Sunday, March 11, 2012

Aktar tħassib dwar il-konsegwenzi tal-ACTA...Tonio Fenech ma juri ebda tħassib

Dawk li jagħmlu użu mill-internet fl-Ingilterra bdew iduqu dak li jista’ jkun il-futur, hekk kif sfaw mheddin li jistgħu jeħlu mal-għaxar snin ħabs fuq ‘downloading’ illegali. Dan ġara wara li ngħalaq wieħed mill-akbar siti minn fejn titniżżel il-mużika, ftit wara li l-Ingilterra ffirmat it-trattat tal-ACTA.
Din kienet l-ewwel mossa li qatt saret kontra dawk li jagħmlu użu mill-internet fl-Ingilterra. Fl-2009, il-gvern Ingliż kien daħħal regolamenti li kienu jippermettu lil dawk li jipprovdu s-servizz tal-internet biex jintraċċaw lil min ikun qed iniżżel kontenut b’mod illegali u jaqtgħulhom is-servizz jekk dawn ma jagħtux kas l-ittra ta’ twissija. Issa jidher li bl-ACTA l-kunflitt tela’ fuq livell ieħor. 
Dan it-trattat ikkawża bosta ritaljaz-zjoni, tant li grupp ta’ attivisti magħrufin bħala “Anonymous” għamlu ‘hacking’ tal-websajts tal-gvern Amerikan. Dan qed iġiegħel lil bosta awtoritajiet ta’ diversi pajjiżi biex jikkunsidraw l-użu ta’ liġijiet tal-pajjiż kontra l-piraterija. Fi Frar, il-pulizija tal-Ingilterra għalqu s-sit RnBxclusive.com, sit magħruf ħafna għad-‘downloading’ tal-mużika. Il-pulizija ħadu rwol li jiddefendu l-profitti tal-korporazzjonijiet il-kbar. 

Ikklassifikati l-istess bħal reati kriminali gravi

Normalment, din id-diviżjoni tal-pulizija magħrufa bħala ‘Serious Organized Crime Agency’ (SOCA) tieħu ħsieb reati kriminali li jaffettwaw lill-Ingilterra u liċ-ċittadini tagħha. 
Minkejja dan, jidher li llum il-ġurnata d-‘downloading’ ta’ materjal minn websajts tpoġġa fl-istess klassifika ta’ reati bħal drogi ta’ klassi A, nies li jwettqu kuntrabandu u jittraffikaw lin-nies, atti kriminali b’involviment ta’ armi, frodi u ħasil ta’ flus. 
Dawn il-prattiċi qegħdin iqajmu aktar tħassib hekk kif it-theddida hi li dawk li jniżżlu materjal minn fuq l-internet jistgħu jeħlu mal-għaxar snin ħabs talli jkunu “serqu” £60 f’diski.

Tonio Fenech jinsisti li t-trattat tal-ACTA hu ta’ ġid

Intant, għall-Ministru Tonio Fenech l-ACTA hu “intiż biex isaħħaħ il-kompettività tal-ekonomija Ewropea.” Meta mistoqsi mit-TORĊA, il-ministru qalilna li l-ħarsien tal-proprjetà intellettwali jfisser ħarsien tal-impjiegi u garanzija akbar għall-innovazzjoni. Il-ftehim jikkonċerna proċeduri u miżuri li huma intiżi biex ikunu inforzati regoli li diġà jeżistu fl-Ewropa.
Dwar il-fatt li diversi pajjiżi qegħdin juru tħassib dwar l-ACTA, il-ministru qal li l-Ġermanja u l-erba’ stati membri oħrajn li għadhom ma ffirmawx l-ACTA kienu favurih waqt in-negozjati u mhux minnu li dawn il-pajjiżi ma ffirmawx il-ftehim għax kellhom xi problema bit-test tal-ftehim. 
Skont Tonio Fenech, “il-gvern Malti konvint li għandu jitqanqal dibattitu wiesa’, inkluż fuq livell Ewropew, biex ikun żgurat li l-libertajiet relatati mal-użu tal-internet isiru parti integ-rali tal-identità tagħna u tal-valuri li nħaddnu bħala Ewropej. Dan għandu jsir b’mod għaqli u b’mod li jiżgura li jintlaħaq bilanċ adegwat bejn id-drittijiet taċ-ċittadini u l-protezzjoni tal-drittijiet intellettwali.”
Dwar dak li qed iseħħ fl-Ewropa, Fenech qal li dan juri biċ-ċar li għandna nagħmlu l-almu tagħna biex nuru li d-drittijiet fundamentali japplikaw ukoll għall-attivitajiet kollha li jsiru onlajn. Jgħid ukoll li għandna nistinkaw biex nistabilixxu prinċipji ta’ gwida rigward il-privatezza, kif ukoll dwar il-libertà tal-użu tal-informazzjoni onlajn. 

Nibżgħu jew le?


Minkejja li hemm ħafna nies li qegħdin jibżgħu li bl-ACTA tista’ tkun mhedda l-privatezza tagħhom (eżempju jkunu ċċekkjati l-imejls li persuna tkun bagħtet), skont Tonio Fenech dan it-trattat mhux intiż li jżid xi restrizzjonijiet iktar minn dawk li huma diġà applikabbli skont ir-regolamenti u d-direttivi tal-Unjoni Ewropea u b’ebda mod ma jinvolvi kontroll jew moniteraġġ ta’ komunikazzjoni privata fuq l-internet. 
Fl-istess waqt iżda, minħabba dan l-istess tħassib, il-gvern Malti talab lill-Kummissarju Malti tad-‘Data Protection’ biex janalizza u jevalwa dan il-ftehim u jagħti l-parir tiegħu lill-Kumitat għall-Affarijiet Ewropej tal-Parlament. Dan x’ifisser? Allura hemm tħassib li fil-fatt dawn l-affarijiet jistgħu jseħħu? 
Intant, Tonio Fenech spjegalna wkoll li l-Prim Ministru riċentement ħabbar li se jkunu inkorporati fil-liġi Maltija, possibbilment fuq livell Kostituzzjonali, erba’ drittijiet ġodda ta’ natura ċivili. Dawn huma d-dritt tal-aċċess għall-internet, dak tal-aċċess għall-informazzjoni onlajn, id-dritt tal-libertà tal-espres-sjoni onlajn, u d-dritt tal-iskambju tal-informazzjoni onlajn.

Sitwazzjoni “tinten”

Dwar dan tkellimna mal-avukat Owen Bonnici li hu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-Proprjetà Intellettwali u membru tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej. Bonnici spjegalna li jekk liġi ordinarja (bħall-ACTA) u l-kostituzzjoni ma jaqblux, allura hi l-kostituzzjoni li tirbaħ fuq it-tnejn. 
Dwar dan, il-kelliem Laburista wera t-tħassib tiegħu. Iħoss li Lawrence Gonzi qed jilgħab karta meta qed jgħid li se jdaħħal id-drittijiet diġitali fil-kostituzzjoni biex fid-dehra wieħed jifhem li jekk id-drittijiet diġitali u l-ACTA jmorru kontra xulxin, se jkunu d-drittijiet diġitali li jirbħu fuq l-ACTA. 
Għal Owen Bonnici din is-sitwazzjoni tinten għax fil-Kostituzzjoni għandna kapitlu ta’ drittijiet – bħad-dritt tax-xogħol – li qiegħed hemm biss biex juri x-xewqa tal-istat fejn irid jasal. Mhux qiegħed hemm dan id-dritt biex jagħti għodda liċ-ċittadin li jfittex lill-gvern tiegħu f’każ li eżempju dan ma jkollux xogħol. 
Dawn id-drittijiet jinsabu f’Kapitlu 2 tal-Kostituzzjoni u mhumiex bħal dawk li jinsabu f’Kapitlu 4 li huma simili ħafna tal-Karta tad-Drittijiet Universali tal-Bniedem (dritt tal-ħajja, dritt għal smigħ xieraq, eċċ.). Dawn id-drittijiet ta’ Kapitlu 4 huma fundamentali u jekk jinkisru, bniedem jista’ jfittex lill-gvern fil-qorti u jirbaħlu. 
Id-drittijiet li jinsabu f’Kapitlu 2 tal-Kostituzzjoni però mhumiex inforzabbli ġudizzjarjament, li jfisser li qegħdin hemm bħal xewqa u ċ-ċittadin ma jistax jużahom biex jattakka xi liġi ordinarja jew inkella jieħu kumpens f’każ li jinkisirlu xi dritt.
L-avukat Bonnici spjegalna li meta “staqsejt lill-Ministru Tonio Fenech jekk dawn id-drittijiet diġitali humiex se jaqgħu taħt Kapitlu 2 jew taħt Kapitlu 4, il-Ministru, li kellu fejnu avukat tal-affari tiegħu ħafna, il-Ministru Jason Azzopardi, qalli li ma jafx u ma jista’ jeskludi xejn.” 

Tonio Fenech mhux inkwetat dwar il-legalità tal-ACTA

Intant, il-Kumitat Parlamentari tal-ACTA ssospenda l-ħidma tiegħu sakemm il-Qorti Ewropea tiddeċiedi dwar il-legalità jew le tal-ACTA. Hu mifhum li dan il-proċess jaf jieħu madwar 18-il xahar jew mhux aktar.
Meta staqsejna lill-Ministru Fenech jekk jinkwetahx il-fatt li dan it-trattat iddaħħal fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja hu qal li “assolutament le”. Spjega li l-gvern Malti kien favur id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirreferi l-ACTA lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Dan għax ir-riferiment lil din il-qorti tiżgura li d-dibattitu fuq dan il-ftehim jitmexxa b’ċertezza legali, partikolarment fid-dawl tad-dibattitu li għandu jkun hemm fil-Parlament Ewropew.
“Il-gvern m’għandux l-intenzjoni li jissottometti l-ACTA lill-Kumitat għall-Affarijiet Ewropej tal-Parlament għar-ratifika qabel il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea taċċerta ruħha li dan il-ftehim hu mija fil-mija f’konformità mal-liġijiet Ewropej; il-Parlament Ewropew jagħti l-kunsens tiegħu dwar dan il-ftehim; u l-ħames stati membri li ma ffirmawx tali ftehim fil-fatt jiffirmawh.”

No comments:

Post a Comment