna tagħhom. 
Għalhekk, wara s-sehem kbir li ta, il-kumitat ħass li jagħtih l-akbar qima u li jingħata rikonoxximent. 

Rakkomandazzjonijiet

Fid-dawl ta’ dawn l-investigazzjonijiet kien rrakkomndat mis-sotto-kumitat li dawk il-vapuri kollha li jġorru iżjed minn 100 passiġġier irid ikollhom żewġ bozoz għat-tfittxija. 
Barra minn hekk, issejħu reviżjonijiet fuq il-liġijiet tal-ispezzjonijiet tal-vapuri barranin ħalli jkunu konformi mal-istandards mitlubin fl-Istati Uniti.
In-numru ta’ laneċ tas-salvataġġ kellu jkun biżżejjed biex iġorr lill-passiġġieri u lill-membri tal-ekwipaġġ kollha. Barra minn hekk, kellhom jibdew jiġu allokati minn tal-inqas erba’ membri tal-ekwipaġġ ma’ kull lanċa tas-salvataġġ u dawn jingħataw it-taħriġ meħtieġ dwar kif iġibu ruħhom f’każ ta’ emerġenza. 
Fil-każ tal-passiġġieri, ir-rakkomandazzjoni kienet li dawn ikunu allokati laneċ tas-salvataġġ partikolari ħalli jkunu jafu fejn iridu jmorru f’każ li jinqala’ xi aċċident.
Is-sistema tal-‘wireless’ kellha tkun regolarizzata biex ma tħallix nies li ma jifhmux jagħmlu użu minnha. Barra dan, il-vapuri kollha kellhom jaraw li jkun hemm bniedem dejjem għaddej iħaddem din is-sistema. 
Rigward il-bini tal-vapuri, ingħataw rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar kif għandhom jinbnew il-gverti biex ikunu ssiġillati mill-ilma. Ingħataw ukoll rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jinbnew il-kompartamenti, ħalli jekk żewġ kompartamenti jġarrbu ħsarat fl-istess ħin il-vapur ma jegħriqx.

Sunday, April 15, 2012

Mitt sena mill-għarqa tat-Titanic: Meta seħħ dak li ma kienx mistenni






Dak li kellu jkun vapur li ma jegħreq qatt, bħal-lum mitt sena ilu sab ruħu fil-fond tal-Oċean Atlantiku hekk kif kien involut f’waħda mill-akbar traġedji li qatt seħħew fl-istorja tat-tbaħħir. Din hi l-istorja sfortunata li għadda minnha t-Titanic li fl-1912 kien l-ikbar vapur li qatt inbena. F’din it-traġedja, waqt l-ewwel vjaġġ li kien qed jagħmel, ħa miegħu l-ħajjiet ta’ aktar minn 1,500 passiġġier.
Ma kienx wieħed mill-aktar vapuri rfinuti u lanqas wieħed li kellu l-aqwa teknoloġija avvanzata għal dak iż-żmien. Il-kobor, li ħafna drabi kien meqjus bħala xi ħaġa aħjar, kienet l-unika ħaġa li kellu speċjali.
It-Titanic kien vapur tal-linja White Star u kien ikkonsidrat bħala l-aqwa kisba li rnexxielha tagħmel din il-kumpanija. Kien joffri kumditajiet u lussu li l-ebda vapur tal-passiġġieri ieħor ma kellu. Barra minn hekk, kien vapur li kien ikkonsidrat li joffri ċerta sigurtà hekk kif kellu 16-il kompartament li kienu ssiġillati mill-ilma u anke maħdum b’qafas doppju.
Dan kollu ġiegħel lil kulħadd biex jibqa’ ċċassat meta seħħet it-traġedja għax ħadd qatt ma ħaseb li dan il-vapur seta’ jegħreq.

Il-kompetituri tat-Titanic

Dan il-vapur, flimkien mal-vapur Olympic tal-istess kumpanija, inbnew biex jikkompetu mal-vapuri tal-linja Cunard; il-Lusitania u l-Mauretania, li bdew joperaw fl-1907. Dawn il-vapuri kienu mibnijin apposta biex jiksru r-rekords ta’ kemm jaqsmu malajr l-Atlantiku u fil-fatt kellhom l-unur ‘Blue Riband’.
Inbnew fuq prinċipji ta’ vapuri tal-gwerra u kienu jaħdmu b’turbini tal-fwar li jdawru erba’ skrejjen kbar. Kull skrun kellu tmun ibbilanċjat li kien jagħmel dawn il-vapuri aktar veloċi u faċli biex jiġu mmanuvrati.
B’differenza minn dan, it-Titanic u l-Olympic kienu jġorru ħafna nies għalkemm jivvjaġġaw b’veloċità moderata. Kellhom spazji għal togħbija kbira u għalhekk kienu ta’ theddida għall-vapuri tal-linja Cunard li kienu iżgħar u kienu jirrikjedu ħafna flus biex jitħaddmu.

Id-disinn tat-Titanic


Fil-każ tal-magni, it-Titanic kienu juża verżjonijiet akbar ta’ dawk li kienu ġew użati b’mod esperimentali fuq il-Laurentic. Dan kien vapur ieħor tal-linja White Star.
Bħala qafas, id-disinn ukoll kien verżjonijiet akbar ta’ disinni li ġew irfinuti matul is-snin. Il-poppa tal-vapur, għoli u bi tmun irqiq kien kopja ta’ vapur tat-18-il seklu. It-tmun kien magħmul mill-azzar. Il-problema kienet li meta mqabbel ma’ tmun ieħor fuq dawk tal-linja Cunard, dan kien żgħir wisq. Ftit kienu jagħtu kas kif vapur twil 852 pied seta’ jdur f’każ ta’ emerġenza jew inkella jevita li jaħbat ma’ xi muntanja tas-silġ.
Din id-differenza fid-disinni, bejn dawk tal-linja White Star u tal-Cunard, kienet tfisser li t-Titanic qatt ma seta’ jleħħaq mal-veloċità tagħhom. Fil-fatt, il-linja White Star kienet ilha li qatgħet qalbha għal aktar min għaxar snin meta fl-1899 daħħlu l-Oceanic. Dan kien magħruf għall-mod kif kien mibni minn ġewwa minn Harland & Wolff.

L-għarqa tat-Titanic

It-Titanic telaq fuq l-ewwel vjaġġ tiegħu minn Southampton nhar l-10 ta’ April, 1912. Id-destinazzjoni kellha tkun New York fl-Istati Uniti.
F’11.40 p.m. tal-14 ta’ April, 2012 it-Titanic ħabat ma’ muntanja tas-silġ. Eluf ta’ galluni ta’ ilma għarrqu l-qafas tal-vapur biex spiċċa għereq fi ftit sigħat.
Diversi vapuri oħrajn bagħtu twissijiet lit-Titanic dwar is-silġ. Il-problema b’dawn il-muntanji tas-silġ kienet li dawn tidher biss parti żgħira minnhom. Taħt il-livell tal-ilma dawn ma jinżlux dritti u jista’ jkollha kull tip ta’ forma. Fil-fatt, it-Titanic ħabat mal-parti ta’ taħt l-ilma ta’ din il-muntanja tas-silġ.
Uħud jirrakkontaw li mad-daqqa l-qafas tal-vapur ittaqqab diversi drabi f’linja orizzontali. Oħrajn jgħidu li kien qasma kbira filġenb tal-vapur. Verżjonijiet oħrajn jgħidu li mad-daqqa r-rivets inbeżqu ’l barra u l-qafas beda jiġġarraf. Minn l-aħħar spedizzjonijiet li saru lejn it-Titanic ġie żvelat li fil-fatt kienu r-rivets li nbeżqu li ħallew li l-ilma jidħol fil-qafas tal-vapur.
Madankollu, kien x’kien l-ilma beda dieħel u jimla l-kompartamenti. Il-vapur kien mibni b’tali mod li jekk l-ilma kellu jidħol f’erba’ kompartamenti jew inqas, allura ma kien jiġrilu xejn. Iżda, jekk il-ħames kompartament kellu jimtela l-ilma, it-Titanic kien jegħreq. Dan fil-fatt hu dak li ġara. L-ilma beda tiela’ f’kull kompartament u jaqbeż il-ħitan biex kif wasal għall-ħames kompartament it-Titanic kien ikkundannat li jegħreq. Il-parti ta’ quddiem tal-vapur bdiet titqal u iżjed bdiet tegħreq. Fl-istess ħin, il-parti ta’ wara bdiet tinqata’ mill-ilma. Mal-ħin it-toqol tal-parti ta’ wara tal-vapur sar wisq u l-vapur inqasam. Il-parti ta’ wara tal-vapur reġgħet waqgħet fl-ilma. Minkejja li l-vapur inqasam il-biċċa ta’ wara xorta kienet għadha mwaħħla mal-biċċa ta’ quddiem u għalhekk kif beda jegħreq quddiem tat-Titanic, il-biċċa ta’ wara reġgħet spiċċat maqtugħa barra mill-ilma sakemm maż-żewġ biċċiet inqasmu u l-parti ta’ quddiem għerqet fil-fond tal-oċean, madwar żewġ mili ’l isfel. L-istess ġara għall-parti ta’ wara tal-vapur.

It-Titanic kien għaddej b’wisq veloċità?

Jingħad li t-Titanic kien għaddej b’veloċità wisq qawwija waqt li kien qed ibaħħar f’dawn l-ibħra bis-silġ. Jingħad li l-motto tal-kaptani dak iż-żmien kien li jpoġġu l-perikli warajhom kemm jista’ jkun malajr. Il-veloċità li kien għaddej biha t-Titanic kienet wisq biex jipprova jevità periklu fi ftit ħin. Il-vapur kien wisq kbra biex jagħmel manuvra fi ftit sekondi.
Minkejja dan, mhux vera li t-Titanic kien qed jipprova jwaqqaf rekord billi jasal fid-destinazzjoni qabel iż-żmien. Mhux il-‘boilers’ kollha kienu mixgħulin u l-vapur kien għaddej mir-rotta t-twila biex jipprova jevita s-silġ. Li kieku l-‘boilers’ kollha kienu mixgħulin, it-Titanic kien jilħaq il-veloċità ta’ 21 mil nawtiku. Dan hu ferm inqas mis-26 mil nawtiku li kienu jilħqu l-vapuri tal-linja Cunard. Lanqas ma kienet tagħmel sens għall-passiġġieri li jaslu qabel fid-destinazzjoni tagħhom peress li kellhom postijiet riservati fil-lukandi u għall-ferroviji.
Intant, hemm min jgħid li kieku t-Titanic laqat bi dritt mal-muntanja tas-silġ, il-vapur ma kienx jegħreq. Xi esperti marittimi jgħidu li dan jista’ jkun minnu. Oħrajn ma jaqblux.
Meta tara s-sitwazzjoni li kienu jinsabu fiha, kien hemm biss ftit sekondi biex jieħdu deċiżjoni u d-deċiżjoni kienet li jipprovaw jevitaw li jaħbtu mas-silġ.

It-Titanic u l-midja

L-istorja ta’ x’ġara fuq dan il-vapur saret magħrufa permezz tan-nies li rnexxielhom jibqgħu ħajjin u setgħu jirrakkontaw l-esperjenzi tagħhom.
Kien hemm diversi reazzjonijiet; bejn min ma setax jemmen li vera kienet għereq it-Titanic, bejn min kien irrabjat u  oħrajn li kellhom swied il-qalb.
Dak iż-żmien, il-gazzetti kellhom il-faċilità li jirċievu messaġġi mill-wireless. Il-messaġġi li bdew deħlin minn diversi vapuri li kienu jinsabu fl-Atlantiku ħallew lill-ġurnalisti mingħajr risposti ċari dwar dak li ġara mit-Titanic. Il-viċi president u general maniġer tal-International Mercantile Marine (IMM), Philip A. S. Franklin ċaħad l-għajdut tal-ġurnalisti li t-Titanic kien għereq. Qal li hu għandu kunfidenza fit-Titanic għax dan il-vapur ma jista jegħreq qatt.
Sas-6.15 p.m. kellu jbiddel l-opinjoni tiegħu hekk kif komunikazzjoni mill-Olympic kienet tgħid li t-Titanic kien għereq fis-2.20 a.m. Minnufih, il-ġurnalisti ħarġu żieda mal-gazzetti tagħhom. Għalhekk, fis-16 ta’ April filgħodu l-aħbar kienet li t-Titanic kien għereq u miegħu parti kbira tan-nies li kienu abbord. Il-pajjiż kien maħsud hekk kif qatt ma kien stenna li dan il-vapur seta’ jegħreq.
Il-qraba u ħbieb ta’ dawk abbord it-Titanic invadew l-uffiċċji ta’ White Star u tal-IMM. Minn hemm imbagħad in-nies bdew juru r-rabja tagħhom. Ħassewhom ittraduti mill-garanziji foloz li kienu ngħataw li t-Titanic kien joffri daqstant sigurtà. F’40 sena li n-nies qasmu l-Atlantiku qabel, kienu mietu biss erba’ persuni. F’din it-traġedja mietu mal-1,500 f’daqqa.

Ix-xhieda li rrakkontaw l-istorja


L-S.S. Carpathia kien il-vapur li mar jagħti l-ewwel għajnuna lit-Titanic. Ernest St Clair kien membru tal-ekwipaġġ ta’ 19-il sena fuq dan il-vapur. Jirrakkonta li huma kienu ilhom erbat ijiem li telqu minn New York fuq vjaġġ lejn il-Mediterran.
Jiftakar li kważi qrib nofsillejl kien sejjer jistrieħ hekk kif ra lill-uffiċjali tal-vapur jiddiskutu b’ansjetà kbira. B’kumbinazzjoni, min kien iħaddem is-sistema wireless fuq il-vapur, Harold Cottam, kien qagħad jisma’ l-wireless għall-aħħar mumenti qabel ma jirtira fil-kabina għall-mistrieħ meta daħlu messaġġi ta’ emerġenza mingħand it-Titanic.
F’11.40 p.m. it-Titanic ħabat ma’ muntanja tas-silġ. Kien qed jegħreq malajr u beda jitlob l-għajnuna. Sas-2.00 a.m. kien għereq.
Il-Carpathia rrispondiet għas-sejħa ta’ għajnuna u minnufih dawru r-rotta lejn it-Titanic.
L-ekwipaġġ tal-Carpathia beda jlesti kollox biex jagħti l-għajnuna. Madankollu, huma leħqu lit-Titanic fis-6.00 a.m. hekk kif raw id-dgħajjes tas-salvataġġ ġejjin lejhom. Kienu biss ftit in-numru ta’ dgħajjes u dawk li waslu lanqas kienu mimlijin kemm suppost.
Dawk li baqgħu ħajjin ittellgħu fuq il-Carpathia u ttieħdu lejn New York, fejn waslu wara erbat ijiem.

Diżastri agħar minn dak tat-Titanic

Sal-1987, din it-traġedja kienet it-tieni l-akbar f’dawk li huma nis li tilfu ħajjithom. Fl-20 ta’ Diċembru, 1987 il-lanċa Filippina Dona Paz ħabtet ma’ tanker taż-żejt lil hinn mill-gżira ta’ Mindoro (fin-nofsinhar ta’ Manila). Il-lanċa nqalbet u għerqet. Magħha għerqu wkoll 4,536 passiġġier u membri tal-ekwipaġġ.
Qabel it-traġedja ta’ Dona Paz, kien hemm dik tal-SS Sultana. Dan il-vapur kellu jwassal xi suldati Amerikani minn kamp f’Andersonville, Texas. Kien hemm 2,200 suldat abbord meta splodew il-‘boilers’ u hekk kif il-vapur għereq miegħu mietu wkoll 1,647 passiġġier u membri tal-ekwipaġġ.

Imbassar minn qabel?

Hu fatt kurjuż li dak li ġara lit-Titanic kien ġie deskritt f’diversi kitbiet li “bassru” l-isfortuna li kienet se tolqot dan il-vapur.
L-eżempju l-aktar ċar hu l-ktieb “The Sinking of a Modern Liner” miktub fl-1886 mill-ġurnalist Ingliż W. T. Stead.
L-istorja tirrakkonta b’mod simili dak li ġara lit-Titanic. Fil-ktieb, vapur tal-passiġġieri jitlaq minn Liverpool fuq vjaġġ lejn New York. Dan jaħbat u fil-paniku li jinħoloq diversi passiġġieri jmutu għax kien hemm nuqqas ta’ dgħajjes tas-salvataġġ.
Sfortunatament, b’dak li kiteb Stead kien qisu qed ibassar il-mewt tiegħu stess. Hu kien rikeb it-Titanic meta għereq f’April tal-1912.
Kien hemm ukoll il-ktieb “Futility” jew “The Wreck of the Titan” miktub mill-awtur Amerikan Morgan Robertson. Il-vapur imsemmi fil-ktieb iġib l-isem ta’ Titan u hu magħruf bħala vapur li ma jegħreq qatt. Minkejja dan, il-vapur jolqot mas-silġ u jegħreq qrib il-kosta ta’ Newfoundland, qrib ta’ fejn għereq it-Titanic.
B’mod mill-aktar stramb it-Titan jiġi deskritt tal-istess kobor daqs it-Titanic u jġorr ftit dgħajjes tas-salvataġġ. Barra minn hekk, il-vapur jidħol fil-muntanji tas-silġ bl-istess veloċità tat-Titanic.
Barra dawn il-kotba hemm anke oħrajn li wkoll jirrakkontaw stejjer simili. Kumbinazzjonijet strambi.

Ikomplu l-moħqrija u l-attakki krudili fis-Sirja... Il-kumplament tad-dinja wieqfa taħseb






Għalkemm il-gwerer il-biċċa l-kbira huma miġġildin mill-irġiel, sfortunatament parti kbira tal-vittmi jkunu tfal u nisa innoċenti. Dan hu dak li qed iseħħ fis-Sirja, fejn f’sena ta’ kunflitt bejn ir-reġim tal-President Bashar al-Assad u l-Armata Ħielsa Sirjana nqatlu aktar minn 900 tifel u tifla. Barra minn dawn, inqatlu u qegħdin ikomplu jinqatlu anke rġiel u nisa bil-gzuz.

It-TORĊA rnexxielha tagħmel kuntatt ma’ persuni mis-Sirja li, għalkemm mhux dejjem faċli, għaddewlna dettalji dwar dak li qed iseħħ f’dan il-kunflitt.
Fost l-oħrajn qalulna li n-nies jinsabu rrabjati għall-kumplament tad-dinja li m’hi tagħmel xejn biex tgħinhom u qiegħda tħalli lir-reġim ikompli jwettaq tant atroċitajiet. Qegħdin jagħtuh żmien sa meta għandu jieqaf filwaqt li t-tixrid tad-dmija qed ikompli għaddej.
Is-sorsi tagħna fis-Sirja qalulna li n-nies mhumiex stupidi u jafu li d-dinja mhix turi ħeġġa li tbiddel ir-reġim, fosthom anke pajjiżi li qegħdin jgħidu li jixtiequ jgħinuhom. Fosthom hemm ukoll il-pajjiżi Għarab li mhumiex jipprovaw jiġġieldu kontra dan ir-reġim, għalkemm jgħidu l-kuntrarju. Madankollu, in-nies taf li l-pajjiżi Għarab waħedhom ma jistgħux jintervjenu.
Ir-rabja tal-poplu Sirjan tmur ukoll għar-reġim ta’ Assad li jigdeb il-ħin kollu u jagħti stampa ta’ kunflitt bejn l-Armata Sirjana u xi grupp ta’ terroristi. In-nies jafu li dawk fil-kunflitt huma l-Armata Ħielsa Sirjana, li hi ffurmata l-biċċa l-kbira minn suldati li rrifjutaw li joqtlu lin-nies.
Minkejja l-kunflitt li jinsabu fih, in-nies qatt ma stennew li l-armata tar-reġim se tkun daqshekk krudili biex tasal li twettaq dawn l-atti kriminali.
Dawn li qegħdin isofru huma ddispjaċuti li Sirjani li ma kinux attakkati qegħdin jibqgħu siktin hekk kif jibżgħu li jisfaw attakkati jew inkella għax hekk jaqblilhom. Dawk li huma attakkati jinsabu fi stat fejn m’għandhom xejn biex jgħixu; la ilma, la elettriku, la ikel u lanqas mezzi ta’ komunikazzjoni.

In-nies tilfu kollox

F’diversi filmati li ġibdu Sirjani stess f’dan il-kunflitt u anke ġurnalisti barranin li qegħdin ipoġġu ħajjithom fil-periklu biex juru lid-dinja x’qed iseħħ, rajna bliet Sirjani assedjati kontinwament. Min-kejja dan, kif l-attakki jbattu n-nies joħorġu jipprotestaw bħallikieku m’għandhomx biża’ li jitilfu ħajjithom.
Is-Sirjani li tkellimna magħ-hom qalulna li n-nies qegħdin iħossuhom li tilfu kollox u ma fadlilhom xejn. Għalhekk m’għandhom l-ebda biża’ li joħorġu jipprotestaw għax huma lesti li jmutu għal-libertà.
In-nies qegħdin iħossu li jekk imorru lura d-dar, is-suldati tar-reġim se joqtluhom wieħed, wieħed u allura jaqblilhom jibqgħu kollha flimkien, jgħixu flimkien u jmutu flimkien. M’hemmx triq tan-nofs għalihom; jew jirnexxilhom jgħixu kollha flimkien u r-reġim jingħeleb, inkella jirbaħ ir-reġim u huma jmutu kollha flimkien. Persuna qaltilna li l-ibliet huma kollha meqrudin u għalhekk m’hemm xejn agħar x’jistgħu jagħmlulhom.
In-nies tant qegħdin iħos-suhom mitlufin li fost l-oħrajn omm li għandha ħamest itfal qalet lil uliedha biex ma joħorġux flimkien ħalli ma jmutux fl-istess ġurnata għax inkella tkun wisq diffiċli għaliha. Qaltilhom biex imorru għad-dimostrazzjonijiet tnejn, tnejn.

Qtil għal min
jipprova juri x’qed isir

Intant, dawk li jinqabdu jiġbdu filmati jew jikkomu-nikaw ma’ nies barra mis-Sirja qegħdin jinqatlu bla ħniena. Fl-aħħar jiem f’Homs, il-fotografu Anas Al hilwani nqatel minn sniper filwaqt li l-ġurnalist ta’ miegħu safa midrub.
Minkejja dan, diversi ġur-nalisti u fotografi qegħdin iwasslu partijiet minn dak li qed iseħħ u juru l-ammonti kbar ta’ nies li qegħdin jinqatlu.

Għaliex mhix tittieħed azzjoni kontra Assad

B’differenza minn dak li seħħ fil-kunflitt fil-Libja, il-pajjiżi tal-Punent ma jidhrux li qegħdin juru ħeġġa biex itemmu dan il-kunflitt.
Fid-19 ta’ Marzu 2011, il-mexxejja tal-Punent kienu vvotaw fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda biex jittieħdu l-passi meħtieġa biex ma jitħallewx imutu iżjed ċivili fil-Libja. B’riżultat tal-riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda, in-NATO wettqet kampanja mmexxija mill-Ingilterra, Franza u anke l-Istati Uniti u bagħtu kull tip ta’ qawwiet militari biex jattakkaw il-Libja. Fil-fatt f’seba’ xhur inqered ir-reġim ta’ Muammar Gaddafi.
Dan jidher li qed jieħu ferm iżjed fit-tul fil-każ tas-Sirja u hemm diversi raġunijiet għaliex dawn l-istess pajjiżi qegħdin jaħsbuha sew qabel ma jagħtu sehemhom.
Żewġ rapporti li ħarġu riċentament jissuġġerixxu li l-qawwiet tal-Punent jista’ jkollhom sfidi ferm akbar f’dan il-kunflitt, kemm f’dik li hi politika kif ukoll bħala qawwa militari. Skont rapport tar-Royal United Services Institute for Defence and Security Studies (RUSI), dak li seħħ fil-Libja kien f’mument meta kollox kien perfett biex dawn il-qawwiet jattakkaw.
B’differenza minn Gaddafi, Assad dejjem ħa ħsieb li jkollu armamenti tajbin, kemm fl-ajru u l-baħar. Dan joħroġ minn rapport ieħor ippubblikat din id-darba mill-‘iStockholm International Peace Research Institute’ (SIPRI) li jsemmi l-lista ta’ armi li Assad xtara mingħand ir-Russi. Dawn is-sistemi ‘state-of-the-art’ kollha waslu fis-Sirja fl-aħħar sena minn meta beda l-kunflitt.

Armi ‘state-of-the-art’

Fost l-oħrajn, ir-Russja bagħtu 36 missila Pantsyr-SI għal kontra l-ajruplani. Dawn il-missili jistgħu jitpoġġew fuq wara ta’ trakk u tkun diffiċli għall-ajruplani biex jirnexxilhom jimmiraw fuqhom. Hu maħsub ukoll li r-Russja għamlet modifiċi fuq l-ajruplani MiG-29 tas-Sirja u fuq it-tankijiet tal-gwerra T-72. Tpoġġew armi iżjed moderni u dawn fil-fatt dehru f’ċerti filmati li nġibdu fl-aħħar jiem.
Barra minn hekk, ir-Russja bagħtet ukoll missili oħrajn ta’ kontra l-ajruplani, fosthom madwar 40 missila SA-17 Grizzly u żewġ sistemi SA-17 Buk. Iżda dan mhux kollox. F’Jannar, Assad ħabbar ftehim ta’ $550 miljun mar-Russja għal 36 ajruplan Yak-130 tal-gwerra u għat-taħriġ. Agħar minn hekk, Assad xtara wkoll armi bijoloġiċi u kimiċi li għalkemm għadu m’użahomx jista’ jħallihom bħala l-aħħar possibbiltà.
Dan kollu jagħmilha ferm aktar diffiċli li l-qawwiet tal-Punent jaqbdu u jiddeċiedu li jattakkaw lis-Sirja. Fil-każ tal-Libja dan seħħ għax Gaddafi kellu armi antiki u l-ordni għal sitt ajruplani Yak-130 kienet għadha ma waslitlux.
Minkejja li fid-dehra l-kun-flitt tal-Libja kellu jkun wieħed ferm iżjed faċli minn dan tas-Sirja, fil-verità l-qawwiet tal-Punent xorta batew u għalhekk wara din l-esperjenza l-politiċi qegħdin jibżgħu ferm aktar.
Meta attakaw lil Gaddafi, il-qawwiet tal-Punent sabu li kien ferm diffiċli li jegħlbuh u minkejja li fil-Ġnus Magħquda kienu ftehmu li kellha tkun operazzjoni tal-inqas livell u għall-inqas żmien possibbli, fil-verità spiċċat gwerra li ħliet ħafna enerġija lill-qaw-wiet militari Ewropej li tajru mad-90% tal-qawwiet militari tagħhom. Fil-fatt, skont ir-RUSI, tant kemm ittajru ajruplani Ingliżi kuljum lejn il-Libja li l-ispazju tal-ajru Ingliż spiċċa f’sitwazzjoni ferm vulnerabbli. Barra minn hekk, ħafna mill-ajruplani wżati fil-Libja kellhom nuqqas ta’ armi biex ilaħħqu ma’ kif bdew mexjin l-affarijiet.
Din l-esperjenza qiegħda tagħmilha ferm diffiċli għall-mexxejja politiċi biex jaqbdu u jidħlu f’dan il-kunflitt hekk kif jista’ jkollhom riskji ferm akbar. Dan kollu minkejja li s-sitwazzjoni fis-Sirja hi ħafna minn dik li kien hemm fil-Libja f’Marzu tas-sena li għaddiet. Hu kkalkulat li s’issa fis-Sirja nqatlu mat-8,000 persuna f’sena ta’ kunflitt.

Assad għandu l-ħbieb

Raġuni oħra li qiegħda ddewwem kull azzjoni hi li r-Russja ma tridx toħodha kon-tra Assad, hekk kif għandha bażi navali fil-port ta’ Tartus fis-Sirja. Il-mexxejja Russi ħassew li dawk tal-Punent ma qalulhomx l-istorja kollha fil-każ tal-Libja, meta suppost kellha tkun biss operazzjoni biex jipproteġu liċ-ċivili u mhux biex ineħħu lil Gaddafi. L-istess bħalhom taħsibha wkoll iċ-Ċina.
Bil-kontra ta’ Gaddafi, Assad għandu ħbieb importanti u jidhru li mhumiex qegħdin jabbandunawh. Gaddafi sa ċertu punt kien tefa’ l-ġebla fuq saqajh meta stieden lill-qawwiet tal-Punent biex jattakkawh u ħabbar li se joqtol lin-nies bħallikieku kienu ġrieden.
Problema oħra li uffiċjali Amerikani semmew ma’ ‘The New York Times’ hi li l-gvern Amerikan qed isibha ferm diffiċli li jikkomunika ma’ dawk li qegħdin jiġġieldu kontra Assad. Barra minn hekk, hemm biża’ li jista’ jkun hemm iżjed qtil u tixrid ta’ demm fit-tranżizzjoni politika jekk dan ikollu jitneħħa.

L-Istati Uniti mbeżżgħin mill-konsegwenzi

Filwaqt li hemm diversi politiċi u attivisti Amerikani li qegħdin jissuġġerixxu li għandha tittieħed azzjoni minnufih (possibilment anke militari), dak li seħħ fl-imgħoddi qed iġiegħel lill-Amerikani jaħsbuha darbtejn.
F’ittra miftuħa li bagħtu fi Frar lill-President Obama, 56 politiku konservattiv u attivisti politiċi esperti fil-politika barranija – fosthom William Kristol, Max Boot, Elizabeth Chebey u oħrajn li kellhom x’jaqsmu fil-gwer-ra “diżastruża” tal-Iraq – urew it-tħassib tagħhom li Assad jista’ jkun ta’ theddid għas-sigurtà nazzjonali tal-Amerika. Fl-istess ittra, dawn l-istess politiċi jissuġġerixxu li għandha tittieħed azzjoni im-medjata biex jitwaqqaf Assad.
Fil-verità s-sitwazzjoni hi ferm iżjed ikkumplikata għall-Amerikani. Il-popolazzjoni tas-Sirja hi magħmula minn gruppi ta’ nies ta’ reliġjonijiet u ideoloġiji differenti u s-sitwazzjoni mhijiex biss ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin.
Il-popolazzjoni hi maqsuma bejn Sunni Għarab, Kristjani, Alawiti, Shiiti, Druze, u bosta minoranzi oħrajn. Assad hu minn familja tal-Alawiti li stabbilixxew ruħhom matul l-40 sena li għamlu jmexxu, hu u missieru qablu. Dawn jidhru li jżommu mat-twemmin u l-ideoloġiji tagħhom u li jafhom kulħadd. Ma jistax jingħad l-istess għal dawk kontra Assad fejn għadu mhux ċar x’ideoloġiji jħaddnu. Jidhru li jħaddnu anke elementi Iżlamiċi u possibilment anke konnes-sjonijiet ma’ al-Qaeda. Dan kollu jġiegħel lill-mexxejja Amerikani u anke tal-Punent biex jaħsbuha darbtejn qa-bel ma jieħdu azzjoni li jaf jiddispjaċihom minnha wara.
Fil-gwerra tal-Iraq, il-politiċi u l-istrateġisti nsistew li l-Iraqqini kienu se jilqgħuhom bħala s-salvaturi tagħhom. Fil-verità, mietu mal-4,000 Amerikan, 100,000 suldat Iraqqin u ntefqu mat-$850 biljun mit-taxxi Amerikani. Min issuġġerixxa din l-az-zjoni żgur li ma kienx ħaseb fil-konsegwenzi. Fil-fatt, anke l-mira li jkun hemm id-demokrazija fl-Iraq ukoll qiegħda tbatti maż-żmien.
L-istess seħħ fil-Libja. Fost l-ewwel azzjonijiet tal-Kunsill tat-Tranżizzjoni kienet li jdaħħal il-liġi tax-Sharia. Dan qed jerġa’ joħloq kunflitti u  jissemmew diversi każi ta’ korruzzjoni u brutalitajiet. Għalhekk, l-Istati Uniti qegħ-din joqogħdu attenti li ma jagħmlux l-istess żbalji li għamlu.

Wednesday, April 11, 2012

Il-‘pitch’ tal-waterpolo ta' Birzebbuga baqa’ ma wasalx





Resident urtati
Bosta residenti minn Birżebbuġa jinsabu urtati għall-fatt li minkejja li għal diversi snin ġew imwegħdin ‘pitch’ tal-waterpolo ġdid dan baqa’ qatt ma wasal. Mhux hekk biss, talli l-‘pitch’ l-antik tkisser u tħalla fi stat diżastruż bil-konsegwenza li qed ikun ta’ perikli għat-tfal u għal dawk li jmorru f’dawn in-naħat.
Dan il-‘pitch’ ilu jissemma mill-2003 meta l-Birzebbuga Sports Club kienu applikaw quddiem il-MEPA għall-permess biex jitwaqqa’ l-‘pitch’ l-antik u minfloku jinbena wieħed ġdid, flimkien ma’ faċilitajiet oħrajn u anke tisbiħ tal-‘promenade’. Il-MEPA kienet approvat din l-applikazzjoni iżda l-proġett ma kienx ġie mwettaq. 
Aktar tard, fl-2006 reġgħet intefgħet applikazzjoni oħra għat-twaqqiegħ tal-pixxina li wkoll kienet ġiet aċċettata. Minkejja dan kollu, il-‘pitch’ baqa’ qatt ma sar u meta morna fuq il-post stajna naraw li jinsab fi stat qawwi ta’ abbandun, fejn joffri biss perikli u lok għal kull tip ta’ abbużi. Dan kollu meta hemm tabella “Works in Progress” li tindika li bħalissa hemm ix-xogħlijiet għaddejjin.

Ilmenti fuq Facebook
Intant, ir-residenti ta’ Birżebbuġa ħadu l-okkażjoni tat-tnedija tal-grawnd tal-Fgura biex ikomplu jwasslu l-weġgħat tagħhom mas-Segretarju Parlamentari għall-Isports Clyde Puli.
Filwaqt li kien hemm min gerger dwar diversi grawnds tal-futbol li għadhom ma sarux, oħrajn urew it-tħassib tagħhom dwar il-‘pitch’ tal-waterpolo. Uħud gergru li f’Birżebbuġa jsiru biss proġetti industrijali li minnhom igawdi l-pajjiż kollu filwaqt li oħrajn ilmentaw li wliedhom mhumiex inqas minn ta’ ħaddieħor u għandhom ikollhom l-istess faċilitajiet sportivi meħtieġa. 
B’reazzjoni għal dawn id-diversi kummenti li rċieva, is-Segreatrju Parlamentari tenna kemm-il darba li se jsiru diversi grawnds tal-futbol iżda qatt ma semma x’se jsir dwar il-‘pitch’ tal-waterpolo. 
Anke meta kellu kumment dirett minn resident li semma li kellha ssir konferenza tal-aħbarijiet fl-aħħar tas-sajf li għadda biex jingħad li se jibda l-proġett tal-‘pitch’ tal-waterpolo, Puli għażel li jdawwar id-diskors fuq il-grawnds tal-futbol u injora kompletament il-‘pitch’ bħallikieku qisu ma jafx li jeżisti wieħed.
mfarrugia@unionprint.com.mt

Sunday, April 1, 2012

Il-koppji moderni... tkompli l-bidla fir-rwoli







Kunflitt li spiss jinqala’ bejn il-koppji hu dwar kemm kull membru jagħti sehmu fil-ħajja ta’ kuljum. Il-kunflitt ikun akbar meta jkun hemm ukoll it-tfal, li jridu min jieħu ħsiebhom u li l-piż tagħhom jibda jinħass aktar fuq il-ġenituri.
Maż-żmien, ir-rwoli tal-membri f’koppja nbidlu. Filwaqt li fl-imgħoddi kellek lir-raġel li kien l-uniku wieħed li jaqla’ l-għajxien għall-familja, illum il-mara qiegħda tistabbilixxi postha f’pożizzjonijiet importanti fil-postijiet tax-xogħol u għalhekk qed ikun hemm bżonn li jintlaħaq kompromess biex jitmexxew l-affarijiet ta’ bejn ix-xogħol u d-dar.

In-nisa u l-irġiel jaħdmu ndaqs

Minkejja dan, minn studji li saru u kif irrapportat fir-rivista ‘TIME’ jirriżulta li llum il-ġurnata r-raġel u l-mara qegħdin jaħdmu kważi l-istess ammont ta’ sigħat fil-ġimgħa. Iżda huwa veru wkoll li n-nisa li jkollhom tfal żgħar iqattgħu ħafna iżjed ħin id-dar u mat-tfal, filwaqt li l-irġiel tagħhom iqattgħu iżjed ħin fuq il-post tax-xogħol.
Skont l-informazzjoni riċenti ppubblikata mill-‘US Bureau of Labor Statistics’ dwar nisa u rġiel miżżewġin, li jaħdmu u li għandhom it-tfal, in-nisa jaħdmu (xogħol imħallas jew le) biss 20 minuta iżjed fil-ġurnata mill-irġiel.
Dan ifisser li allura dawk in-nisa li jħossu wisq pressjoni fuqhom għandhom ifittxu raġuni oħra, lil hinn mill-irġiel tagħhom, f’min iwaħħlu għal dan l-istress żejjed li jista’ jkollhom.
L-istess ħareġ minn stħarriġ li għamlu t-tliet ekonomisti; Michael Burda mill-Università ta’ Humboldt f’Berlin, Daniel Hamermesh mill-Università ta’ Texas u Philippe Weil mill-Università ta’ Brussell. Dawn għamlu stħarriġ li fih kienu nvoluti 25 pajjiż, uħud sinjuri bħall-Istati Uniti u l-Ġermanja, oħrajn foqra bħall-Madagascar u oħrajn fit-triq tan-nofs bħall-Ungerija, il-Messiku u s-Slovenja. In-nies li kienu intervistati kienu mistoqsijin kif iqattgħu l-ġurnata tagħhom u ntalbu jiktbu djarju biex jispjegaw kif iqattgħu ħinijiet differenti tal-ġurnata.
L-24 siegħa nqasmu f’erba’ kategoriji; jiġifieri x-xogħol li jsir bi ħlas, ix-xogħol tad-dar u mat-tfal, il-ħin tal-irqad, tal-ikel u bżonnijiet naturali u l-ħin ta’ mistrieħ.
Mir-riżultati li nkisbu rriżulta li madwar id-dinja l-irġiel għadhom iqattgħu iżjed ħin fuq il-postijiet tax-xogħol filwaqt li n-nisa jagħmlu aktar xogħol fid-dar. Fil-pajjiżi sinjuri, l-irġiel jaħdmu madwar 5.2 sigħat fuq il-post tax-xogħol tagħhom filwaqt li jwettqu 2.7 sigħat ta’ xogħol fid-dar. Min-naħa l-oħra, in-nisa jaħdmu madwar 3.4 sigħat fuq il-postijiet tax-xogħol u jaħdmu 4.5 sigħat oħra d-dar. Meta tgħodd il-kontribut li jagħtu ż-żewġ naħat it-total jammonta għall-istess numru ta’ sigħat. It-total hu ta’ 7.9 sigħat. Jidher naqra baxx għax fir-riżultati hemm imdaħħlin ukoll tmiem il-ġimgħa u fost l-adulti li kienu studjati hemm ġenituri li joqogħdu d-dar u dawk li jaħdmu u adulti oħrajn.
Fl-Iżvezja, fin-Norveġja u fl-Olanda, l-irġiel jaħdmu iżjed min-nisa għalkemm ftit biss. Fil-Belġju, fid-Danimarka u fl-Ingilterra n-nisa jaħdmu ftit iżjed. Id-differenza tidher l-iżjed f’pajjiżi bħall-Italja fejn in-nisa jaħdmu tmien sigħat filwaqt li l-irġiel jaħdmu biss 6.5 sigħat u fi Franza fejn in-nisa jaħdmu 7.2 sigħat u l-irġiel jaħdmu 6.6 sigħat.
Dan l-istudju serva biex biddel il-fehma ta’ bosta nies, anke dawk li huma esperti dwar dan is-suġġett. Fil-fatt, 54% tal-ekonomisti u 62% tal-istudenti tal-ekonomija kienu jaħsbu li n-nisa jaħdmu iżjed mill-irġiel, l-istess bħalma kienu jaħsbu 70% tal-soċjologi.
Mill-istudju ħareġ ukoll li l-irġiel għalkemm jaħdmu daqs in-nisa mbagħad jieħdu iżjed ħin ta’ mistrieħ. Dan minħabba l-fatt li jorqdu inqas u jaħlu inqas ħin fuq bżonnijiet naturali. Barra minn hekk instab li filwaqt li n-nisa f’pajjiżi sinjuri jaħdmu daqs l-irġiel, in-nisa jaħdmu iżjed fil-pajjiżi foqra.

Ix-xogħol tad-dar


Minkejja li l-membri tal-koppja jagħmlu l-istess am-mont ta’ xogħol, in-nisa xorta għadhom fuq quddiem fejn jidħol ix-xogħol fid-dar. Skont figuri maħruġin mill-Istitut tar-Riċerka dwar il-Politika Pubblika (IPPR), tmienja minn kull għaxar nisa miżżewġin fl-Ingilterra jagħmlu iżjed xogħol fid-dar mill-irġiel tagħhom. Hu biss raġel minn kull għaxra miżżewġin li jagħmlu l-istess ammont ta’ xogħol fid-dar daqs in-nisa tagħhom u l-istess ammont jagħmlu iżjed minnhom.
Dan ifisser li minkejja l-bidla fiż-żminijiet xorta waħda l-affarijiet ma tantx inbidlu fejn jidħol ix-xogħol fid-dar. Fil-fatt, f’kumment mid-direttur tal-IPPR, Nick Pearce, hu qal li n-nisa xorta għadhom iġorru l-biċċa l-kbira tax-xogħol fid-dar, l-aktar wara li jkollhom it-tfal. Qal ukoll li meta jkollhom paga ogħla allura jkunu jistgħu jilħqu ftehim mal-irġiel tagħhom u għalhekk dan il-pass jista’ jgħin ħafna.
Dan l-istitut tar-riċerka talab li l-irġiel jibdew jaħdmu iżjed fuq bażi flessibbli u jieħdu iż-jed responsabbiltà biex jieħdu ħsieb it-tfal u d-djar tagħhom.
Intant, il-websajt ‘Netmums’ sabet li n-nisa jħossuhom obbligati li jagħmlu x-xogħol tad-dar jekk l-irġiel tagħhom ikunu jġibu l-paga d-dar. Minkejja dan, iħossu li hi l-aktar ħaġa stressanti f’ħajjithom.

Kif qegħdin jinbidlu r-rwoli

Fi żmien ir-riċessjoni ntilfu ħafna postijiet tax-xogħol. Fost dawn 80% minnhom kienu ta’ rġiel. Dan wassal biex għall-ewwel darba n-nisa kienu l-iżjed li jaħdmu fl-Istati Uniti. L-irġiel li tilfu xogħlhom kienu jaħdmu fil-kostruzzjoni jew fil-finanzi, filwaqt li n-nisa kienu jaħdmu fl-oqsma tal-edukazzjoni jew tas-saħħa, oqsma li fihom dejjem ikun hemm talba għall-ħaddiema. Hekk kif l-irġiel tagħhom spiċċaw bla xogħol, dawn in-nisa bdew jipprovdu huma l-għajxien għall-familja tagħhom. L-irġiel kellhom jibdew jieħdu ħsieb huma tal-affarijiet tad-dar.
Minkejja dan, ma kinitx biss ir-riċessjoni li bidlet ir-rwoli tal-membri fil-koppji. In-nisa bdew joħorġu jaħdmu fit-Tieni Gwerra Dinjija. Filwaqt li l-irġiel kienu jmorru għall-gwerra, huma kienu jmorru jaħdmu fil-fabbriki u fl-uffiċċji. Wara li spiċċat il-gwerra n-nisa reġgħu marru lura d-dar iżda bejn is-snin sittin u sebgħin saret bidla fejn in-nisa bdew ifittxu karriera barra minn djarhom.
Fl-aħħar żminijiet l-irġiel qegħdin juru l-interess li jibdew jieħdu ħsieb huma tad-dar u tat-tfal.
Din il-bidla mhix waħda faċli. Mhix faċli għal raġel li jaċċetta li ma jkunx hu li jġib il-paga d-dar u lanqas mhi faċli għan-nisa għax isibu diversi problemi bħal pagi inqas u diffikultajiet biex javvanzaw fil-pożizzjoni tal-karriera tagħhom.
Barra minn hekk, jibdew ħerġin problemi oħrajn bejn dawk l-ommijiet li jaħdmu u l-oħrajn li ma jaħdmux dwar min jagħmel l-iżjed ħsara lill-ulied.
Problemi oħra huma li minkejja li l-irġiel jista’ jkun li kellhom joqogħdu d-dar biex jieħdu ħsieb tad-dar u tal-familja, mhux bilfors li refgħu r-responsabbiltà tal-biċċa l-kbira ta’ dan ix-xogħol. Fil-fatt, kif irrapportat ‘The New York Times’, l-irġiel mingħajr xogħol iqattgħu ħin jieħdu ħsieb it-tfal daqs in-nisa tagħhom li jaħdmu.
Li hu żgur hu li llum il-ġurnata r-rwoli tal-membri f’koppja saru inqas stretti u jadattaw skont iċ-ċirkostanzi li jinqalgħu.

In-nisa jfittxu aktar li jibnu karriera

Minbarra ċ-ċirkostanzi li wasslu lin-nisa biex joħorġu jaħdmu, illum il-ġurnata n-nisa qegħdin juru interess minnhom infushom li jibnu karriera fejn ikollhom ċerta responsabbiltà. Fil-fatt qegħdin ikunu kważi fuq l-istess livell tal-irġiel fl-interess u fl-ambizzjoni biex ikollhom xogħol li jinvolvi responsabbiltà.
Dan ħareġ minn stħarriġ li sar fl-Istati Uniti u juri wkoll li l-ommijiet urew iżjed interess għal xogħlijiet ta’ responsabbiltà minn nisa li m’għandhomx tfal.

Għadhom jemmnu fir-rwoli tradizzjonali

B’sorpriża kbira u kontra dak kollu mistenni, kważi l-istess ammont ta’ rġiel u nisa għadhom jemmnu fir-rwoli tradizzjonali tal-membri f’koppja. Barra minn hekk, l-akbar bidla fil-viżjoni dwar ir-rwoli fil-koppja saret mill-irġiel fejn jidher li dawk li huma f’koppja fejn it-tnejn jaħdmu, l-irġiel bidlu l-attitudni tagħhom. Fil-fatt, jidher ukoll li l-irġiel qegħdin jipprovaw jerfgħu iżjed responsabbiltà tax-xogħol fid-dar u anke tat-tfal. Ir-rapport jgħid ukoll li din il-ħaġa qiegħda tkun aċċettata mis-soċjetà u l-irġiel jistgħu jagħtu aktar sehemhom fil-kura tat-tfal, fit-tisjir u fit-tindif tad-dar. 

In-nisa jirrikonoxxu l-għajnuna li jsibu mill-irġiel tagħhom

Grupp ta’ nisa intervistati minn ‘Il Corriere della Sera’ spjegaw li grazzi għall-irġiel tagħhom setgħu jsibu xogħol li jogħġobhom u jieħdu ħsieb anke ta’ wliedhom. Ifaħħru l-kontribut li jagħtu l-irġiel tagħhom fil-kura tat-tfal u jaraw li dan wassal ukoll biex l-irġiel tagħhom skoprew iżjed il-paternità tagħhom.
Anke jekk mhux dejjem jagħmlu kollox eżatt kif ikunu jixtiequ huma, xorta waħda raw bidla fejn l-irġiel tagħhom qegħdin jagħtu iżjed attenzjoni u jipprovaw jgħinu mill-aħjar li jistgħu.

Diffikultajiet

Fl-istess intervisti, kważi nofs in-nisa spjegaw li wara li kellhom it-tfal kellhom ibiddlu x-xogħol tagħhom. Jew naqqsu l-ammont ta’ sigħat li jaħdmu jew inkella sabu xogħol ieħor. Spjegaw ukoll li fl-Italja r-rata tat-twelid tat-tfal hi baxxa ħafna u hemm relazzjoni bejn in-nuqqas ta’ pagi li bihom jistgħu jfendu l-familji u li l-ommijiet jipposponu li joħorġu tqal. Dan kollu minkejja li ħafna nisa stqarrew li jixtiequ jkollhom it-tfal.

Pagi inqas għan-nisa?

Minkejja l-iżviluppi li qegħdin isiru, xorta għad fadal differenza fil-pagi li jaqilgħu n-nisa mqabblin mal-irġiel. Ir-raġunijiet għal dan jistgħu jkunu differenti u rapport tal-‘General Accountability Office’ tal-Istati Uniti jipprova janalizza x’jistgħu jkunu r-raġunijiet. Fosthom isemmi li jista’ jkun li n-nisa mhux dejjem jaħdmu fuq skeda ta’ fultajm jew inkella jistgħu jitilqu mix-xogħol għal perjodi itwal mill-irġiel. Dan iwassal għal differenza bejn il-pagi li jaqilgħu t-tnejn.
Barra minn hekk, filwaqt li għall-irġiel li jkollhom it-tfal din taħdem bħal stimulu ħalli jaqilgħu iżjed flus għall-familja, għan-nisa din ikollha effett negattiv għax ikollhom bżonn jieħdu ħsieb ta’ wliedhom.
Għaldaqstant, l-ammont ta’ ‘leave’ li jittieħed mill-ommijiet biex jieħdu ħsieb tal-familja u tat-tfal ikun ħafna aktar.

mfarrugia@unionprint.com.mt