|

Diversi midja internazzjonali rraportaw ġrajjiet li jekk tgħaqqadhom flimkien tinduna li l-interess fil-poplu Libjan mhuwiex għal kollox l-interess prinċipali u dawn l-isforzi (jew nuqqas tagħhom) huma ħafna minnhom għal skop “personali”.
Sarkozy fl-ewwel post
L-aktar fost dawk li qegħdin juru interess personali hu l-President Franċiż Sarkozy. Hekk kif is-sena d-dieħla jinsab riesaq lejn elezzjoni presidenzjali u qabel din il-kriżi kien igawdi biss 30% tal-appoġġ tan-nies, allura din il-kwistjoni hija ċ-ċans għalih biex jipprova jikseb lura ġieħu u s-saħħa tiegħu bħala mexxej wara l-iżbalji kbar li għamel din is-sena stess fil-kriżijiet li seħħew fl-Eġittu u fit-Tuneżija. Kif inhu magħruf, il-Prim Ministru Franċiż, Francois Fillon, kien mistieden għand Hosni Mubarak għal vaganza tal-Milied fl-Eġittu.
Barra minn hekk, il-ministru tal-affarijiet barranin ta’ dak iż-żmien, Michèle Alliot-Marie, kienet marret fuq titjira fuq jet privat ma’ Tuneżin li hu qrib tal-familja Ben Ali. Alliot-Marie tneħħiet mill-pożizzjoni tagħha, iżda Fillon għadu hemm. Anke Sarkozy innifsu kien mar Tuneż tliet snin ilu u kien faħħar il-ġlieda tal-pajjiż kontra t-terroriżmu u ddikjara li l-libertajiet tal-poplu qegħdin jikbru.
Mhux talli hekk talli fl-2007, Sarkozy iffirma ftehim ta’ armi ma’ Gaddafi biex dan tal-aħħar jixtri mingħandu missili ta’ kontra t-tankijiet u mezzi ta’ komunikazzjoni għall-valur ta’ $405 miljuni. Dan il-ftehim kien l-ewwel wieħed tal-Libja ma’ pajjiż tal-Punent wara li l-Unjoni Ewropea kienet neħħietlu embargo tal-armi fl-2004. Dan il-ftehim kien deher stramb ħafna hekk kif xahar qabel il-Libja kienet qablet li teħles lil sitt tobba Bulgari li kienu akkużati li nfettaw tfal bl-HIV. Minkejja dan, Franza tiċħad li kien hemm xi konnessjoni mal-ftehim tal-armi.
Iżda r-relazzjoni ta’ Sarkozy ma’ Gaddafi ma tintemmx hemm. Tliet snin ilu kien stieden lil Gaddafi u tah trattament ta’ re hekk kif kien ħallieh ipoġġi t-tinda tiegħu qrib il-palazz presidenzjali, l-Elysèe, u anke laqgħu b’idejh miftuħin.
Għal Franza l-Libja hi importanti minħabba li taqsam magħha l-fruntieri ma’ erba’ pajjiżi li jitkellmu l-lingwa Franċiża u li għandhom pożizzjoni strateġika; it-Tuneżija, l-Alġerija, iċ-Chad u n-Niġerja. Barra minn hekk, Franza timporta ż-żejt mil-Libja u l-kumpanija enormi taż-żejt Total tikkontrolla wkoll bjar importanti taż-żejt.
Tilwim mat-Turkija
Proprju minħabba l-kwistjoni taż-żejt, kemm il-Prim Ministru tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, kif ukoll il-President, Abdullah Gul attakkaw lil Sarkozy hekk kif qalu li l-ħsieb tiegħu mhuwiex vera li jinħeles il-poplu Libjan. Erdogan qal li jixtieq li dawk li jaraw biss iż-żejt, il-mini tad-deheb u t-teżori ta’ taħt l-art meta jħarsu lejn id-direzzjoni tal-Libja, minn issa ’l quddiem jibdew iħarsu lejn dan ir-reġjun minn lenti ta’ kuxjenza.
Bejn it-Turkija u Franza jidher li hemm diżgwit hekk kif Sarkozy qed jaħdem biex it-Turkija ma tidħolx fl-Unjoni Ewropea, hekk kif qal li l-kultura tagħhom mhijiex tajba għall-Ewropa iżda għal-Lvant Nofsani. Għalhekk it-Turkija tinsab lesta li tfixkel il-pjani ta’ Franza.
Iżda bil-mod kif qed iġib ruħu Sarkozy jidher li hemm diversi nies oħrajn li ma tantx qegħdin jarawh b’lenti tajba. Wara li hu ħareġ jagħraf b’mod formali lir-ribelli ta’ kontra Gaddafi qabel ma qal xej lil ħadd kien il-prim ministru ta’ Lussemburgu Jean-Claude Juncker li f’laqgħa tal-Unjoni Ewropea qal li l-Ewropej għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom waqt il-laqgħat u mhux ġurnata qabel.
Lanqas il-Ġermanja ma qablet ma’ din l-azzjoni u fi stqarrija qalet li Angela Merkel tinsab sorpriża li għaraf lill-kunsill nazzjonali tar-ribelli. Anke l-ministru tal-affarijiet barranin Taljan, Franco Frattini kkritika din id-deċiżjoni.
Il-Ġermanja maqtugħa mill-kumplament tal-Ewropa
Il-Ġermanja min-naħa tagħha dehret li ma tixtieqx tidħol fil-kwistjoni tal-Libja. Dan hekk kif ġimgħat ilu talbet lill-pajjiżi tal-ewro biex jieħdu miżuri ta’ awsterità ħalli jkun hemm flus li jservu bħala garanzija għal self lil pajjiżi li jkollhom bżonn, bħall-Irlanda u l-Greċja.
Minkejja dan, il-pożizzjoni ta’ Merkel ġiet ikkritikata ħafna min-naħa ta’ nies mill-partit tagħha stess u anke minn partiti oħrajn. Klaus Naumann, l-eks-mexxej tal-qawwa militari Ġermaniża qal “li l-Ġermanja bidlet l-idea ta’ Unjoni Ewropea magħquda f’farsa”.
Intant, il-Ġermanja spjegat id-deċiżjoni tagħha li tneħħi l-qawwiet navali tagħha mill-Mediterran billi qalet li l-embargo tal-armi fuq il-Libja kellu bżonn mandat parlamentari peress li seta’ jinvolvi qawwiet militari.
Fl-istess waqt, biex tpatti għal dan approvat li tibgħat 300 suldat oħrajn fl-Afganistan biex itajru l-ajruplani ta’ sorveljanza tan-NATO. Dan biex ittaffi l-piż fuq dawk il-pajjiżi li huma involuti fil-Libja u li jista’ jkollhom bżonn jibagħtu aktar sudati. Kelliem għall-affarijiet barranin tal-partit tax-xellug, Wolfgang Gehrcke ma qabilx ma’ din l-azzjoni u qal li mhux sew li “tiżdied il-gwerra fl-Afganistan għax wieħed ma jridx li jkun involut fil-gwerra fil-Libja.”
Xoqqa f’moxta għal Cameron
Min-naħa l-oħra l-Ingliżi jidher li għandhom interessi qawwijin għalxiex jappoġġjaw lill-Franċiżi biex jattakkaw lil Gaddafi, li r-reġim tiegħu għandu storja twila kontrihom. Gaddafi ħa r-responsabbiltà tal-agħar attakk terroristiku li seħħ f’territorju Ingliż; l-attakk tal-1988 tat-titjira 103 tal-Pan Am fuq Lockerbie li ħalliet 270 persuna mejta. Barra minn hekk, kien hemm konnessjonijiet bejn Gaddafi u l-Armata Repubblika Irlandiża (IRA) lura lejn is-snin sebgħin meta Gaddafi kien faħħar lill-grupp u qishom bħala alleati tiegħu fil-ġlieda kontra l-imperjaliżmu tal-Punent.
Imbagħad meta l-Ingliżi ħelsu l-unika raġel li ġie akkużat fil-każ ta’ Lockerbie fuq bażi ta’ kumpassjoni dawn ġew ikkritikati bil-kbir mill-politiċi Amerikani. Il-Gvern Ingliż ċaħad li l-allegazzjonijiet li al-Megrahi ġie meħlus fuq ftehim dwar iż-żejt mal-Libja.
Fl-istess waqt, għal David Cameron li għadu fil-bidu tal-karriera politika tiegħu din hija opportunità biex juri lilu nnifsu mad-dinja. Minkejja dan, irid joqgħod attent għax jekk din il-kwistjoni tieħu fit-tul tista’ wkoll tiswieh ħażin. Skont The Daily Telegraph iż-żona bla titjir qiegħda tiswa lill-Ingilterra madwar £3.2 miljun kull ġurnata, jekk dejjem ma jiġux użati armi. Il-problema għal Cameron hi li f’Ottubru li għadda hu ddeċieda li jrid inaqqas il-baġit tas-servizzi militari b’7.5% biex jgħin ħalli jnaqqas id-dejn nazzjonali. Dan it-tnaqqis se jaffettwa l-ajruplani, il-vapuri u l-artillerija u se jħalli lill-Ingilterra bla ‘aircraft carrier’ għall-għaxar snin li ġejjin. B’dan il-mod jekk pajjiż ieħor ikollu bżonn l-għajnuna tagħhom, bħal dawk li huma aktar strateġiċi għall-Ingilterra bħall-Iran u l-Bahrain, ma jkunux jistgħu jgħinuhom.
Biża’ ta’ immigranti
Min-naħa tal-Ewropej, jidher li hemm inqas reżistenza mill-pubbliku in ġenerali biex isiru attakki fuq il-Libja milli kien hemm meta kienu se jseħħu attakki fuq l-Iraq. Dan jagħmel ħafna sens meta tikkonsidra l-pożizzjoni ġeografika. Il-Libja tinsab biss ftit passi ’l bogħod u l-Ewropej jibżgħu li jekk ikomplu l-kwistjonijiet allura se jaħarbu ħafna immigranti u jaslu fl-Ewropa. Din hija kwistjoni li tinkwieta lill-Ewropej hekk kif diġà hemm biża’ dwar in-numru li qiegħed dejjem jikber ta’ immigranti Musulmani fl-Ewropa.
L-Istati Uniti ma jridux jiksruha minn mal-pajjiżi Għarab
Proprju għalhekk l-Istati Uniti ssuġġerew li l-għan tal-operazzjonijiet li qegħdin isiru m’għandhomx ikunu neċessarjament li jitlaq Gaddafi. Jekk jintemm il-ġlied u l-Libja tkun maqsuma bejn dawk li huma kontra Gaddafi dawk li huma favurih taf tkun biżżejjed. Iżda jidher li Sarkozy u Cameron mhumiex bi ħsiebhom hekk.
L-Istati Uniti taw l-għajnuna tagħhom biex saret iż-żona mingħajr titjir hekk kif huma kellhom biżżejjed apparat militari biex ikunu jistgħu jwettqu din iż-żona. Iżda Obama għamilha ċara li jrid jagħti l-kontroll tat-tmexxija ta’ din l-operazzjoni. Obama bl-ebda mod ma jrid li l-pajjiżi Għarab jaħsbu li l-Istati Uniti għandhom xi interess imperjalist fil-Libja.
melvindelsol@hotmail.com