It-triq li ghadha tixghel fi qlub in-nies
|

George spjegalna kif anke ħafna Għawdxin kienu jġibu l-biegħa tagħhom fuq dgħajjes żgħar qishom luzzi kbar. Kienu jġibu anke baqar flimkien ma’ tiġieġ, bajd u fniek biex ibigħuhom fis-suq tal-Belt. Is-suq kien fih numru kbir ta’ posti u fil-Belt kienu jgħixu mat-23,000 persuna. Għalhekk kien isir kummerċ kbir u l-bejjiegħa kienu jaqilgħu flus tajbin.
In-nisa li kienu jaħdmu fi Strada Stretta kienu wkoll jaqilgħu flus tajbin u minħabba xogħolhom kienu jixtru ħafna ħwejjeġ sbieħ. Mhux hekk biss, iżda kienu jixtru ħafna dehbijiet. George qalilna li meta tkellem ma’ Frankie Zampa li jbiegħ id-deheb, dan qallu li wara nofsinhar kienu jitilgħu jixtru ċ-ċappetti u jimpikaw bejniethom min ikollu l-aktar fili ma’ jdejh.
Pawlu spjegalna li dak iż-żmien kienu jgħixu f’faqar kbir, tant li meta l-iskola kienu jitolbuhom biex jieħdu scrapbook għal xi proġett, hu kien imur l-istamperija tal-gvern u jiddobba minn hemm xi kartonċin. Imbagħad kien imur id-dar u missieru kien jgħaqqadhomlu fi ktieb. It-tfal l-oħrajn jew ma kienu jieħdu xejn jew inkella min kellu lil omuu taħdem fi Strada Stretta kien jieħsu scrapbook kif suppost. Dawn it-tfal kien ikollhom flus fil-but għalkemm ma kinux sinjuri. Ma kinux sinjuri għax ħafna drabi l-flus li kienu jaqilgħu kienu jonfquhom. It-tfal ta’ dawk li kienu jaħdmu Strada Stretta kienu jmorru jbigħu l-affarijiet fuq tilari mdendlin m’għonqhom iżda dak li kienu jaqilgħu kienu jonfquh minnufih.
Bl-istess mod, it-tfal ta’ dawk li kienu jaħdmu f’din it-triq filgħodu ma kinux jieħdu t-tè mid-dar, iżda ommhom kienet tibgħathom jixtru luminata minn xi ħanut fit-triq. Ħafna minn dawk li kienu jaħdmu Strada Stretta kienu joqogħdu fi Strada San Giuseppe li hija d-denb ta’ Strada Stretta. Pawlu jirrakkonta li f’din it-triq iktar kienu jgħixu barra milli ġewwa, l-aktar dawk li kien jgħixu fil-pjan terran. L-oħrajn, dawk li joqogħdu fis-sulari ta’ fuq, kien ikollhom ħafna sulari ta’ taraġ u allura kienu jużaw il-ħbula biex itellgħu l-affarijiet. Fil-fatt, Pawlu jiftakar li fejn kien joqgħod hu fi tfulitu kellhom 110 tarġiet biex titla’ fuq, fi dlam ċappa matul il-ġurnata, aħseb u ara bil-lejl.
Minkejja dan, it-triq kienet sabiħa u ta’ kullħadd. Ma tantx kienu jgħaddu karozzi. Kulma kien jgħaddi Farsons biex iqassam fil-ħwienet, xi trakkijiet biex iqassmu l-merkanzija, xi taxi bil-lejl u xi trakk biex jiġbor iż-żibel. Kienet tibqa’ għaddejja 24 siegħa kuljum u għat-tfal kienet post fejn ma setgħux jersqu. Minkejja dan, kif imbagħad kienu jibdew jitfarfru kienu jmorru wara xi baħri u jitolbuh xi penny. Dan jew kien idur u jibgħathom jixxejru jew inkella l-flus żgħar li kien ikollu fil-but kien jiftagħhom mal-art biex joħduhom.
L-istigma ta’ Strada Stretta
Ħafna huma dawk li llum il-ġurnata kulma jiftakru minnha din it-triq huma l-ġlied u l-prostituzzjoni. Fil-fatt, anke George spjegalna li meta kienu żgħar huma kienu jmorru l-Mużew u ma kontx se tmur tgħidilhom li għaddejt minn hemm. L-ommijiet u l-missirijiet ukoll kienu jgħidulhom biex ma jgħaddux minn hemm u anke n-nanniet. George qalilna li ltaqa’ ma’ wieħed li nanntu kienet tgħidlu li jekk b’kumbinazzjoni jgħaddi minn hemm irodd is-salib, jgħid talba u jibqa’ sejjer. Jidher b’hekk li kien hemm stigma li din it-triq kienet l-Infern jew il-waħx.
Fil-verità, meta tikber u jsiru jogħġbuk it-tfajliet imbagħad ma tibqax tarahom bħala l-waħx u jekk tkun f’nofshom tħossok fil-ġenna tal-art. Għalhekk bosta ġuvintur, meta kienu jikbru kienu jgħidu lil ommijiethom li sejrin il-Belt jaraw film u minflok imorru Strada Stretta. Uħud minnhom kienu jmorru jduru fit-triq iżda jibqgħu barra minħabba li kienu jibżgħu li jqaxxruhom mill-ftit flus li kellhom jekk jidħlu fil-ħwienet.
Barra minn hekk, ħafna żgħażagħ kienu jmorru hemm għax ma kien hawn imkien fejn tmur u kienu jinżlu hemm biex jiżfnu. F’postijiet bħall-Metro u l-Follies kienu jmorru ħafna żgħażagħ u jgħajtu lit-tfajliet biex iħallsulhom x’jixorbu. Minkejja dan, ma kinux imorru meta kien ikun hemm l-Ingliżi. Il-Maltin ma kienx ikollhom flejjes kbar u forsi kien jwasslu għal xi tliet drinks u jieqfu. Barra minn hekk, kienu wkoll iridu jitilqu kmieni għax ma kellhomx karozzi biex imorru lura.
George spjegalna li minn Strada Stretta ħarġu nies li fformaw familji li għadhom magħqudin sal-lum. Ħarġu wkoll nies bravi bħat-tfal ta’ Giovanna, li kienet taħdem hemm u wħud anke saru qassisin.
In-nies ta’ Strada Stretta
Fil-ktieb tiegħu, George rnexxielu jiġbor għadd ta’ esperjenzi tal-aħħar nies li għad fadal ħajjin li jiftakru din it-triq. Semmilna bosta persuni li tkellem magħhom u li tawh esperjenzi fi kliemhom u li hu ppreżentahom fil-ktieb bl-istess lingwaġġ li użaw huma. Tfajla li qrat dan il-ktieb saħansitra ddeskriviet dawn ir-rakkonti qishom nannu qed jaqra storja.
Pawlu qalilna li meta George staqsieh biex jagħmillu l-akkwarelli għal dan il-ktieb hu beda jiftakar fil-memorji tiegħu tat-triq. Semmilna kif hu kien jiftakar ħafna Ingliżi u Amerikani u li sikwit kien ikun hemm il-ġlied. Kien jimpressjonah ħafna dak li kien jagħmel it-tpinġija, għax għalih kien artist kbir la kien jirnexxilu jpinġi fuq in-nies mingħajr ma jieħu żbalji.
Jiftakar ukoll kif kien jinqala’ argument bejn it-tfal u jispiċċa bejn il-ġenituri, iżda wara xi kwarta jkun għadda kollox.
Iddeskrivilna li l-istigma kienet li n-nisa li jaħdmu hemmhekk m’għandekx tħares lejhom. Biss jekk kont tiġi bżonn xi biċċa ħobż u xi mara minnhom ma kienx ikollha ħliefha kienet tagħtijielek xorta. In-nies kienu jiskartawhom iżda fil-verità jekk kont tkun dahrek mal-ħajt huma kienu jgħinuk, bil-kontra ta’ dawk li kienu jmorru l-quddies minn filgħodu sa filgħaxija u bil-velu f’rashom.
Dwar in-nisa li kienu jaħdmu fi Strada Stretta, George spjegalna kif għalihom kienu jagħmlu dan ix-xogħol b’ċerta innoċenza. Fis-sens, li għalihom dak kien hemm għax ma kinux imorru skola u jagħżlu x-xogħol li jridu jagħmlu bħal-lum. Meta kien hemm familji ta’ tmienja jew disgħa min-nies, li tal-inqas tmur taħsel ħanut minn dawn u taqla’ seba’ xelini fil-ġimgħa kienet tajba.
Min kien jaħdem hemm kien iħossu onorat b’xogħlu. Speċjalment il-mużiċisti għax kienu jitgħallmu u jiltaqgħu ma’ bosta mużiċisti kbar. Ġużi Curmi, magħruf bħala l-Pusè qal lil George kemm kienu jiġu mużiċisti Amerikani tas-swing li jinqabdu bil-lieva.
Iżda anke fir-rigward ta’ ħaddiema bħal waiters, minn hemmhekk ħarġu nies li kienu mfittxijin kullimkien.
Strada Stretta se tmut?
Min imur jara dak li fadal minn Strada Stretta jsib li l-post hu mitluq u dik il-ħajja kollha li qabel kienet toffri, illum spiċċat f’postijiet magħluqin li qegħdin jitmermru. Magħhom qegħdin jitmermru l-memorji tal-istorja li wasslitna għal fejn aħna llum.
George spjegalna kif din it-triq qatt ma tista’ terġa’ tkun li kienet minħabba li d-domanda għaliha naqset. Fakkar kif qabel kien hemm domanda kbira peress li dawn kienu l-kwartieri ġenerali tan-Navy u kienu jidħlu mat-8,000 baħri kulju. Minħabba f’hekk, kien jinħoloq ħafna kummerċ. Eżempju, postijiet bħal fejn illum hemm il-Mużew Marittimu hemm kien forn għan-Navy li kien jipproduċi mat-80,000 galletta kuljum. Illum din it-triq tista’ tiġbed xi ftit turisti u lil dawk li forsi jiftakruha. Minkejja dan, dawk li jiftakru t-triq illum huma anzjani.
Skont George, li jista’ jsir hu bħalma jagħmlu barra minn Malta, fejn issir deorama ta’ żewġ ħwienet li hemm fit-triq u meta jidħlu t-turisti, dawn jiġu attirati biex iżuruhom ħalli jkunu jafu l-istorja ta’ din it-triq u jagħrfu l-istorja u l-importanza li din it-triq kellha. Żgur li hemm nostaġija kbira min-nies li kellhom x’jaqsmu b’xi mod m’hemmhekk u m’għandhiex tintesa l-istorja ta’ din it-triq.
Intant, George ħa din l-okkażjoni biex jitlob li l-gvern jirrevedi d-deċiżjoni li ħa li dar fi Strada Stretta, li kienet isservi bħala sala tal-mużika tingħata għall-uffiċini tal-avukat ġenerali u minflok tingħata lill-Fondazzjoni Temi Zammit kif qed jitlob Fr Peter Serracino Inglott.
Min jixtieq aktar informazzjoni dwar il-ktieb jista’ jikkuntattja lil George Cinni permezz ta’ imejl fuq gcini@timesofmalta.com jew permezz tal-mobile fuq in-numru 99430578.
mfarrugia@unionprint.com.mt
No comments:
Post a Comment