Sunday, May 22, 2011

Il-Ġappuniżi ottimisti li se jirkupraw
minn melvin farrugia

Wara li fil-11 ta’ Marzu l-Ġappun intlaqat minn terremot u tsunami ta’ qawwa li qatt ma raw bħalha, MELVIN FARRUGIA tkellem ma’ RAY BONDIN li nzerta li kien qiegħed fil-Ġappun. Ray huwa ambaxxatur Malti għall-UNESCO u fuq livell personali, għal dawn l-aħħar tliet snin, qiegħed jagħti parir lil gvernijiet barranin dwar l-importanza tal-wirt storiku. Barra minn hekk, il-UNESCO wkoll jibagħtuh kemm-il darba biex jagħmel rapporti. Ilu f’dan ix-xogħol għal dawn l-aħħar 23 sena u hu rikonoxxut bħala espert f’dak li għandu x’jaqsam ma’ wirt dinji.



Ray kien qiegħed il-Ġappun biex jagħti parir lill-gvern Ġappuniż dwar post li se jkun innominat bħala wirt dinji. Il-belt jisimha Kamakura u għal Ray din kienet ir-raba’ darba fi tliet snin li tela’ hemm. Din iż-żjara kienet ta’ tlett ijiem u kien proprju fl-aħħar ġurnata meta seħħ it-terremot.

Ray spjegalna li fil-Ġappun kważi kuljum iseħħ xi terremot iżda jkunu żgħar u bla ebda konsegwenzi. Bħala pajjiż huma organizzati ħafna u armati mmens kontra t-terremoti.

Biss biss, f’Tokyo, fejn kien jinsab din id-darba, il-bini hu kollu 'anti-seismic' u mibni qisu fuq sodda tal-lasktu. Hija belt ta’ 35 miljun persuna u l-iskyscrapers kollha, ta’ bejn 50 u 70 sular, huma magħmulin li ma jiġrilhom xejn b’terremot. Fil-fatt, ħafna mill-ħsara li ġarrab il-bini kienet minħabba t-tsunami u l-ilmijiet ma setgħux ikunu kkontrollati u mhux minħabba t-terremot.

Kien għadhom kemm ħadu ritratt tal-grupp li kien qiegħed jagħtihom parir, li nħass it-theżżiż.

Il-Ġappuniżi ndunaw li dawk il-barranin li kien hemm fil-laqgħa kienu inkwetati u fil-bidu pprovaw jispjegawlhom li dawn kienu affarijiet li jiġru spiss u li ma kellhomx għalxiex jippanikjaw. Iżda wara nofs minuta qisu kien hemm bħal bomba u l-art bdiet mixja. Ray spjegalna li “tħossok qisek qiegħed hawn imma fl-istess ħin erba’ piedi ’l bogħod”.

L-ewwel ħaġa li għamel Ray kienet li ħares lejn is-saqaf hekk kif beża’ li dan kien se jċedi fuqhom. Qam biex jitlaq ’il barra iżda l-Ġappuniżi ssuġġerewlhom li joqogħdu fil-bini għax inqas perikoluż. Ray irrakontalna li kienet xena tal-biża’ hekk kif tħares barra u tara l-iskyscrapers jiċċaqalqu u peress li magħmulin biex ma jinqasmux jibqgħu jilagħbu fuq il-pedamenti tagħhom.

Ray beda jibża’ li l-bini seta’ jaħbat ma’ xulxin. Wara li ntemm it-terremot li dam madwar erba’ minuti, il-bini ħa madwar kwarta oħra biex reġa’ stabbilizza għan-normal.

It-tsunami ma laqatx lil Tokyo u fil-fatt fil-bidu ħadd ma kien jaf x’ġara. Kien hemm biża’ kbir u awtomatikament waqfu l-ferroviji, il-liftijiet u ngħalqu l-highways bħala prekawzjoni. Wara xi kwarta bdew jaraw l-aħbarijiet fuq mobiles bit-telvixin u raw li kien seħħ it-tsunami. Bdew jibżgħu iżda Ray irrakontalna li għalkemm bdew jippanikjaw xorta ma għamlux bħallikieku kienu jagħmlu l-Ewropej jew l-Amerikani. Huma nies kalmi u anke r-reliġjon tagħhom tal-Buddiżmu ġġiegħlhom jibqgħu kalmi.

Meta ħarġu fit-toroq kien hemm ħafna nies għax madwar ħames miljun persuna nqabdu ma setgħux imorru lura lejn djarhom. Kien il-Ġimgħa wara nofsinhar u ħafna mill-Ġappuniżi ma jużawx il-karozzi tagħhom peress li għandhom sistemi ta’ ferroviji u underground effiċjenti ħafna. B’hekk spiċċaw inqabdu hekk kif dawn il-mezzi twaqqfu.

Ray kien verament sorpriż jara li minkejja li seħħ dan id-diżastru u kien hemm min anke ħalla l-ħanut waħdu n-nies xorta ħadd ma pprova jisraq mill-ħwienet bħalma kien ġara f’diżastri oħrajn bħal Katrina u Haiti.

Bil-kontra, il-Ġappuniżi bdew jaħsbu dwar kif se jagħmlu għal-lejl peress li ma setgħux imorru d-dar. L-uffiċini baqgħu miftuħin u kulħadd beda nipprova jsib xi naqra ta’ kantuniera f’xi uffiċċju jew lukanda biex ikun jista’ jqatta l-lejl hemm.

Ray kellu jirritorna Malta l-għada filgħodu. Il-liftijiet ma kinux qegħdin jaħdmu iżda Ray kien determinat li jrid jiġi lura. Għalhekk spiċċa tela’ 28 sular taraġ biex jasal fil-kamra tiegħu fil-lukanda. Kienet esperjenza terribbli għax hu ħafna taraġ u barra minn hekk kien għadhom għaddejjin it-theżżiżiet ta’ wara t-terremot (aftershocks). Aktar ma beda tiela’, aktar il-bini beda jitbandal.

Matul il-lejl ma raqadx u l-għada filgħodu l-ministeru tal-kultura Ġappuniż ħa ħsieb li jsiblu taxi, għalkemm kienet problema kbira minħabba li biex tibbukkja waħda kienu qegħdin jittardjaw ħames sigħat. Ħaseb li se jitlef it-titjira iżda eventwalment sabu taxi. Il-problema kienet li l-highways kienu magħluqin u s-sewwieq da siegħa u nofs biex jipprova jsib triq minn fejn jgħaddi għall-ajruport. Biex tgħaxxaq, l-ajruport ta’ Tokyo jinsab 62 kilometru ’l bogħod mill-qalba ta’ Tokyo. Iżda mbagħad bdew jaħdmu ferroviji żgħar (local trains) u sab ruħu f’waħda minnhom li wasslitu l-ajruport. F’din il-ferrovija kienu ppakkjati qishom sardin hekk kif ħafna min-nies bdew jużawhom.

It-titjira tiegħu kienet ittardjata għal ħin twil. Il-Ġappuniżi bdew josservaw dak kollu li qiegħed jiġri bil-kalma. Iżda Ray innota li xi persuni Amerikani bdew jgħajtu mal-Ġappuniżi biex ifittxu sjibu soluzzjoni għal din il-problema. Fl-ajruport kien hemm ħafna nies peress li ħafna kienu raqdu hemm mill-ġurnata ta’ qabel. Ħafna mit-titjiriet kienu ġew ikkanċellati. Ray ġie lura b’titjira ma’ Lufthansa li kienet waħda mill-ftit linji tal-ajru Ewropej li baqgħu jaħdmu fl-Ewropa. It-titjira telqet mat-tmien sigħat tard. Kienet ħaġa sabiħa li meta wasal l-ekwipaġġ tat-titjira n-nies bdew iċapċpu.



Għajnuna minn Malta



Ray qalilna li waqt dan it-terremot il-linji tal-mobiles telqu mal-ewwel. Iżda l-internet baqa’ għaddej u għalhekk bagħat email lil Tonio Borg, kif suppost jagħmel peress li hu ambaxxatur Malti. Borg ikkuntattja l-ambaxxata Maltija f’Beijing għax m’għandniex ambaxxata fil-Ġappun. Minn hemm ipprovaw jikkuntattjaw lil Ray iżda ma setgħux jaqbduh fuq il-mobile. Għalhekk bagħtulu email. Barra min hekk, ċemplu lill-ambaxxata Taljana li min-naħa tagħha ċemplet il-lukanda fejn kellu l-kamra tiegħu iżda x’ħin ċemplulu hu ma kienx hemm. Għalhekk l-ambaxxata Taljana ċemplet lill-ministeru tal-kultura Ġappuniż fejn stednuh biex joqgħod magħhom. Ray dam kważi siegħa jipprova jaqbadhom lura iżda kien kollu għalxejn.

Għal Ray din kienet esperjenza kerha mmens u qalilna li dam kważi tlett ijiem biex ġie f’tiegħu. L-effett li jħalli fuqek x’ħin tħoss l-art tiċċaqlaq ma setax jiddiskrivieh. Baqa’ wkoll impressjonat bil-ħoss qawwi li beda jagħmel il-ħġieġ tal-iskyscrapers li beda jipprova jinkiser u qisu bħal irid jixpakka.



Il-Ġappuniżi mbeżżgħin mill-impjanti nukleari



Ray għadu f’kuntatt kontinwu mal-Ġappuniżi, li għadhom imwerwrin u ma jistgħux jemmnu kif dan ġara lilhom meta huma tant dixxiplinati. Hemm biża’ kbira wkoll minħabba l-impjanti nukleari. Għalkemm l-impjanti nukleari jinsabu bogħod minn Tokyo, għall-enerġija nukleari d-distanza mhijiex daqshekk soluzzjoni.

Din il-problema tidher li qiegħda tinkwieta lid-dinja kollha. Ray spjegalna li hi problema li nistgħu niffaċċjaw aħna wkoll minħabba l-proposta tat-Taljani li jibnu reattur nukleari fi Sqallija. Jekk ikollu jseħħ tsunami fil-Mediterran tista’ tkun ġrajja kerha għalina hekk kif m’aħniex daqshekk ’il bogħod mill-Italja u żgur li niġu affettwati.

Intant, il-Ġappuniżi għadhom skantati b’dak li ġara. Fortunatament, huma kienu reattivi ħafna u malli ħassew it-terremot huma telgħu lejn art iżjed fl-għoli biex b’hekk mietu ħafna inqas nies milli kieku kienu jmutu. Meta tqis li kien wiħed mill-akbar terremot li qatt seħħew, l-ammont ta’ nies li mietu ma kienx kbir ħafna. F’diżastri oħrajn bħal dawk tal-Indoneżja u Haiti mietu ħafna aktar nies. Kull ħajja hi importanti iżda peress li huma poplu organizzat ħafna evitaw li d-diżastru seta’ kien ħafna akbar. Tant kemm huma organizzati, li skont Ray, fi ftit sekondi wara liseħħ it-terremot il-pulizija kienu diġà qegħdin għaddejjin bis-sireni fit-toroq biex jagħtu istruzzjonijiet lin-nies.



Ikel affettwat mir-radjazzjoni



Il-Ġappuniżi jieklu ħafna ħut nej, ħaxix u anke alka tal-baħar. Għalhekk huma jinsabu mbeżżgħin li r-radjazzjoni tista’ taffettwalhom l-ikel tagħhom u dan l-effett jibqa’ sejjer għal tul ta’ żmien twil. Jinsabu rrabjati li l-kumpanija li tħaddem dawn l-impjanti tagħmel qligħ kbir bil-biljuni u mbagħad ma ħaditx ċerti prekawzjonijiet, li wħud minnhom kienu sempliċi, bħal eżempju kif jaħdmu l-pompi. Hu vera li dan kien terremot ikbar min-normal iżda setgħux ħasbu għalih.



Reazzjoni



Minn l-għada stess ir-reazzjoni ta’ dawn in-nies kienet waħda ta’ daqqa ta’ ħarta iżda b’kuraġġ u b’ottimiżmu ħarsu lejha bħala sfida oħra. Bħalma għaddew minn problemi kbar fit-Tieni Gwerra Dinjija meta l-pajjiż spiċċa meqrud, bl-istess mod qegħdin iħarsu lejn din il-kwistjoni u jaraw kif se jagħmlu l-affarijiet aħjar.

Huma poplu dixxiplinat ħafna u lesti jagħtu ħafna għal pajjiżhom. Biss biss, Ray qalilna li uffiċjal tal-ministeru tal-kultura qallu li huma li jaħdmu mal-gvern jgħixu f’kultura fejn kuljum jagħtu siegħa żejda fuq il-post tax-xogħol.



Turisti Ġappuniżi



Intant, waqt li tkellimna ma’ Ray dan spjegalna kemm dan il-poplu togħġbu l-kultura u dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ wirt storiku. Spjega kif sfortunatament il-Ġappuniżi ma tantx jafu b’Maltaiżda meta urihom ritratti tal-wirt storiku li nsibu f’pajjiżna dawn urew interess. Ray qalilna wkoll li hu jħoss li jaf jiswilna ta’ ġid għalina jekk nipprovaw nibnu aktar ħbiberija ma’ dan il-poplu għax nistgħu nieħdu l-frott minn din il-ħbiberija. Huma poplu sinjur li jinteressaw ruħhom f’postijiet kulturali. Mintiex se ssibhom f’postijiet biex igawdu l-bajjiet u x-xemx iżda f’postijiet li jipprovdu storja bħalma joffri pajjiżna.



mfarrugia@unionprint.com.mt

No comments:

Post a Comment