Sunday, May 22, 2011

Niżvelaw ‘payslips’ tal-‘careworkers’ li jitħallsu b’€3.80 is-siegħa:
SFRUTTAMENT IKKONFERMAT


Fl-aħħar jiem dan il-ġurnal ippubblika rapporti dwar sfruttament ta’ ħaddiema li jaħdmu bħala ‘careworkers’ ma’ kuntrattur privat imqabbad mill-Gvern. Illum l-orizzont jista’ jiżvela numru ta’ ‘payslips’ ta’ wħud minn dawn il-‘careworkers’ u jikkonferma l-ilmenti tagħhom.

Meta wieħed janalizza dawn il-‘payslips’ jara li l-ammont fis-siegħa ta’ kemm jitħallsu dawn il-ħaddiema hu ta’ medja bejn €3.80 u €3.86. Dan l-ammont huwa ħafna inqas mill-ammont li hu stabbilit għall-impjegati tal-Gvern.

Hija ħafna aktar gravi s-sitwazzjoni fejn jidħol l-‘overtime’. Persuna li tkun daħlet taħdem 12-il siegħa ‘overtime’ bil-lejl titħallas biss ta’ disa’ sigħat u nofs u bir-rata bażika ta’ €3.96.


L-istess fil-każ tal-festi, fejn ħaddiema tal-‘outpatients’ ma jitħallsux ta’ festi. Għalkemm mhumiex jid­ħlu jaħdmu meta l-festi jin­zertaw matul il-ġimgħa, huma qegħdin jiġu mċaħħdin minn ġurnata ‘leave’. Il-ħaddiema tal-‘wards’ min-naħa l-oħra jitħallsu bir-rata ta’ €7.35, li hi rata baxxa ħafna (kważi daqskemm għandha tkun il-paga normali). Peress li dawn il-ħaddiema jaħdmu bin-num­ru ta’ sigħat, kull meta jkun hemm festa fix-xahar il-paga tonqos b’ammont sostanzjali.

Il-ħaddiema li tkellmu ma’ dan il-ġurnal ilmentaw li barra dawn l-abbużi huma jil­taqgħu wkoll ma’ diversi stram­beriji oħrajn li jħassbu­hom. Fost l-oħrajn, spje­gaw­lna kif pagi tal-istess ammont ta’ ħin ivarjaw minn xahar għall-ieħor.


Barra minn hekk, jinsa­bu urtati minħabba l-fatt li kemm-il darba jagħmlu xogħol ta’ ‘nursing aides’ iżda jitħallsu b’nofs l-ammont ta’ kemm jitħallsu dawn tal-aħ­ħar.

Rigward ‘sick leave’ qalulna li dan beda jiġi mħallas minn Jannar li għadda. Qabel Jannar lanqas min kien irreġistrat bħala ħaddiem fultajm mal-ETC ma kien jitħallas tas-‘sick leave’ u meta kienu jippre­żen­taw ċertifikat tal-mard, kienu jgħidulhom biex iħabbtu bieb ieħor. Anke ‘leave’ ieħor bħal taż-żwieġ ma jitħallsux tiegħu. Fuq l-istess argument, anke biex xi ħadd jitlaq mix-xogħol jekk tinqalagħlu xi emerġenza, l-ewwel irid isib min jibdlu nkella ma jitħalliex jitlaq.

Il-ħaddiema jinsabu mdej­qin u rrabjati għall-fatt kif inhuma stmati. Spjegawlna li damu daqshekk biex jitkellmu għax kienu mheddin li jitkeċ­ċew jekk jitkellmu jew inkella jekk jipprovaw jidħlu f’xi unjin bħall-GWU. Fil-fatt, ippro­vaw jirrapportaw dak li kien qed jiġri iżda kemm-il darba reġgħu lura minħabba l-biża’ li jitilfu xogħolhom.

Intant, f’kummenti ma’ dan il-ġurnal b’reazzjoni għal dak iddikjarat mid-Deputata La­burista Marie-Louise Colei­ro Preca, id-Direttur tal-kumpanija Support Services Limi­ted ċaħad li l-ħaddiema huma mħallsin pagi miżeri u li għand­hom kundizzjonijiet tax-xogħol tal-mistħija.

Min­kejja l-isfida li saritlu mill-is­tess deputata, id-direttur ta’ din il-kumpanija baqa’ ma ppubb­likax il-kuntratti tax-xogħol u l-‘payslips’ ta’ mijiet ta’ ‘careworkers’ li llum qed nippubblikaw.

No comments:

Post a Comment