Xettiċiżmu dwar kemm l-ekonomija Maltija hi soda Madwar id-dinja għaddejja kriżi ekonomika qawwija li affettwat b’mod partikolari lill-Ewropa. Din is-sitwazzjoni qiegħda taffettwa wkoll lil Malta li tinsab fl-Ewropa u li flimkien ma’ 17-il pajjiż ieħor tħaddem munita komuni għal din iż-żona. Tkellimt ma’ Dr Alfred Sant, li hu ekonomista u eks-Prim Ministru ta’ Malta, biex ifehemna eżatt x’qed jiġri u x’sehem għandha Malta f’din il-problema hekk delikata. ![]() Mill-bidu nett, il-binja tal-ewro kienet difettuża bil-kbir. Għalhekk mhix qiegħda tilqa’ għad-daqqiet finanzjarji qawwijin li neżlin fuqha. Hi binja maħsuba bħala proġett politiku, mingħajr ma ngħata qies biżżejjed tal-konsegwenzi ekonomiċi li t-tħaddim tal-ewro se jġib miegħu. Biex tagħqad, il-problemi taż-Żona Ewro bdew fl-istess żmien li ħerġet fil-beraħ kriżi oħra aktar wiesgħa fit-tmexxija tal-ekonomija dinjija. Fl-aħħar 30 sena, din saret waħda dejjem aktar magħquda u globalizzata, imfassla fuq il-prinċipju ta’ suq wieħed, suq kapitalista. F’dan is-suq, l-aqwa interess hu li tkabbar kemm tista’ l-profitti tal-impriżi b’regoli li mad-dinja kollha, jiffavorixxu l-kummerċ ħieles fil-materji primi, fil-prodotti u s-servizzi, fix-xogħol tal-ħaddiema u fil-kapital. Minkejja dan, skont Sant il-kriżi tal-ewro xorta kienet isseħħ kieku ma kellniex il-kriżi tad-dinja kapitalista u bl-istess mod anke l-kriżi tad-dinj kapitalista kienet isseħħ xorta li kieku ma seħħitx il-kriżi tal-ewro. Iżda li t-tnejn żviluppaw fl-istess żmien qed ikattar l-għejjun ta’ kriżi, għax xrar ta’ waħda qegħdin itiru fuq l-oħra u joħolqu xrar ġdid. X'hemm hazin Dwar x’hemm ħażin fil-mod kif inhi mibnija ż-Żona Ewro, Sant qalilna li f’art fejn qiegħda titmexxa l-istess munita, hemm ħtieġa li jittieħdu wkoll l-istess deċiżjonijiet ekonomiċi – dwar taxxi, prezzijiet, xogħol, investiment fost l-oħrajn. Jekk le, jista’ jqum diżgwit sħiħ bejn parti mill-art, fejn ngħidu aħna, gvern li għandu defiċit kbir fil-baġit tiegħu u parti oħra fejn il-Gvern qed idaħħal flus aktar milli qed jonfoq. Inkella bejn parti fejn il-prezzijiet telgħin bil-kbir u oħrajn fejn il-prezzijiet neżlin. Meta tgħid li jridu jittieħdu l-istess deċiżjonijiet ekonomiċi jfisser li jrid ikollok gvern wieħed. Iżda l-pajjiżi Ewropej u ċ-ċittadini tagħhom f’maġġoranza kbira ma jridux dan, anke jekk klikek (elites) li huma influwenti u għandhom poter kbir fl-Ewropa ilhom jimbottaw għal għaqda Ewropea sħiħa, bi gvern wieħed għall-Ewropa kollha. Quddiem ir-rifjut tal-popli Ewropej li jċedu s-sovranità tagħhom, anke meta l-istess popli xtaqu għaqda akbar fost l-Ewropa, il-proġett tal-ewro tfassal biex idaħħal munita waħda mal-Ewropa mingħajr ma għalissa jimmina wisq is-sovranità tal-pajjiżi nazzjonali. Dan sar billi jipprova jirranġa ħalli fost il-pajjiżi membri tal-UE li jkollhom l-ewro bħala munita nazzjonali, iseħħ tqarrib fit-tmexxija ekonomika tagħhom. Qablu biex kollha jżommu mal-istess miri fid-direzzjoni finanzjarja permezz ta’ ftehim imsejjaħ il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Imexxu kif imexxu l-ekonomija tagħhom, skont dan il-patt kellhom eżempju, jiżguraw li d-defiċit fil-baġit tal-Gvern kull sena ma jogħliex aktar minn 3% tal-ekonomija tagħhom u li d-dejn nazzjonali ma jkunx akbar minn 60% tad-daqs tal-ekonomija tagħhom. B’dan il-mod ħasbu li jistgħu jersqu lejn għaqda akbar fl-ekonomiji u l-finanzi tal-pajjiżi Ewropej, waqt li jevitaw id-dubji ta’ dawk li jemmnu f’ideal differenti għall-Ewropa. Sant qal li sakemm kien kollox kalm irnexxielhom u l-ewro dehret munita qawwija. Imma intant, b’din is-sistema kien hemm ekonomiji li marru tajjeb ħafna – bħall-Ġermanja li setgħet tbiegħ dejjem aktar lil pajjiżi oħrajn fiż-Żona Ewro għax kellhom il-munita komuni – u kien hemm pajjiżi bħall-Greċja u l-Portugall li waqgħu lura. Biex jixtru kienu jinqalgħu, filwaqt li biex jipproduċu u jbigħu wisq inqas. Din il-ħaġa setgħet tinħeba, għax l-istess pajjiżi kienu jużaw l-istess munita bħal tal-Ġermanja. Setgħu jissellfu b’rata ta’ imgħax baxxa, għax kulħadd qies li l-munita tagħhom kellha l-istess saħħa bħal tal-Ġermanja. Biex ikomplu jonfqu, dawn il-pajjiżi u l-gvernijiet isssellfu bil-kbir, mhux l-inqas minn banek Ġermaniżi u Franċiżi. Il-bużżieqa nfaqgħet meta nstab li ma kellhomx biex iħallsu għal dak li sselfu, jew meta riedu jissellfu flejjes ġodda ħalli jroddu lura s-self tal-imgħoddi. Din il-ħaġa rajniha tiġri fil-Greċja, fl-Irlanda, fil-Portugall u b’mod inqas qawwi iżda iżjed inkwetanti għax qed nitkellmu f’pajjiżi wisq akbar, fi Spanja u fl-Italja. Hawn jinsab l-għerq tal-kriżi finanzjarja fl-Ewropa. Effettivament ir-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir baqgħu fuq il-karta. Sal-lum, il-pajjiżi kollha tal-ewro f’xi ħin jew ieħor kisruhom u għadhom jiksruhom. Malli qam l-għawġ f’uħud mill-pajjiżi tal-ewro għax ma setgħux isostnu d-dejn tagħhom, id-difetti fil-binja taż-Żona Ewro dehru ċar, li l-għawġ kompla jinfetta dejjem aktar pajjiżi. L-Ewropa u d-dinja Sant spjega li meħuda bħala suq wieħed, l-ekonomija tal-UE hi l-akbar blokk ekonomiku tad-dinja u ż-Żona Ewro tagħmel l-akbar parti mis-suq Ewropew. Għalhekk, li jiġri f’din iż-żona jaffettwa lid-dinja, kif dak li jiġri fid-dinja, l-aktar fl-Istati Uniti, fil-Ċappun, fiċ-Ċina u dan l-aħħar anke fl-Indja jaffettwaw liż-Żona Ewro. Ftit qabel faqqgħet il-kriżi tal-ewro, is-swieq dinjin kienu ntlaqtu minn kriżi finanzjarja kbira. Fl-aħħar 30 sena, tneħħew ħafna barrieri għall-kummerċ bejn il-pajjiżi. In-negozju kiber b’rata qawwija mad-dinja kollha, bil-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji fuq quddiem nett biex jipprovdu finanzi mad-dinja kollha ħalli jitimgħu investiment u proġetti ġodda, kif ukoll biex jiffinanzjaw il-kummerċ. Kumpaniji kbar ta’ daqs dinji żdiedu fin-numru u fis-saħħa. Stagħnew l-aktar il-banek u istituzzjonijiet finanzjarji. Inħolqu swieq enormi ta’ fondi, fi triljuni ta’ valuta, li setgħu jiġu investiti mad-dinja kolha skont l-opportunitajiet li jinqalgħu. Fejn jitfaċċa l-għawġ, dawn il-fondi jaraw kif isibu post ieħor fejn imorru, u jimirħu permezz tal-banek mad-dinja kollha. Is-suq tal-proprjetà fl-Istati Uniti (u f’pajjiżi oħra) kien qasam ewlieni fejn il-banek – speċjalment Amerikani – fittxew li jagħmlu dejjem aktar qligħ. Fil-ġirja għal aktar investiment fil-proprjetà, ħafna banek tilfu s-sens ta’ galbu. Bdew joħorġu obbligi biex jiffinanzjaw xiri ta’ proprjetà fejn kienu jpoġġu fl-istess pakkett, self tajjeb fuq proprjetà ma’ self riskjuż ħafna. L-ammonti totali ta’ offerti bħal dawn laħħaq triljuni ta’ dollari u nxtara minn banek mad-dinja kollha. Imbagħad beda jinstab li wisq mill-assi miżmumin mill-banek kienu dan it-tip. Id-dħul minnhom beda jmajna għax aktar kien hemm self riskjuż jew ħażin milli self tajjeb. Id-dħul tal-banek beda jinxef u ġie jiswihom telf enormi ta’ flus. Bank wara l-ieħor iffaċċja diffikultajiet finanzjarji kbar, uħud fallew, il-banek ma baqgħux jafdaw lil xulxin u n-negozju mad-dinja għoddu ġġammja. Kieku ma kienx għal numru ta’ gvernijiet fl-Ewropa u anke għall-Gvern Amerikan li ppompjaw biljuni kbar ħalli jsostnu l-banek, dawn kienu jfallu. Iżda din il-kriżi laqtet bil-kbir lill-fabbriki u ażjendi mad-dinja kollha. L-effetti tagħha għadhom magħna, fis-sens ukoll li l-banek u l-gvernijiet issa qegħdin joqogħdu attenti li ma jinqabdux f’qagħda fejn ikunu qegħdin iġorru wisq self li jfalli. Iżda hu preċiżament dan li ġara bil-kriżi taż-Żona Ewro. Għal raġunijiet differenti, pajjiżi f’din iż-żona huma midjunin bil-kbir. L-imgħax għal self ġdid beda jitlagħlhom wisq u sfaxxat is-sistema li għax jużaw l-ewro jsibu imgħaxijiet baxxi bħal tal-Ġermanja. Bl-imgħaxijiet il-ġodda, il-gvernijiet, fuq quddiem nett il-Greċja, kienu se jogħtru u jfallu. Jekk ifallu, l-banek li fl-imgħoddi sellfuhom kienu se jispiċċaw b’telf enormi. Skont Sant dan kien u għadu aspett importanti ta’ din il-kriżi. Soluzzjonijiet mill-Ewropa Sant spjega li fl-ewwel linja biex isolvu l-kriżi jiġu l-pajjiżi fiż-Żona Ewro, li aktar ma jgħaddi żmien qegħdin jifformaw grupp għalihom fi ħdan l-UE. Fuq quddiem tiġi l-Ġermanja, minħabba l-kobor u s-saħħa ekonomika tagħha fl-Ewropa, u magħha Franza, għalkemm din qed ikollha tbaxxi rasha għax-xewqat Ġermaniżi. Għall-bidu, il-mexxejja taż-Żona Ewro stennew li l-pajjiżi li jkollhom diffikultajiet isolvuhom waħedhom, mingħajr ma jistrieħu fuq ħadd għax hekk jesiġi l-Pjan ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Malajr deher li hekk il-Greċja kienet se tfalli, ħaġa li ġġib kriżi ta’ fiduċja maż-żona kollha. Imbagħad ftehmu l-pajjiżi tal-ewro li joħorġu flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali self lill-Greċja, biex din ma tissellifx mis-swieq finanzjarji li jkollha tħallashom imgħaxijiet li ma tiflaħx. Is-self li l-pajjiżi tal-ewro silfu lill-Greċja (beda bi €80 biljun u baqa’ tiela’ għal aktar minn €100 biljun) intrabat ma’ kundizjonijiet li bihom il-Greċja kellha ddaħħal miżuri iebsin ta’ awsterità biex tnaqqas l-ispiża tal-gvern – tneħħija ta’ ħaddiema “żejda”, tnaqqis u tneħħija ta’ servizzi soċjali, sussidji, pensjonijiet, eċċ. Imbagħad instab li l-istess rimedju se jkollu jintuża mal-Irlanda u l-Portugall, minkejja dak li jgħid il-Patt ta’ Tkabbir u Stabbiltà. Twaqqaf fond li kellu jiżdied għal darba darbtejn u llum jgħidu li jlaħħaq mat-triljun ewro biex ikun jista’ jagħti spalla lill-gvernijiet li jispiċċaw daharhom mal-ħajt. Is-self mogħti dejjem marbut ma’ kundizzjonijiet ta’ awsterità li qegħdin joħolqu rabja u tbatija soċjali kbira fost il-popli. Barra dan, fi ħdan il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, tfasslu regoli ġodda biex jgħassu t-tmexxija ekonomika u finanzjarja tal-pajjiżi kollha fiż-żona. Din id-darba, iridu jiżguraw li l-istess pajjiżi qegħdin isegwu l-kundizzjonijiet ta’ tnexxija nazzjonali kif maqbula fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-poteri ta’ sorvelja fuq it-tmexxija nazzjonali se jkunu aktar qawwijin. Fejn gvernijiet ma josservawx ir-regoli tal-patt, se jiġu mmultati pieni finanzjarji qawwijin u jkollhom jaċċettaw indħil dejjem akbar fit-tħejjija tal-baġits tagħhom. Skont Sant, dan ifisser tnaqqis fis-sovranità tal-pajjiżi membri fl-ewro u ma jeħodhiex bi kbira jekk fl-aħħar iqanqal diżgwit politiku kbira daqs li dak li qegħdin naraw madwarna rigward it-tmexxija ekonomika u finanzjarja. Minn naħa, il-popli tal-pajjiżi li sejrin “tajjeb” (fuq quddiem il-Ġermanja, iżda anke l-Olanda u l-Finlandja) ma jifhmux għaliex għandhom iħallsu għal min kien “ħali”. Min-naħa l-oħra dawk li qegħdin iġarrbu l-awsterità, ma jifhmux għaliex iridu jġorru daqshekk piż biex “isalvaw” lill-bankiera, fuq quddiem fil-Ġermanja u Franza. Il-problema hi li ż-Żona Ewro kif inhi mfassla, tkun xi tkun il-problema finanzjarja ta’ pajjiż, l-unika soluzzjoni hi l-awsterità. Ma tistax tissolva billi jiġi rranġat il-kambju tal-munita tal-pajjiż, jew billi jiġu rranġati r-rati tal-imgħax intern li jgħoddu għaċ-ċirkostanzi u ma jistgħux jingħataw għajnuniet lill-impriżi għax kontra r-regoli tal-UE. Fl-istess ħin, waqt li l-ekonomija tkun sejra lura, programmi ta’ awsterità jżidu l-piż soċjali u jxekklu t-tkabbir ekonomiku. Intant, fl-aħħar stqarrijiet tal-Kummissjoni Ewropea, fit-tbassir ekonomiku tagħha għall-ħarifa 2011, din issemmi li t-tkabbir ekonomiku reali Ewropew mistenni jkun wieqaf sal-aħħar ta’ din is-sena u li forsi jkun hemm bidu kajman u dgħajjef ta’ tkabbir tard is-sena d-dieħla, iżda li xorta jinħass inċert. Dan juri li hemm inċertezza dwar jekk hux se jerġa’ jkun hemm riċessjoni oħra. F'Malta Meta staqsejt lil Sant dwar is-sitwazzjoni f’Malta, hu qalli li min jemmen li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hi waħda tajba, jew li l-gvern irnexxielu jaħrab mill-kriżi tal-ewro, allura dan qed jiġi aljenat u ngannat bil-propaganda tal-gvern. Fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea (għalkemm miżmuma kunfidenzjali) u fi ħdan analisti indipendenti tal-ekonomija Ewropea, hemm xettiċiżmu dwar kemm l-ekonomija u l-finanzi ta’ Malta jinsabu fis-sod. Aktar kmieni din is-sena, istitut ta’ riċerka politika Ġermaniż, iċ-Ċentru tal-Politika Ewropea fi Friburg, ippubblika studju dwar kemm il-pajjiżi tal-ewro setgħu jilqgħu għall-għawġ finanzjarju, mhux biss billi tħares lejn il-finanzi tal-gvern imma wkoll id-dħul u l-ħruġ tal-pajjiż kollu. Fuq din il-bażi, sabu li Malta kienet flimkien mal-Italja, Ċipru, u l-Portugall fil-kategorija tal-pajjiżi tal-ewro li jinsabu fl-aktar qagħda mwegħra finanzjarjament. Ir-realtà hi li ma’ kull sena, l-ekonomija tagħna qiegħda ssir aktar vulnerabbli u fraġli. Ir-rata tagħna ta’ tkabbir jiddependi fuq l-eżistenza tal-qasam tal-imħatri bl-Internet u tas-servizzi finanzjarji, mentri l-industrija u t-turiżmu baqgħu jitilfu fil-kompetittività tagħhom. L-impjiegi li jinħolqu fil-biċċa l-kbira periferali jew partajm, b’valur miżjud baxx. Il-livelli ta’ investiment fil-pajjiż, kemm pubbliku u privat, hu baxx meta mqabbel ma’ ta’ pajjiżi oħra. Il-konsum tal-gvern, jew in-nefqa rikorrenti, baqa’ jiżdied mingħajr ma żdiedet l-effiċjenza tal-gvern. Intant, kemm ilna membri tal-UE, l-iżbilanċ kummerċjali mal-Ewropa baqa’ jikber u dan mhux għax il-Maltin bdew jixtru mill-Ewropa dak li qabel kienu jixtru minn barra l-Ewropa. Kieku ġara hekk, kieku d-defiċit kummerċjali mal-Amerika kien jiċkien, meta fil-fatt dan żdied. Il-pajjiżi tal-ewro f’diffikultà kellhom problemi u piżijiet simili ħafna għal dawn qabel ma daħlu fil-kriżi. Lejn ix-xifer Dr Sant spjegali li bil-politika li miexi biha l-gvern, se jkun faċli naslu fix-xifer. Jistgħu jinqalgħu żbilanċi kbar u f’daqqa li ma nkunux nistgħu nilqgħu għalihom. Raġuni għal dan hi li l-kompetittiv koll li fil-baġit tal-2012 il-gvern mhu qed jagħmel xejn serju biex jinvesti bil-galbu fi proġetti li jsaħħu l-kompettività. Li għandu favur tiegħu l-gvern hu l-fatt li ħafna mis-self tal-gvern isir Malta minn fost il-Maltin – imma l-Italja bdiet ukoll minn diin il-pożizzjoni. Punt ieħor hu li l-livelli ta’ aspirazzjoni fost il-Maltin, baqgħu baxxi ħafna. L-ebda pajjiż ieħor fl-Ewropa ma kien jaċċetta qagħda fejn daqstant ftit mill-poplu jidħlu fid-dinja tax-xogħol, jew fejn ir-rati ta’ titjib ekonomiku jkunu daqstant kajmani għal daqstant snin, jew fejn hemm daqstant firda bejn id-dħul tal-ftit u d-dħul tal-ħafna. Skont Dr Sant, mil-lum għal għada s-sitwazzjoni tista’ ssir tali li jtiru mar-riħ dawn il-fatturi li s’issa jidhru li laqgħuna milli nħossu jw nindunaw bl-effetti fuqna tal-kriżi tal-ewro, minkejja li bqajna nħallu l-ekonomija ssir aktar fraġli. Eżempju, fil-qasam ta’ x’inhu d-dejn li qed iġorr il-gvern, is-sitwazzjoni mhix ċara dwar il-ħafna garanziji li l-gvern u l-korpi tiegħu ħarġu matul is-snin. Dawn il-garanziji ma jidhrux qishom dejn fil-kotba tal-gvern, imma mil-lum għal għada jistgħu jissarrfu fi djun jew agħar. Sant ma jaqbilx mat-tmexxija ekonomika u finanzjarja ta’ dan il-gvern. Iħoss li d-dħul ta’ Malta fl-ewro kien żball għax sar kmieni wisq. Sar meta Malta ma kinitx imħejjija biżżejjed biex issostni l-kompetittività tagħha fi żdan iż-Żona Ewro. Iħoss ukoll li ma nistgħux nibqgħu sejrin għal dejjem b’defiċit kummerċjali li jiżdied mal-UE mingħajr ma jkun hemm konsegwenzi. Issa qed joħroġ ċar li anke l-ewro kienet għadha ekonomikament nejja bħala proġett u qegħdin naraw il-konsegwenzi. Il-gvern mhux qed jirrikonoxxi dan u qed jibqa’ għaddej bl-istess politika tal-aħħar 13-il sena, li rat il-ħidma produttiva Maltija fl-ekonomija reali tmur lura bil-kbir. Sant isostni li politika oħra trid tinbena fuq: il-ħtieġa strateġika li l-investiment kemm pubbliku u privat jissaħħaħ, jiżdied u jsir iżjed effiċjenti; sforz biex in-nefqa rikorrenti tal-gvern tinġieb taħt kontroll fis-sens li tkun ippjanata fuq medda ta’ tliet snin u li jitneħħa minnha kull ħela waqt li jiġu ssettjati prijoritajiet ċari għalxiex u kif għandha tkompli tiżdied; programm wiesa’ biex titjieb l-effiċjenza u l-kompetittività f’kull qasam tal-ħidma ekonomika u soċjali; riekwilibraġġ tal-istruttura tat-taxxi, f’dan is-sens jidher sew li l-VAT serviet biex tkompli tiżdied l-ekonomija s-sewda li f’Malta issa relattivament fost l-akbar fl-Ewropa; u ħidma qawwija kontra l-għoli tal-ħajja, mhux il-gvern innifsu jservi ta’ xprun biex il-prezzijiet jogħlew. Inflazzjoni gholja Dwar dan, Dr Sant qalli li Malta għandna l-problema taċ-ċokon u minħabba li aħna gżira. Jekk ma’ dawn jiżdiedu l-ineffiċjenza, il-korruzzjoni u l-inkompetenza, allura l-ekonomija se tbati. Eżempju r-riforma tat-trasport pubbliku bil-mod diżastruż kif twettqet, barra mill-inkonvenjenza kbira li ġabet lill-familji, ġabet ukoll magħha piżijiet u spejjeż ġodda, li mhux kulħadd għadu qed jagħraf. Biex tiġi miġġielda l-inflazzjoni għolja jrid isir programm sħiħ ta’ ħaidma li għalih ikun hemm l-impenn minn fuq nett tal-gvern u li jitħaddem fuq għadd ta’ livelli: ġlieda kontra l-burokrazija u l-ineffiċjenzi fis-sistema ta’ tmexxija tal-gvern, li trid tipprovdi valur għall-flus; saħħa li tingħata b’mod reali mhux b’ġesti vojta biss lill-ħarsien tal-konsumatur; il-ħlasijiet tal-konsumatur għal servizzi tal-gvern, fosthom dawl u ilma, jinġiebu għal-livelli ta’ pajjiżi oħra permezz ta’ ‘shadow pricing’ ikkalkulat sew; implimentazzjoni ta’ regolamenti li jassiguraw li jkun hemm kompetizzjoni vera, mhux l-inqas fis-settur bankarju u finanzjarju u f’dawk tal-importazzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel, tal-mediċina u prodotti tal-informatika, tal-edukazzjoni u tal-elettronika; inċentivi lil investimenti li jimmodernizzaw impjanti ta’ distribuzzjoni privati u ta’ servizz pubbliku; u investimenti mill-gvern li jsir fil-waqt, bi ħsieb u bil-galbu mhux b’ħafna fanfarri li ġejja riforma kbira u kollox jispiċċa tħarbita manja. Soluzzjoni Ewropea Alfred Sant qalli li l-problema fl-Ewropa hi li l-proġett Ewropew jinsab f’idejn il-klikek stabbiliti u mħallsin tajjeb li jridu li tgħaddi tagħhom akkost ta’ kollox. X’aktarx jirnexxilhom fit-tir tagħhom, għax bnew alleanza ta’ poter qawwija, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar hi anti-demokratika u mhix qiegħda tkun suċċess ekonomiku. Eżempju fl-aħħar snin l-Ewropa kellha l-iċken rati ta’ tkabbir fid-dinja u jidher li dan mhux se jinbidel fiż-żmien li ġej. Fil-kunċett, il-proġett tal-ewro falla. Imma hu proġett politiku tal-klikek li bl-ebda mod mhuma se jżarmawh. Se jagħmlu l-lapazzar politiku u finanzjarju li hemm bżonn, ħaġa li fl-aħħar mill-aħħar se tikkonferma d-dominanza tal-Ġermanja. Minkejja dan, Sant iħoss li mhux ċert jekk il-Ġermanja jridux din id-dominanza fuq il-bqija tal-Ewropa. Kollox juri li l-arranġament fejn il-pajjiżi Ewropej ikomplu jitifu mis-sovranità tagħhom, mhux se joffri garanzija biex it-tkabbir ekonomiku jerġa’ jirranka. Aktar minn hekk, l-isforzi biex iż-Żona Ewro tinżamm fuq saqajha jistgħu jwasslu għal diżgwit politiku kbir. Bħalissa l-kelma fost il-klikek tal-ewro hi li aħjar iħallu lit-teknokratiċi jmexxu, aktar u aktar jekk dawn ikunu jaqblu mal-federaliżmu Ewropew. Il-problema se tkun li jekk jinfirex id-diżgwit politiku ta’ popli li jixbgħu mill-awsterità, l-istituzzjonijiet politiċi se jkunu skreditati, it-teknokratiċi jwarrbu u jgawdu minn dan kollu l-partiti tal-lemin estrem, li aktarma jikber id-dwejjaq tal-poli, aktar isibu fejn jixxalaw. melvindelsol@hotmail.com |
A collection of all the articles I write, and which are usually published in the local newspapers: It-Torca and l-Orizzont. There are also other articles which you can only find on this blog, so please keep coming back! Enjoy your visit
Wednesday, November 30, 2011
X’wassal għall-kriżi finanzjarja fl-Ewropa u x’sehem għandha Malta?
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment