Sunday, November 13, 2011

Sieħbu jħoss il-vojt li ħalla

Intemm staġun ieħor tat-tlielaq tal-muturi, forsi bl-agħar mod possibbli, hekk kif ħalliena b’togħma qarsa bil-mewt tas-sewwieq maħbub Marco Simoncelli fil-kategorija MotoGP.
Fil-funeral ta’ Simoncelli attendew bosta sewwieqa li kienu ħbieb kbar tiegħu, fosthom Va­lentino Rossi u Mattia Pasini, li kienu ilhom ħbieb ta’ Simoncelli sa minn meta kienu għadhom tfal.
It-TORĊA għamlet kuntatt ma’ Mattia Pasini, li hu wkoll sewwieq tal-muturi, iżda fil-kategorija Moto2. Pasini kien ukoll isuq ma’ Simoncelli meta dan tal-aħħar kien għadu sewwieq f’din il-kategorija.

Raġel twajjeb u b’qalb kbira

Fil-kummenti tiegħu, Pasini qalilna li Simoncelli kien ħabib tiegħu sa minn meta kienu tfal u kibru flimkien f’dan l-isport tal-muturi. Skont Pasini, Simoncelli kien raġel twajjeb li kien dejjem disponibbli għall-familja, għal sħabu u għal dawk kollha li kienu jsegwuh. Kompla jgħidilna kemm kien ġeneruż, ġentili, devot, ċajtier u dejjem b’daħka fuq wiċċu. Iżda l-isbaħ karatteristika tiegħu kienet li kellu qalb kbira, kemm fil-paddock kif ukoll f’ħajtu. Kien hawn li Pasini qalilna li se jħoss ħafna n-nuqqas tiegħu.

L-inċident

Dwar l-inċident li qatel lil sieħbu, Pasini qalilna li hu jħoss li dan ma kienx tort tas-sistemi tas-sigurtà. Spjegalna li s-sigurtà tinsab fi stat ta’ progress kontinwu, kemm fiċ-ċirkwit kif ukoll fl-apparat tal-muturi.
Skont Pasini, li kieku Simoncelli telaq il-mutur u żelaq minn fuqu, kieku kien jirnexxilu jeħlisha. Qal ukoll li hu jaħseb li kien żball tas-sewwieq, peress li kien tilef il-kontroll tar-rota ta’ quddiem.
Għalkemm dejjem hemm lok għal progress fis-sistemi ta’ sigurtà, Pasini hu konxju li hemm limiti għal kemm dan l-isport jista’ jsir sigur. Spjegalna li huma jsuqu muturi li jiġru iżjed min-normal u huma jafu li fl-isport tagħhom dejjem hemm element ta’ riskju.
Intant, fi kliem Mattia Pasini “sfortunatament inħoss li tlift ħabib kbir… issa mar jgħix il-passjoni tiegħu mingħajr limiti… il-ħajja tkompli, u l-aħjar mod biex nonorah huwa bil-mod bħalma konna wegħedna lil xulxin, li jekk xi darba xi ħadd minna jiġrilu xi ħaġa, l-ieħor ikompli…”
Iżda, wara dan l-inċident hekk ikrah u minkejja li s-sewwieqa jafu bir-riskju li jistgħu jitilfu ħajjithom, xi jġegħelhom jibqgħu għaddejjin? Pasini qalilna li r-raġunijiet huma “l-passjoni, l-adrenalina, l-għatx għar-rebħa… nafu li l-ħajja minna nnifisha hi perikoluża… nafu li hemm il-periklu iżda fuq il-mutur ma nibqgħux naħsbu fuq xejn.”

L-istaġun ta’ Pasini u l-futur

Intant, rigward l-istaġun li għadu kemm intemm, Pasini qalilna li hu kellu staġun qalil ħafna fejn kellu diversi waqgħat. L-ambizzjoni tiegħu, bħal ta’ kull sewwieq ieħor, kienet li jirbaħ il-kampjonat.
Dwar il-possibbiltà li jitla’ għall-kategorija ta’ sieħbu Simoncelli, fil-MotoGP, hu qal li għadu ma jafx jekk qattx isuq f’dik il-kategorija. Iħoss li għad għandu ħafna x’jitgħallem qabel ma jibda jaħseb biex isuq fuq muturi 4-stroke u jrid jiċċekkja ħafna affarijiet qabel.

Messaġġ fuq Facebook

Mal-mewt ta’ Marco Simoncelli li sofra inċident ikrah fit-tieni dawra tat-tellieqa f’Sepang, fil-Malasja, Pasini kien wieħed minn tal-ewwel li tella’ l-kumment tiegħu fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook biex ifakkar lil sieħbu.
Hu qal li ma kellux kliem kif jista’ jiddeskrivi dak il-mument u li l-ħajja hi taċ-ċajt u tagħmel il-ħsara lil min ma jkunx jistħoqqlu. Kiteb ukoll li hu kien hemm ma’ Marco sal-aħħar, talab għalih, beka għalih bħalma għadu jagħmel u għadu ma jistax isib risposta.
Hu ħass li biċċa minnu baqgħet ma’ Marco Simoncelli, biċċa minn ħajtu, biċċa minn qalbu.
Fakkru fl-avventuri tagħhom, fit-tlielaq sa minn meta kienu tfal. Tfal li kellhom ħolma. Ħolma li llum jistaqsi jekk hix daqshekk ta’ min jiġġieled għaliha. Ftakar ukoll f’sentejn ilu, meta rebaħ il-kampjonat u tgħannqu flimkien u bkew flimkien. Illum hu jibki lilu għax ma jistax jerġa’ jgħannqu.
Pasini ħass li Simoncelli ħalliena bil-mod kif l-aktar kien iħobb jagħmel, iżda dan mhux biżżejjed biex jimla l-vojt li ħalla warajh. Pasini qed jirrifletti jekk hux vera ta’ min jiġġieled għal din il-ħolma, li jagħmel tant sagrifiċċji, jirriskja saħħtu u jiddedika ħajtu biex imbagħad jibqa’ memorja.
Iżda Pasini kiteb ukoll li jekk jibqa’ sejjer fil-karriera tiegħu biex ikompli l-ħolma tiegħu, dan se jkun għal Simoncelli. Dejjem se jibqa’ miegħu u jekk ikollu bżonnu jaf li hemm ikun… f’qalbu.

Sigurtà fiċ-ċirkwit ta’ Sepang

Wara li seħħ l-inċident ikrah ta’ Simoncelli, iċ-chairman taċ-ċirkwit ta’ Sepang qal li minkejja li t-trakka ma kellha xejn x’taħti fit-traġedja, huma se jieħdu l-passi biex jiċċekkjaw is-sistemi tas-sigurtà.
Il-mewt ta’ Simoncelli mistennija tqajjem iżjed domandi dwar il-perikli tat-tlielaq u ċ-Ċermen taċ-Ċirkwit Internazzjonali ta’ Sepang, Mokhzani Mahathir qal li l-ewwel fatalità fit-trakka se tqajjem ħarsa mill-ġdid lejn is-sigurtà. Għalhekk l-organizzaturi tat-tlielaq f’Sepang għandhom jerġgħu jħarsu mill-ġdid lejn is-sigurtà minn kull angolu.

melvindelsol@hotmail.com

1 comment:

  1. Hello Sinjur & Sinjura,

    Int issib self biex tibda negozju ġdid jew tħallas id-djun?

    Tista 'tħallas Iċ-Ċermen, Belġjan, Portugiż, Spanjol, Franċiż, Kanadiżi u oħrajn I joffru self ta' € 2000 € 15,000,000 fuq kull individwu b'rata ta 'imgħax baxxa ta' 2% Jiena individwu li jsellef b'mod serju Dawk il-ħtieġa għal negozji żgħar, Investiment personali. Nagħmel self lokali u self internazzjonali lil nies madwar id-dinja.
    L-organizzazzjoni tiegħi mhix bank u jien ma teħtieġx ħafna dokumenti. Self ġust u onest u affidabbli. Ikkuntattjani llum u tgħarrafni kemm trid tħallas il-flus. U speċjalment beware ta 'ħafna selliefa foloz li huma fuq l-internet issa.

    Ikkuntattjani bil-posta elettronika: christiworldpersonal@gmail.com

    ReplyDelete