Lura għat-28 ta’ Lulju, 1981, f’intervista fuq La Repubblica, Enrico Berlinguer (Segretarju tal-Partit Komunista Taljan) kien identifika b’mod “profetiku” li l-problema fil-politika Taljana kienet aktar minn kollox ‘kwistjoni morali’.
Din l-intervista ħalliet il-marka fuq l-istorja tal-politika Taljana, hekk kif 11-il sena wara bdew ikunu żvelati diversi każi ta’ korruzzjoni wara investigazzjonijiet ġudizzjarji madwar l-Italja kollha. Dawn wasslu biex tkissret l-Ewwel Repubblika u l-partiti politiċi bdew jinqasmu, b’uħud anke sfaxxaw kompletament. Din is-sensiela ta’ każi baqgħet magħrufa bħala “Mani Pulite” u s-sistema korrotta li kienet żvelata tul dawn l-investigazzjonijiet bdiet tissejjaħ “Tangentopoli”.
Il-kwistjoni morali li semma Berlinguer
Fl-intervista li Berlinguer kellu ma’ Eugenio Scalfari (il-fundatur ta’ La Repubblica), hu kien spjega li l-partiti politiċi kienu qegħdin jokkupaw l-istat u l-istituzzjonijiet kollha, fosthom il-gvern. Kull azzjoni li kienet issir mill-istituzzjonijiet u mill-mexxejja tagħhom kienet tkun għall-interess tal-partiti u ta’ dawk li jmexxu.
Isemmi wkoll ix-xibka ta’ favoritiżmi, nepotiżmu, klijenteliżmu u diskriminazzjonijiet.
Iżda fuq kollox sejjaħ lill-partiti politiċi bħala ‘magni tal-poter’ fejn ħafna drabi ma jagħtux kas tal-problemi tas-soċjetà u tan-nies. Akkużahom li moħħhom kien biss fl-interessi tagħhom, lihinn mill-esiġenzi u l-bżonnijiet tan-nies. Dan kollu mingħajr ma jfittxu l-ġid komuni.
Sa minn dak iż-żmien, Berlinguer kien diġà qed jindika l-wasla tat-tkissir tal-partiti politiċi kif fil-fatt ġara 11-il sena wara.
L-ewwel ħjiel tal-‘kwistjoni morali’ kien f’Turin, meta nkixef l-iskandlu ta’ Zampini. Dan kien kuntrattur li mar għand is-sindku komunist Diego Novelli u qallu li kien ħallas tanġenti. Novelli, min-naħa tiegħu, minflok għattielu din il-kwistjoni qallu biex imur għand il-maġistrat.
X’wassal għal ‘Mani Pulite’
‘Mani Pulite’ ma waslitx b’kumbinazzjoni. Id-dejn pubbliku u l-kriżi ekonomika tal-1992 kienu wasslu biex jitnaqqas l-infiq pubbliku għax-xiri u għas-servizzi. Dan naqqas il-possibbiltà li dawk li kienu qegħdin ixaħħmu jitfgħu t-tanġenti fuq l-amministrazzjoni pubblika u jisperaw li dan qatt ma jkun żvelat. Ħafna kuntratturi, li sa dak iż-żmien kienu ħadu sehem f’diversi attivitajiet ta’ korruzzjoni, sabu ruħhom fi sqaq u minflok ingħaqdu ma’ dawk li kienu xaħħmuhom, bdew jitilquhom u jikxfu t-tanġenti li kienu rċevew.
Fil-bidu, il-partiti politiċi kienu jabbandunaw lil dawk li kienu jiġu arrestati hekk kif kienu jiddeskrivuhom bħala n-nagħġa s-sewda. Min-naħa tagħhom, dawk li kienu jiġu arrestati u jisfaw abbandunati mill-partiti tagħhom stess bdew iħossuhom ittraduti u għalhekk bdew jagħtu informazzjoni lill-pulizija dwar dak li kienu nvoluti fih sħabhom fil-partit. Dan wassal biex bħal katina bdew jinkixfu sensiela ta’ każi ta’ korruzzjoni. Fil-fatt, l-investigazzjonijiet urew li l-korruzzjoni kienet mifruxa u li kien hemm xibka sħiħa ta’ każi u rabtiet okkulti.
Ir-reazzjoni tal-pubbliku, li kien mifni bil-kriżi ekonomika, kellha effett kbir fuq ix-xena politika: f’qasir żmien għebu mix-xena politika Taljani ħames partiti politiċi ewlenin, fosthom id-Demokrazija Kristjana, il-Partit Soċjalista, il-Partit Soċjalista Demokratiku, il-Partit Repubblikan u l-Partit Liberali. Uħud minn dawn il-partiti kienu ilhom stabbiliti aktar minn mitt sena.
L-istorja ta’ ‘Mani Pulite’
Kollox beda fis-17 ta’ Frar tal-1992, meta l-imħallef Antonio Di Pietro arresta lil Mario Chiesa li kien membru tal-Partit Soċjalista Taljan. Chiesa kien arrestat fuq tixħim minn kumpanija tat-tindif minn Milan.
Il-Partit Soċjalista nqata’ minn ma’ Chiesa tant li Bettino Craxi anke sejjaħlu bħala ‘skalda f’partit soċjalista nadif’. Chiesa ħassu ttradut u għalhekk beda jagħti informazzjoni dwar każi ta’ korruzzjoni li fihom kellhom x’jaqsmu l-kollegi tiegħu. Dan kien it-tluq ta’ ‘Mani Pulite’.
Minnufih bdiet miexja l-kelma fil-midja li kien hemm politiċi korrotti.
Fl-elezzjonijiet tal-1992, id-Demokratiċi Kristjani tilfu ħafna voti iżda l-koalizzjoni ta’ qabel l-elezzjoni rnexxielha żżomm maġġoranza żgħira. Fl-istess ħin, il-partiti fl-oppożizzjoni bdew jiksbu aktar voti. Minkejja dan, il-Partit Komunista Taljan, li kien l-akbar oppożizzjoni, nqasam wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika u għalhekk ma kienx hemm tmexxija tal-oppożizzjoni.
Ħafna voti marru għal-Lega Nord, partit li dak iż-żmien ma kienx imdaħħal f’alleanzi. Il-parlament li kien ifformat kien fraġli u li fih diffiċli seta’ jintleħaq qbil. Għaldaqstant reġa’ kien hemm elezzjonijiet oħra fl-1994.
F’April tal-1992, ħafna politiċi u kuntratturi fl-industrija sfaw arrestati fuq każi ta’ korruzzjoni. Filwaqt li l-investigazzjonijiet bdew f’Milan, dawn malajr inxterdu minn raħal għall-ieħor u minn belt għall-oħra hekk kif iżjed politiċi bdew jammettu.
Spikka ħafna l-każ ta’ politiku Soċjalist li ammetta dak kollu li kien wettaq ma’ żewġ Carabinieri li sempliċiment kienu marru d-dar tiegħu biex iwasslulu ċitazzjoni tat-traffiku.
Biex ġew żvelati dawn il-każi kien fundamentali l-atteġġjament tal-politiċi li bdew jinqatgħu minn dawk il-politiċi li bdew jinqabdu. Ħafna ħassewhom ittraduti u għalhekk f’ħafna każi daħħlu lil diversi politiċi oħrajn magħhom li min-naħa tagħhom komplew jikxfu lil oħrajn.
Konsegwenzi
Fit-23 ta’ Mejju, 1992, l-imħallef Giovanni Falcone, wieħed minn dawk li ressqu l-qorti lil mijiet ta’ mafjużi f’nofs is-snin tmenin – f’dak li baqa’ magħruf bħala l-‘maxi-processo’ – nqatel flimkien ma’ martu u t-tliet gwardjani personali tiegħu permezz ta’ bomba fit-triq f’Capaci. Ftit xhur wara, il-kollega tiegħu Paolo Borsellino nqatel b’karozza bomba. Il-boss tal-Mafja Salvatore (Totò) Riina kien arrestat fl-1993 u warajh Giovanni Brusca (il-bniedem li ħaddem il-bomba f’Capaci) fl-1996. Dawn, flimkien ma’ oħrajn, ingħataw sentenza ta’ għomorhom il-ħabs għaż-żewġ każi ta’ qtil.
F’Settembru tal-1992, il-politiku Soċjalista Sergio Moroni, li kien akkużat b’korruzzjoni, wettaq suwiċidju u f’ittra li ħalla wara mewtu ddikjara li kien ħati iżda li wettaq dawk ir-reati mhux għall-interess personali tiegħu iżda għall-partit. Akkuża wkoll l-iffinanzjar tal-partiti politiċi.
Fl-elezzjonijiet li kien imiss, id-Demokratiċi Kristjani tilfu nofs il-voti. Ġurnata wara, il-mexxej tal-Partit Soċjalista, Bettino Craxi, ġie akkużat b’korruzzjoni. Craxi rriżenja żmien wara, hekk kif diversi politiċi oħrajn spiċċaw akkużati u arrestati wkoll fuq każi ta’ korruzzjoni. Eventwalment, Craxi kien ikkundannat biex iqatta’ diversi snin il-ħabs u għalhekk ħarab lejn it-Tuneżija, fejn baqa’ jgħix fl-eżilju sakemm ma miet. Ismu għadu sal-lum iqanqal kontroversja, tant li proposta biex triq f’Milan tissemma għalih wasslet għall-oppożizzjoni tar-residenti u magħhom ingħaqdu politiċi u maġistrati.
Investigazzjonijiet lil hinn mill-politika
L-investigazzjonijiet bdew jinfirxu wkoll ’il barra mix-xena politika. Kien arrestat l-imħallef Diego Curtò u aktar tard anke 80 uffiċjal tal-pulizija tal-finanzi u 300 persuna fl-industrija li kienu nvoluti f’każi ta’ korruzzjoni. Ftit jiem wara, is-segretarju tal-kumpanija Fiat ammetta li kien hemm każi ta’ korruzzjoni f’ittra li bagħat lill-gazzetti.
Fl-1994, Silvio Berlsuconi daħal fis-sena politika u rebaħ l-elezzjoni. Hemm tħassib li Berlsuconi wettaq dan biex jieħu ħsieb lill-kumpaniji tiegħu milli jispiċċaw akkużati b’każi ta’ tixħim. Dan beda jħasseb aktar lin-nies meta ħu Silvio, Paolo, ammetta li kien imdaħħal f’każi ta’ korruzzjoni. Il-gvern ta’ Berlusconi daħħal liġi li kienet teħles lil ħafna minn dawk li jinqabdu f’każi ta’ tixħim milli jeħlu l-ħabs.
Il-pubbliku ma laqax din id-deċiżjoni, iktar u iktar meta nħeles Francesco De Lorenzo li kien ministru tas-saħħa. Il-pubbliku kien iqis is-serq ta’ flus mill-isptarijiet bħala att krudili.
Li ġara wara baqgħet magħrufa bħala l-gwerra bejn Berlsuconi u Di Pietro. Minkejja li saru l-investigazzjonijiet, ma nstabux irregolaritajiet.
Du Pietro rriżenja u ġimagħtejn wara anke l-gvern ta’ Berlusconi minħabba li tilef vot ta’ fiduċja fil-parlament.
Fl-1995, bdew diversi investigazzjonijiet kontra Antonio Di Pietro nnifsu, li iżda kien meħlus minn kull akkuża. Anke Berlusconi kien akkużat b’xi każi ta’ korruzzjoni. Il-prosekutur kien ħu raġel li Di Pietro kien akkuża b’korruzzjoni u bagħtu l-ħabs. Wara li sar magħruf dan, il-prosekutur Fabio Salamone ngħata dmirijiet oħra għalkemm l-investigazzjonijiet kienu ħadu direzzjoni differenti. Ħu Silvio Berlusconi u l-eks-ministru Cesare Previti kienu akkużati b’kospirazzjoni kontra Di Pietro. Minkejja dan, il-prosekutur li laħaq flok Salamone lliberahom.
Previti rnexxielu jevita l-ħabs grazzi għal intervent tal-parlament minkejja li Berlusconi kien fl-oppożizzjoni.
Bdil fil-liġijiet
Il-gvern ta’ Giuliano Amato u l-Ministru tal-Ġustizzja Giovanni Conso ħarġu b’digriet li kien iħalli bosta każi ta’ tixħim li jiġu mibdulin f’akkużi amministrattivi. Skont l-opinjoni pubblika dan kien ifisser biss li ngħatat forma ta’ amnestija għal bosta każi ta’ korruzzjoni. Inħoloq inkwiet kbir mal-pajjiż u għalhekk il-President tar-Repubblika, Oscar Luigi Scalfaro rrifjuta li jiffirma dan id-digriet hekk kif saħaq li kien imur kontra l-kostituzzjoni.
Ġimgħa wara kien żvelat każ li fih kienet involuta l-Eni, il-kumpanija nazzjonali tal-enerġija u li hi kkontrollata mill-gvern. Komplew iżjed każi ta’ korruzzjoni u aktar nies spiċċaw arrestati.
Inbidlet il-liġi elettorali għal waħda li tiffavorixxi li jiggverna min ikollu maġġoranza u aktar tard f’referendum il-poplu Taljan qabel li titneħħa l-liġi elettorali li kien hemm. Amato rriżenja u ħalla l-parlament bla gvern. Intagħżel Carlo Azeglio Ciampi, li kien l-eks-gvernatur tal-bank nazzjonali, biex imexxi l-gvern. Dan ħatar gvern teknokratiku mingħajr influwenzi politiċi.
Intant, l-investigazzjoni ta’ Craxi ġiet imblokkata mill-parlament u membri tal-gvern irriżenjaw bi protesta. Fl-elezzjonijiet li saru fis-6 ta’ Ġunju, 1993, id-Demokratiċi Kristjani għal darb’oħra tilfu nofs il-voti u l-Partit Soċjalista ma baqax jissemma aktar. Minflok kisbu popolarità l-Lega Nord għalkemm kienu għadhom lura biex jieħdu rwol sinifikanti fil-gvern.
Ir-restawrazzjoni tal-politika
Fil-verità, is-sistema politika ngħaqdet f’forom ġodda iżda xorta baqgħet maqtugħa mill-poplu. Fost l-oħrajn kien imdawwar ir-riżultat tar-referendum dwar il-finanzi pubbliċi tal-partiti politiċi li llum jiksbu ħafna iżjed flus mill-istat milli qabel ir-referendum u li huma ġġustifikati bħal spejjeż għall-elezzjonijiet.
Minn ‘Mani Pulite’ ’l hawn saru tentattivi biex tiġi rrestawrata l-politika Taljana. Ir-riżultat kien li naqas l-ammont ta’ kundanni fuq każi ta’ korruzzjoni u tefa’ lill-Italja fl-agħar postijiet fuq l-indiċi tal-pajjiżi li huma l-aktar korrotti.
It-tnaqqis fin-numru ta’ kundanni ta’ korruzzjoni mhux riżultat ta’ tnaqqis fil-korruzzjoni iżda biss diffikultà biex il-korruzzjoni tkun miġġielda. Il-maġistrati jkollhom jaħdmu f’ambjent fejn huma attakkati minn kulħadd u mingħajr is-saħħa biex iwettqu azzjoni. Ħafna każi fil-fatt jispiċċaw fi preskrizzjonijiet. B’hekk il-korruzzjoni jista’ jkun li flok naqset aktar żdiedet.
Il-fatt hu li l-liġijiet kif inhuma jagħtu ċ-ċans li l-provi jiġu mfixklin. Diffiċli li jsiru investigazzjonijiet fuq korruzzjoni meta dawk li ħadu sehem fiha jistgħu jikkomunikaw bejniethom. Lanqas mhu biżżejjed li dawk li kienu nvoluti f’tixħim jitneħħew mill-karigi tagħhom u l-istorja tieqaf hemm, għax dawn imbagħad jibdew iservu lil dawk il-korrotti li jkunu għadhom ma ġewx żvelati. Il-kodiċi tal-proċeduri penali jisħaq li min ikun ilu mdaħħal f’każi kriminali m’għandux jitħalla fil-libertà. Iżda diversi kampanji kontra dawn is-sentenzi ġiegħlu li llum il-ġurnata l-maġistrati jarrestaw ħafna inqas nies fuq dawn ir-reati u meta jagħmlu dan ma jibgħatuhomx il-ħabs. Għalhekk ħafna investigazzjonijiet jispiċċaw imwaħħlin.
Dawk li jkunu akkużati jgħidu biss dak li jkun jaqblilhom u li ma jistgħux jiċħdu u ħafna drabi wara konsultazzjoni ma’ dawk li jkunu kompliċi magħhom.
L-unika għajnuna għall-investigazzjonijiet
L-uniku sforz li jgħin f’dawn l-investigazzjonijiet huma l-konvenzjonijiet internazzjonali. Minkejja dan, il-konvenzjoni penali dwar il-korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, wara li ġiet iffirmata fl-1999, xorta għadha mhix ratifikata mill-Italja.
Konvenzjonijiet oħrajn li qegħdin jistennew li jiġu ratifikati għadhom jistennew jew inkella tnaqqas il-valur tagħhom.
Illum il-ġurnata
Jidher li l-partiti politiċi Taljani llum ma jabbandunawx lill-membri tagħhom li jispiċċaw fl-inkwiet u jipprovaw jiddefenduhom.
Min-naħa l-oħra, il-pubbliku jew m’għadux jagħti kas jew inkella mhux qed ikun informat tajjeb dwar dak li jkun għaddej. Fl-1992, il-midja kienet tirrapporta ħafna aħbarijiet dwar dak li kien għaddej u l-kummenti kemm-il darba kienu jkunu favur it-tindif politiku li kien qed isir.
Iżda spiss il-fatti kienu mdawrin jew moħbijin b’mod ikkontrollat mill-politiċi u l-kuntratturi li kienu nvoluti fl-investigazzjonijiet.
Il-maġistrati sofrew ħafna attakki iżda dak li għaddew minnu ġiegħelhom ikunu iżjed magħqudin. Fil-fatt, il-każi ta’ korruzzjoni li għad ikun hemm dejjem jiġu minn maġistrati aktar milli mill-pulizija u dan juri kemm fil-fatt il-qrati baqgħu indipendenti.
‘Mani Pulite’ seħħet 20 sena ilu u kien proprju l-qofol biex il-korruzzjoni fl-Italja bdiet tiġi mikxufa u mill-fatti ħarġu elementi importanti li jistgħu jgħinu fil-ġlieda vera kontra dan il-ħażen.
No comments:
Post a Comment