
Fl-2007, il-priġunieri ħadu sehem fil-Via Crucis nazzjonali flimkien mal-Arċisqof Pawlu Cremona li saret madwar il-bini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u proprju s-sena l-oħra ħadu sehem f’attività li saret ukoll fil-knisja parrokkjali ta’ Kristu Re, fejn saret quddiesa mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech u tbierket statwa ta’ Ġesù Redentur li tħallset mill-priġunieri nfushom u li tinżamm fil-kappella tal-Faċi-lità Korrettiva ta’ Kordin.
Barra minn hekk, numru ta’ priġunieri kienu wkoll intagħżlu biex jagħmlu xogħol fil-komunità fejn kienu rranġaw il-librerija pubblika ta’ Raħal Ġdid u anke ġnien tal-lokal.
Din is-sena, proprju f’Ras ir-Randan, il-priġunieri reġgħu ħadu sehem fil-komunità hekk kif taw sehemhom fil-pellegrinaġġ penitenzjali organizzat f’dan iż-żmien tas-sena.
Din l-idea ħarġet mill-Kunsill Pastorali flimkien mal-kappillan Dun Vincenz Cachia u b’kollaborazzjoni mal-kappillan tal-ħabs Fr Franco Fenech, Franġiskan Kapuċċin. Dan il-ħsieb imbagħad tressaq quddiem l-awtorità tal-ħabs immexxi mis-Supretendent Abraham Zammit li min-naħa tiegħu approva li dan għandu jsir. Dan sar ukoll peress li dawn l-esperjenzi huma fi qbil mal-liġi tar-Restorative Justice Act li daħlet fis-seħħ din is-sena. Dawn huma mumenti fejn il-priġunier jersaq lejn is-soċjetà u s-soċjetà tersaq ukoll lejn il-priġunier.
Talba ta’ maħfra
Il-pellegrinaġġ laħaq il-qofol tiegħu fl-aħħar tal-quddiesa li saret wara l-purċissjoni bix-xbiha ta’ Kristu msallab, li refgħuha l-priġunieri nfushom. B’kollox ħadu sehem 18-il priġunier f’din l-attività.
F’messaġġ miktub minn numru ta’ priġunieri u li nqara minn priġunier minnhom, dawn taw raġun lin-nies li forsi setgħu kienu vittmi tal-azzjonijiet ħżiena tagħhom u li forsi huma rrabjati għalihom. Spjegaw kif huma jifhmu li weġġgħu ħafna nies, fost l-oħrajn anke lill-familji tagħhom stess. Ta’ dan huma talbu maħfra diversi drabi waqt id-diskors tagħhom.
Mhux hekk biss, iżda marru lil hinn u spjegaw xi tfisser il-kelma “maħfra”. Kull ittra ħarġu minnha kelma u għalhekk maħfra ġiet tfisser imħabba, għarfien, ħtija, fiduċja, rieda u aħjar.
Fit-tifsira ta’ dawn il-kliem, il-priġunieri spjegaw li mhux faċli li tħobb lil min ikun għamillek il-ħsara. La għall-vittmi tal-azzjonijiet tagħhom mhi faċli u lanqas għalihom li jħobbu lis-soċjetà li tħares lejhom bl-ikrah. Semmew ukoll kif il-midja kemm-il darba tweġġagħhom b’rapporti li ma jkunux jaqblu għal kollox mal-verità.
Semmew ukoll li huma min-naħa tagħhom iridu jagħrfu dak il-ħażin li wettqu u mingħajr ma jġibu skużi jippruvaw jirranġaw. Min-naħa l-oħra wrew it-tħassib tagħhom li s-soċjetà ħafna drabi tirraġuna li “min twieled tond ma jmutx kwadru” u li “dawk sakkarhom u armi ċ-ċavetta”. Huma jħossu li dan kollu għandu jinbidel.
L-ewwel pass hu li jagħrfu l-ħtija tagħhom biex jibdew il-proċess ta’ fejqan. Biex jagħmlu dan hemm bżonn li jingħataw fiduċja. In-nuqqas ta’ fiduċja qiegħda tpoġġi lil diversi priġunieri f’dilemma: jekk hux aħjar li jibqgħu fil-ħabs inkella barra. Filwaqt li l-ħabs jista’ jkun post ta’ riforma, jekk is-soċjetà ma tkunx lesta li terġa’ tibni fiduċja fihom allura dan kollu jkun ta’ xejn. Hemm bżonn li jingħataw fiduċja fuq il-postijiet tax-xogħol u anke fil-komunità fejn jgħixu.
Il-priġunieri saħqu li għandu jkun hemm rieda miż-żewġ naħat. Żgur li din għandha tibda minnhom li jibnu u juru r-rieda tagħhom li ma jwettqux iżjed żbalji b’risq is-soċjetà, tagħhom infushom u tal-familji tagħhom.
Is-soċjetà jrid ikollha r-rieda li tippaċifika mal-priġunieri. Rieda li ħadd ma jistħihom bħala priġunieri u li jitolbu għalihom. Rieda li min-naħa tal-midja meta ssemmihom tiftakar li huma wkoll għandhom familji li fis-soċjetà huma vittmi innoċenti. Irid ikun hemm rieda tal-azzar miż-żewġ naħat. B’dan il-mod il-priġunieri jħossu li kulħadd jista’ jħossu aħjar.
Fl-aħħar tad-diskors, il-priġunieri wegħdu li se jagħmlu minn kollox biex joħorġu ħafna aħjar milli daħlu. Se jistennew li s-sentenza tagħhom tgħaddilhom u jistennew li s-soċjetà tilqagħ-hom b’idejha miftuħin bħalma Ġesù fetaħ idejh għal kulħadd fuq is-salib.
Malli ntemm dan id-diskors, ir-reazzjoni ta’ dawk preżenti kienet waħda ta’ ċapċip li wriet li dan id-diskors intlaqa’ tajjeb. Ma naqsitx ukoll xi demgħa fuq wiċċ xi wħud.
Min-naħa tiegħu, il-kappillan tal-komunità parrokkjali ta’ Raħal Ġdid wiegħed li flimkien mal-komunità se jaħdmu biex meta l-priġunieri jispiċċaw is-sentenza tagħhom, isibu soċjetà li tappoġġjahom, tilqagħhom u tagħtihom opportunità mill-ġdid li jħossuhom parti minnha.
Pubbliku numeruż
Għal din l-attività ta’ Ras ir-Randan attendiet folla numeruża ta’ nies li bi ħġarhom marru jieħdu sehem f’dan il-pellegrinaġġ. Barra l-komunità ta’ Raħal Ġdid, attendew id-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Abraham Zammit u diversi uffiċjali oħrajn. Kien hemm ukoll membri tal-Kunsill Lokali u numru sabiħ ta’ nies.
Il-quddiesa kienet iċċelebrata mill-kappillan Dun Vincenz Cachia flimkien ma’ saċerdoti oħrajn li jaqdu fl-istess parroċċa. Il-kappillan tal-ħabs, Fr Franco Fenech għamel l-Ome-lija tal-quddiesa fejn ukoll saħaq li l-loġika t’Alla mhix li l-importanti li nsalvaw aħna u ma nagħtux kas ta’ ħaddieħor, wisq iżjed ta’ dawk li b’xi mod ikunu weġġgħuna, naqsuna jew offendewna. Lanqas li naraw lil min ikun weġġagħna jintilef, ibati jew isofri. Spjega li Alla wasal biex ta ħajtu għalina meta aħna konna għedewwa tiegħu.
mfarrugia@unionprint.com.mt
No comments:
Post a Comment