Sunday, May 22, 2011

Il-Bajja ta’ Għar Lapsi titħalla titmermer...
Possibbli m’hemmx soluzzjoni?


IL-BAJJA ta’ Għar Lapsi hija popolari ħafna fost numru kbir ta’ Maltin u anke turisti. Sfortunatament, il-blat li minnu hi fformata din il-bajja qiegħed iċedi u waqgħu anke bosta biċċiet fil-passaġġi minn fejn kienu jgħaddu n-nies u fl-għerien fejn kienu jsibu l-kenn qabel.

B’azzjoni għal dan ġie deċiż li jsir rixtellu bit-tabelli fuqu li jindikaw periklu u li jista’ jaqa’ xi blat. Dan biex kemm jista’ jkun jiġu evitati inċidenti.

It-TORĊA wriet interess f’din l-istorja fejn anke tkellmet mal-Kunsillier Laburista tas-Siġġiewi, Nikol Cassar li għandu f’idejh id-dekasteru ta’ Għar Lapsi. Cassar qalilna li wara li beda jaqa’ l-blat kellu jsir ir-rixtellu biex jiġi evitat il-periklu. Minkejja dan, Cassar wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li din il-bajja qisha se titħalla titmermer u ma jsir xejn biex tiġi salvata. Spjegalna kemm imorru nies f’din il-bajja u li jekk din titħalla titmermer se nitilfu ġawhra prezzjuża. Spjegalna wkoll li sal-lum qatt ma ntalbu flejjes kbar biex jintużaw f’Għar Lapsi u għalhekk jekk hemm bżonn xi ammont konsiderevoli ta’ flus biex jiġi rranġat il-Gvern għandu jżomm akkont ta’ dan.

Il-kunsillier kompla jispjegalna li meta kien waqa’ l-blat kien sar rapport, fejn il-periti mqabbdin mill-Gvern biex janalizzaw l-istat tal-blat, kienu qalu f’laqgħa li m’hemmx soluzzjoni biex dan jitwaqqaf milli jkompli jitmermer. Minħabba dan kollu li qalilna Cassar, it-TORĊA talbet tistaqsi lill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali dwar x’tip ta’ soluzzjoni teżisti biex jiġi rranġat Għar Lapsi u jekk hemm soluzzjoni hijiex se ssir u meta se ssir. Barra minn hekk, tlabna wkoll il-pożizzjoni tal-Gvern dwar jekk hux se jirranġa Għar Lapsi jew inkella se jħallieh jitmermer. Minkejja li konna mwegħdin diversi drabi li konna se niġu mweġba, sal-lum għadna bla tweġiba.

Meta nħarsu madwarna u naraw dinja fejn qegħdin jinbnew tant toroq taħt il-baħar u anke jinħolqu gżejjer ġodda mix-xejn, aħna nistaqsu jekk hux daqstant diffiċli li hawn Malta għandna din il-bajja tant għal qalb il-poplu u naraw kif nagħmlu biex insibu soluzzjoni ħalli nibqgħu ngawduha? Nittamaw li ningħataw risposta.



mfarrugia@unionprint.com.mt

No comments:

Post a Comment