Sunday, May 22, 2011

Ġesù jerġa’ jidħol il-ħabs

Fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin se tiddaħħal statwa ta’ Ġesù Redentur biex tinżamm fil-kappella prinċipali ta’ dawn il-faċilitajiet. Din l-istatwa tħallset mill-ħabsin infushom u kienu huma stess li ħarġu bl-idea li ssir.

F’kummenti li tana l-Kap-pillan tal-ħabs, Patri Franco Fenech, Franġiskan Kapuċċin, spjegalna li s-sena l-oħra matul ir-Randan, il-ħabsin flimkien miegħu, għamlu eżerċizzju li fih ħadu l-figura ta’ Ġesù Redentur u fuqha bbażaw ir-riflessjoni tagħhom. “Minn din ir-riflessjoni ħarġu diversi aspetti li setgħu għenu lill-priġunieri biex iħarsu b’mod differenti lejn it-tbatija, lejn il-valur tal-ħajja, lejn it-tbatija tal-vittmi u lejn l-imħabba,” jikkummenta Patri Franco.

Kien wara dan l-eżerċizzju li l-priġunieri nfushom ħarġu bl-idea biex issir statwa ta’ Ġesù Redentur biex tinżamm fil-kappella prinċipali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-ħabsin għamlu ħilithom biex ġabru l-fondi meħtieġa ħalli dan il-proġett ikun jista’ jsir u fil-fatt l-istatwa kienet ordnata mingħand l-istatwarju Joseph Cutajar Zahra mir-Rabat, Għawdex.

L-istatwa għandha tkun lesta sa nofs dan ix-xahar biex imbagħad tiddaħħal il-ħabs ta’ Kordin nhar is-Sibt, 2 ta’ April filgħaxija, f’pellegrinaġġ mill-Parroċċa ta’ Kristu Rè. Dakinhar se ssir quddiesa fil-Knisja Parrokkjali minn Mons. Mario Grech, l-Isqof t’Għawdex. Wara titbierek u tinħareġ f’purċissjoni lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fejn issir il-meditazzjoni tal-Via Crucis. Quddiem il-bieb tal-ħabs tingħata l-barka u x-xbiha ta’ Ġesù Redentur tiddaħħal il-ħabs u titpoġġa fil-kappella prinċipali. Fil-quddiesa u l-

purċissjoni se jagħtu sehem-hom xi wħud mill-priġunieri kif ukoll uffiċjali, li se jakkum-panjaw lix-xbiha tar-Redentur.

Patri Franco rringrazzja ħafna lill-ħabsin li ħarġu l-flus u ħadmu biex dan il-proġett seta’ jsir realtà. Irringrazzja wkoll lill-Kappillan ta’ Raħal Ġdid, Dun Vinċenz Cachia, u lill-parruċċani kollha ta’ Raħal Ġdid tal-għajnuna u l-appoġġ li dejjem tawh. Barra minn hekk, irringrazzja lil dawk kollha li jaħdmu l-ħabs u lill-aġent direttur tal-koperazzjoni tagħhom.



melvindelsol@hotmail.com

No comments:

Post a Comment