Tuesday, November 15, 2011

X’inhu x-xogħol tal-midja u kemm fil-fatt qiegħda tagħmel xogħolha sew?

Tiżbalja meta tħallat l-opinjoni mal-aħbar

Fid-definizzjoni tra­dizzjonali l-midja għand­ha tin­forma, teduka u tid­de­verti lil min isegwiha. Hekk beda biex jgħidilna d-Dean tal-Fakultà tal-Midja u x-Xjenza tal-Għarfien fl-Uni­ver­sità ta’ Malta, il-Professur u Reveren­du Saviour Chircop (ritratt).
Skont hu, illum tista’ tgħid li l-midja qiegħda tkompli tam­plifika fuq dawn ix-xogħ­lijiet tagħha u meta tie­ħu eżempju l-ġurnaliżmu tara li mhux biss qed iqassam informazzjoni dwar avveni­men­ti li ġraw iżda llum insibu s-sezzjoni ġurnalis­tika tal-opinjonijiet, fejn dak li jkun jiġbor opinjonijiet, fuq bażi ta’ fatti li jkunu qegħdin jiġru, biex tgħin lin-nies jgħaqq­du ġrajjiet li jkunu ġraw u li jekk iddommhom flimkien tara li jieħdu ċerta for­ma.
Jekk nieħdu eżempju l-avve­nimenti li ġraw riċenti fil-Libja, naraw li dawn wa­ħed­hom għandhom sinifikat mod. Iżda jekk tgħaqqadhom ma’ avveni­menti simili li ġraw fl-Eġittu, fit-Tuneżija u fis-Sirja, jieħdu forma u kuntest differenti.
Minflok tara avveniment wie­­ħed waħdu, tarah f’kuntest u fi stampa aktar wiesgħa. Il-Professur Chircop ġabilna eżem­­pju ieħor b’kantuniera li fiha jseħħ inċident tat-traf­fiku. Jekk iseħħ wieħed biss allura jkun avveniment għalih waħdu, iżda jekk fiha jseħħ wieħed kull ġimgħa allura mbagħad l-istorja hi ferm differenti.
Skont Chircop, il-ġurnaliż­mu għandu jkun dak li jgħin biex naraw id-dalma ta’ dik il-ġrajja u naraw jekk aħna nis­tgħux nagħmlu xi ħaġa dwar­ha. Hemmhekk il-ġurnaliżmu jkun ta’ għajnuna u min hu f’po­żizzjoni li jieħu d-deċiż­jo­nijiet jista’ anke jiddeċiedi fuq bażi ta’ dawn l-affarijiet.
Barra dan, il-midja tintuża ħafna għal kampanji biex twas­sal ideat. Eżempju l-kampanja favur il-mammograms fejn wie­ħed jimxi f’ħajtu b’mu­dell pre­ventiv u mhux meta jsib l-għawġ imur għand it-tabib. Meta twassal dawn l-ideat trid tara li tagħtihom bixra li n-nies tifhimhom u li tieħu gost tismagħhom. B’hekk l-objettiv tal-midja jib­da jikber u jifforma. Il-midja hi l-mod kif inwasslu mes­saġġ lil xulxin, id-divertiment lil xulxin u anke nedukaw lil xul­xin. Fil-fatt, il-Professur qal li l-midja għandha storja sa­biħa fl-edukazzjoni li ilha għad­dej­ja għexieren ta’ snin.

X'messagg twassal
Kull min jitħarreġ fil-midja jagħraf li l-mod kif nara l-affa­rijiet jien mhix l-aħħar kelma. Għalhekk il-midja hi mod kif aħna nqabblu l-opinjonijiet biex naslu lejn ċerta reqqa aħ­ħarija. Il-Professur ġab eżem­pju bi sparatura fuq per­su­na. Ma jis­tax ikun li jekk ġur­nalist jgħid li sparaw lil din il-persuna f’rasha u ieħor jgħid li sparawlha f’għonqha t-tnejn ikollhom ra­ġun, sa­kemm ma jkunux sparaw iż­jed minn balla waħda. F’dan il-każ iridu jerġgħu jiċċekk­jaw.
Dan ifisser li jista’ jkollna opinjonijiet differenti dwar av­veniment u għalhekk hemm bżonn li nipprov­du­hom t-tnejn. Hawnhekk forsi fejn marret lura l-midja Maltija.
Skont il-Professur Chircop, meta kellna stazzjon wieħed u ma konniex lanqas biss noħol­mu bil-pluraliżmu, il-kostituzz­joni kienet tpoġġi dmir ta’ bilanċ fuq l-istazzjon. Li ġara maż-żmien bil-pluraliżmu kien hemm min sostna li tikseb bilanċ billi tisma’ l-istazzjonijiet kollha, ħaġa li għall-Professur din ma kinitx de­­­ċiż­joni għaqlija.
Xandir ta’ partit partikolari ovv­ja li se jxaqleb lejn il-partit tiegħu u din ma tiskantahx, iżda b’dan il-mod hu jħoss li żidna l-polarizzazzjoni fit-toroq. Min hu mal-partit tal-papri jisma’ biss x’jgħid il-partit tal-papri u min hu mal-fkieren jisma’ x’jgħid il-partit tiegħu. Meta l-affarijiet għand­hom ikunu li tkun ta’ liema partit tkun għan­dek tisma’ l-opinjoni taż-żewġ partiti u mbagħad tagħmel l-għaż­la tie­għek.
Hu vera li stazzjon wieħed ġeneralment jiġi kkritikat li jin­tuża mill-partit fil-gvern, iżda għandu jkun hemm bilanċ fuq kull stazzjon, anke jekk ikun hemm ħamsa diffe­ren­ti. Kull ud­jenza ta’ kull mezz tal-midja m’għandiex tib­qa’ tara bin-nuċ­ċali tal-bagħal. Trid tkun informata biex imbagħad kulħadd jagħ­mel l-għażliet tiegħu. Kul­ħadd għandu dritt ta’ opinjoni iżda għandu jkun hemm din it-tip ta’ maturità.
Chircop iqabbel il-midja mal-mudell tal-‘billboards’ fejn wie­ħed jikri ‘billboard’, iħallas għalih u anke jitlef il-flus minnu biex iwassal il-mes­saġġ tiegħu. Hu jaħseb li l-mid­ja qatt ma kie­net in­­ten­zjonata għal hekk. Il-mid­ja kienet intenzjonata ħalli n-nies ikollhom aktar infor­mazz­joni f’idejhom ħalli mbagħad iku­nu jistgħu jagħm­lu għażliet aħjar. Jista’ jkun li jkun jogħġobni dak li nara u nisma’ jew jista’ jkun li le. Kulħadd bl-opinjoni tiegħu, iżda b’rispett lejn xulxin hemm nilħqu ċerta maturità meta l-mezzi tal-midja jxandru opinjoni differenti. Inkella se nib­qgħu sejrin li kulħadd jisma’ tiegħu u ovvjament tiegħi dej­jem se jogħġobni.
Dan ma jseħħx f’Malta biss. Li jkun hemm mezz tal-midja li jkollu bixra ssibha kullimkien, iżda li mmorru biss lejn il-bixra esklussiva, dik tidher ħafna f’paj­jiżna. Il-Professur iħoss li kultant qisna qegħdin fil-kruċjati, fejn dak li jkun dej­jem iħeġġeġ lin-nies tiegħu u b’dan il-mod kollha qegħdin nitilfu.

Kampanji elettorali
Għall-Professur Chircop hu in­teressanti kif il-midja tilgħab parti importanti fil-kampanji elet­torali. Fil-fatt, l-akbar spiża tmur biex il-partiti jkomplu jrew­ħu lil dawk li diġà jaqblu magħhom, mudell li fil-verità ma tantx jagħmel sens.
Barra minn Malta jaħdmu b’mod differenti. Ma jużawx ir-riżorsi tagħhom biex jiġbdu nies li jafu li diġà qegħdin magħhom u li se jappoġġjaw­hom meta jiġu għall-vot. Jipp­rovaw jinfluwenzaw nies li huma aktar fin-nofs għax hu diffiċli li ddawwar nies li huma akkaniti ma’ partit. Allura jipprovaw jiġbdu nies li jkunu fin-nofs ħalli l-isforz ma jkunx wisq kbir.
Aħna bħala pajjiż hemm bżonn li nagħmlu differenza bejn l-aħbar u l-opinjoni. Il-Professur ġab eżempju bil-BBC fejn qalilna li l-aħbarijiet fihom infushom idumu xi għa­xar minuti u huma limita­ti biss li jgħidulek x’inhi l-aħbar. Imbagħad ikun hemm programmi b’kummenti dwar il-fatti li jku­nu ġraw u jingħataw diversi opinjonijiet.
Aħna ma nagħmlux distin­zjoni bejn l-aħbar u l-kumment u nagħġnuhom flimkien. Dan mhux ġust mal-udjenza li ssegwi.
Qalilna wkoll li ġieli f’paj­jiżna l-midja ma qablux bej­niethom f’każ ta’ sparatura dwar kemm ikunu ġew sparati balal. Dan hu fatt li jista’ jiġi ċċekkjat, eżempju bir-rapport tal-awtopsja.
Meta tirrapporta l-midja, eżem­pju jekk personalità ltaq­għet ma’ oħra għandha tgħid fejn seħ­ħet il-laqgħa, meta, kif u x’ħin u kemm da­met il-laqgħa. It-tnejn jistgħu jagħtu l-kummenti tagħhom anke jekk ma jaqblux bejniet­hom. Iżda min jaħ­dem fil-mid­ja għandu d-dmir li jgħarraf lill-udjenza biż-żewġ na­­ħat, imbagħad min ikun qed isegwi jiġġudika hu. Kompla jgħid ukoll li xi drabi lanqas naqblu fil-fatti u dawn im­por­tanti li jkunu ċari. Iħoss li la ma jistax ikollna l-oġġettivi­tà kollha allura abbandunajna l-isforz li nkunu oġġettivi għal kollox.
Diffiċli vera għax meta jseħ­ħu l-fatti ġeneralment tiġi aw­to­matika li tagħtihom kulur imma d-diskussjonijiet bejniet­na għand­hom ikunu biex naraw il-fatti u fuqhom kulħadd jikkum­menta. Fuq din li nħalltu l-aħ­barijiet mal-kummen­ti  l-Pro­fessur iħoss li m’aħniex in­kunu ġusti ma’ kulħadd.

Gurnalisti f'kunflitt
“Jekk se nibqgħu b’sistema fejn il-ġurnalist qisu ‘loudspeaker’ tal-partit allura l-ġurnalist nnif­su se jkollu kunflitt. Bejn irid ikun fidil lejn il-professjoni u bejn lejn il-partit li jħaddmu. Dik toħloq ċerta dif­fikultajiet kbar. Ara jekk ngħid hemm ġurnalist li jirrapporta l-fatti u mbagħad ikun hemm kummentarju, hemm naf li min isegwi jaf li hu kummentarju.” Hekk iħoss il-Professur u għalhekk jem­men li sew li l-kummentarju ma jinkludix biss naħa waħda jew tnejn u l-abbiltà għandha tkun li ngħarr­fu lil min isegwina kemm is-sitwazzjoni hi kkum­plikata u li fiha mhux biss żewġ fatti iżda ħafna aktar. B’dan il-mod min isegwina jkun jista’ jagħmel ġudizzji u deċiż­jonijiet aħjar.
Dak hu x-xogħol tal-midja li tgħin lin-nies u tinformahom biex ikunu abbli jieħdu deċiż­jonijiet għall-ġid tal-paj­jiż u tal-komunità.

Studenti tal-midja
Fuq bażi individwali, il-Professur ra studenti joħorġu b’pin­na sabiħa u li tagħmel dif­fe­renza. Iżda hu jħoss li bħa­la strut­turi għadhom ma għamlux biżżejjed impattt. Iħoss ħafna li student joħroġ b’ċertu idealiżmu imma mba­għad jindaħan mill-magni tal-partiti. Din tinkwetah. Iħoss li hemm protezzjoni għall-ġurnalisti iżda jħoss li jis­piċċaw magħluqin u fil-kollettiv għadna m’aħniex hemm.

Etika gurnalistika
Dwar dan, il-Professur qalilna li jaf ġurnalisti li batew ħaf­na għal dak li jemmnu fih u anke kienu lesti li jwarrbu għal dan. Iżda mbagħad għan­dna wkoll min ma jagħtix kas.Hu jħoss li ma jafx fejn hu l-bilanċ. Li jaf żgur hu li aħna obbligati li nwasslu l-aħbar bl-informazzjoni biex kulħadd jiddeċiedi. Spiss naqtgħu qalbna u nirraġunaw li għax diffiċli tkun imparzjali allura niġġustifikaw billi ngħidu li ħadd ma jista’ jkun vera objettiv u nifhmuha li l-istejjer huma aħ­jar mill-verità.
Iħoss li għandna nimmiraw li l-etika tiġi l-ewwel akkost ta’ kollox. Inkella se nwaqqgħu l-ġebla fuq saqajna. Min jase­ġera fl-aħħar se jsib min se jżommu u jagħmillu regoli biex iwaqqfu, iżda min minn jeddu jkun professjonali anke bħal individwu jkun aħjar u b’saħħtu anke moralment.
Ħafna drabi iżda ma jkollniex il-kuraġġ li nwaqqfu lil min ma jimxix sew u tidħol l-irrazzjonalità li kulħadd hekk jagħmel u li aħjar ma nitkellmux.
Ix-xewqa tal-Professur Chir­cop hi li jara midja aktar res­ponsabbli u li tirrispetta lil kul­ħadd. Li tiċċekkja l-affarijiet qabel ma xxandarhom u li mhux kollox jgħaddi.
Iħoss ukoll li aktar mal-mid­ja timmatura aktar tista’ ssir għodda ta’ riflessjoni, ta’ twettiq mill-ġdid tal-lingwa u tal-ġrajjiet. Il-midja għandha rwol importanti u minkejja li l-affarijiet ġieli jiġu kif jiġu, irridu nipprovaw nirranġaw­hom.
melvindelsol@hotmail.com

No comments:

Post a Comment