
Hemm ukoll min ħa iżjed interess u ra kif żviluppa ideat ġodda biex ikun jista’ jilħaq dan il-għan.
Fl-aħħar jiem it-TORĊA ltaqgħet ma’ Brian Bugeja, eks-ħaddiem tat-tarzna li bl-esperjenza li għandu fis-snajja’ rnexxielu joħloq turbina li taħdem bir-riħ u biha qed iħaddem id-dawl kollu fl-għalqa tiegħu.
L-iżvilupp tal-idea
L-idea bdiet bl-ewwel turbina li kienet magħmula minn ‘alternator’ ta’ magna tal-baħar. Din kienet tagħti kurrent iżda għal Brian ma kienx biżżejjed daqskemm xtaq. Għaldaqstant hu ħadem turbina oħra, dik li fil-fatt għandu taħdem bħalissa.
Meta din it-turbina taħdem hi tiġġenera kurrent li titfgħu f’batteriji maħżunin f’kamra taħt l-art. Mill-batteriji jgħaddi l-elettriku f’‘inverter’ li minn 12 Volts jamplifikah għal 240 Volts.
Permezz ta’ dan id-dawl li jiġi ġġenerat Brian jirnexxilu jħaddem id-dawl kollu li għandu fl-għalqa, funtana u anke inkubatur li jħallieh dejjem mixgħul.
Barra minn din it-turbina, Brian ħa ħsieb li waħħal ukoll żewġ pannelli fotovoltajċi biex meta ma jkunx hemm biżżejjed riħ dawn jikkumpensaw għalihom.
Il-proġett ma waqafx hawn u fil-fatt Brian qiegħed jaħdem fuq it-tielet mudell ta’ turbina, din id-darba ikbar u li jagħti aktar kurrent minn ta’ qablu. Dan il-mudell hu aħjar għax għandu kalamiti akbar u peress li kollox hu fuq skala ikbar allura joffri iżjed saħħa. Fehemna li peress li kabbar id-daqs tat-turbina allura kellu jkabbar kollox (dejjem bl-istess skala), fosthom anke l-iskrun.
Għalkemm din it-turbina taħdem fuq l-istess prinċipju ta’ dawk ta’ qabilha, din hi aktar żviluppata speċjalment fejn hemm il-boxxli li taħdem fuqhom it-turbina. Hu importanti li dawn il-boxxli jkunu jistgħu jaħdmu mal-inqas riħ li jaħkem it-turbina.
L-ewwel pass kien li Brian iddisinja kif kellha tiġi t-turbina. L-ewwel ħadimha tal-injam. Imbagħad ħadem dan il-qafas fit-tarzna fejn kien hawn l-unika funderija. It-turbina hi magħmula minn aluminju fondut li jista’ jinxtara f’forma ta’ blokok minn ‘scrapyard’. Wara dan il-pass Brian uża t-torn biex ipperfezzjona dan il-qafas skont il-qisien eżatti li kellu bżonn. Kulma kellu jixtri kienu l-kalamiti u r-‘rotor’ tal-mutur. Il-bqija nħadem kollox minnu stess.
Fattur interessanti li qalilna bih hu li turbina għandha kapaċità tagħti ċertu ammont ta’ saħħa li jiddependi fuq il-kobor tagħha. Ma tistax taqbeż dak l-ammont għax inkella jew iġġarrab ħsarat jew tisħon u taqbad. Brian kien jaf b’dan u biex jevita li jkollu ħsarat bena din it-turbina b’tali mod li malli r-riħ li jolqot il-paletti tagħha jkun iżjed minn 70 kilometru fis-siegħa din iddur fuqha nnifisha u tieħu l-istess direzzjoni tar-riħ. Sakemm ir-riħ jibqa’ għaddej b’din il-veloċità allura t-turbina tibqa’ magħluqa u ma ssirilha l-ebda ħsara. Malli r-riħ jonqos, it-turbina terġa’ tinfetaħ u tkun tista’ tkompli tiġġenera l-elettriku.
Rigward l-għoli tal-arblu li fuqha hi mwaħħla din it-turbina, Brian qalilna li aktar ma tgħolliha aktar tinħakem mir-riħ iżda mbagħad trid toqgħod attent għax iżjed ikollok bżonn ventijiet biex iżżommha u jkollok aktar periklu.
Din it-turbina ssirilha manutenzjoni darbtejn f’sena. Fost l-oħrajn jiċċekkja li l-boldijiet ikunu għadhom issikkati peress li bir-riħ tkun taħt pressjoni kbira. Fil-fatt, il-boldijiet huma marbutin b’‘lock nuts’ ħalli ma jkunux jistgħu jinħallu malajr.
Brian spjegalna li meta tibda tagħqad din it-turbina ddur b’saħħitha ħafna u allura hu importanti li l-boldijiet ikunu ssikkati sew biex jiġi evitat kull periklu. Barra minn hekk, meta jniżżel it-turbina għall-manutenzjoni jiċċekkja wkoll il-wajer tad-dawl li hemm fiha ħalli jara li ma jkunx inqaras jew saritlu xi ħsara. Biex iħaffef iżjed ix-xogħol, l-arblu jitla’ u jinżel b’sistema ta’ ‘hydraulic’. Il-paletti tat-turbina huma magħmulin minn ‘resin’ biex kemm jista’ jkun ikunu rqaq u ħfief ħalli jipprovdu iżjed effiċjenza.
Is-sistema tad-dawl ħadimhielu l-ħabib tiegħu Josie Bugelli li hu inġinier fuq l-elettriku.
It-turbina għandha sistema ta’ ‘earthing’ għax f’riħ qawwi tiġġenera ħafna kurrent. Il-kurrent jidħol f’sistema ta’ kontroll biex Brian ikun jista’ jiċċekkja li l-batteriji jkunu mtlew. Kif jimtlew dawn il-batteriji l-kurrent żejjed imur f’apparat ieħor biex ma jagħmilx ħsara lill-batteriji. Meta jkun ħafna riħ Brian ikun jista’ jixxortja l-kalamiti tat-turbina u din ma ddurx iktar.
Min-naħa l-oħra, il-pannelli wkoll jidħlu f’sistema ta’ kontroll oħra li timla fil-batteriji.

Din it-turbina tagħti saħħa ta’ 1,500 Watts fis-siegħa meta jkun riħ bejn forza 4 u 5.
Brian spjegalna li fl-aħħar jiem għamlu xi erbat ijiem bla xemx. Hekk kif iċċekkja l-amperaġġ tal-pannelli sab li dawn ma kienu qegħdin jipproduċu kważi xejn. Minkejja dan, peress li kien ftit tar-riħ it-turbina bdiet tagħti l-kurrent.
Bl-istess mod, fi ġranet oħra meta ma jkunx hemm ir-riħ u tkun ix-xemx il-pannelli jikkumpensaw. Għaldaqstant dawn iż-żewġ sistemi jagħmlu tajjeb għal xulxin.
B’din is-sistema Brian qed jirnexxilu jixgħel id-dawl kollu tal-għalqa tiegħu. Minkejja dan, issa qed jittama li kif iħaddem it-tielet turbina jkun jista’ jħaddem ukoll il-pompi tal-ilma.
Rigward il-ħoss li tagħmel it-turbina meta taħdem, Brian qalilna li kulma tisma’ hu l-ħoss tal-kalamiti waqt li ddur. Qal li din is-sistema ma tistax titpoġġa fuq il-bjut tad-djar għax forsi ma tidhirx daqshekk sabiħa estetikament iżda hija tajba għal min ikollu għelieqi jew inkella jekk isiru fuq skala akbar f’postijiet tal-apposta. Qal ukoll li kieku hu ma jeskludix ukoll li jitpoġġew fuq il-baħar.
Sistemi li jgħinu t-tnaqqis ta’ konsum mill-powerstation
Brian wera n-nuqqas ta’ qbil ma’ dawk in-nies li jgħidu li l-pannelli mhumiex biżżejjed biex il-powerstation tħoss xi effett. Semma kif fit-tarzna huma kienu jissupplixxu tankers kbar b’turbina waħda tal-powerstation. Ġabilna eżempju b’karozza li tkun tiela’ telgħa. Waqt li tkun f’telgħa din taħli ħafna iżjed fjuwil milli fi triq livell għax issib iżjed reżistenza. Bl-istess mod, il-pannelli u t-turbini li jiġġeneraw l-elettriku jkunu qegħdin itaffu minn fuq il-piż li jridu jġorru l-powerstations u għalhekk jinħela inqas fjuwil.
Brian hu fidujuż li b’dan il-mod jekk Malta jiżdiedu biżżejjed l-ammont ta’ pannelli u turbini allura nkunu nistgħu nnaqqsu l-ammont ta’ ‘boilers’ li jaħdmu fl-istess ħin. B’dan il-mod inkunu qegħdin niffrankaw min-nefqa fuq il-fjuwil u nieħdu ħsieb saħħet in-nies.
Għalhekk hu jħoss li l-gvern għandu jgħin iżjed lin-nies biex jinvestu fuq il-pannelli fotovoltajċi b’tali mod li s-sistema tkun tgħin lin-nies jiġġeneraw biżżejjed elettriku għalihom tant li ma jieħdu xejn minn tal-gvern.
Din hi biss farka ta’ dak li jista’ jsir
Din li għamel Brian hi biss farka ta’ dak li jista’ jiġi ġġenerat jekk il-proġett isir fuq skala wisq akbar.
Fl-aħħar jiem Brian ra kemm hi tajba din is-sistema hekk kif fl-għalqa għandu inkubatur tal-flieles li jħaddem biss bl-elettriku li jiġġenera hu stess. Fl-aħħar jiem inqata’ d-dawl fl-inħawi fejn għandu l-għalqa iżda l-inkubatur baqa’ jaħdem u b’hekk faqqsu żewġ flieles.
Brian jemmen li jekk din l-idea tiegħu ssir fuq skala kbira allura l-kurrent li jiġi ġġenerat ikun jista’ jgħaddi fis-sistema nazzjonali u sservi ta’ għajnuna għall-powerstations. B’dan il-mod jistgħu wkoll jitnaqqsu l-emissjonijiet.
Kemm swiet is-sistema
Din it-turbina ġiet tiswa madwar €600. Barra minn hekk is-sistema tuża erba’ batteriji li kull waħda tiswa €180. Ma’ dawn imbagħad jiżdied il-prezz tal-istallazzjoni minn persuna kkwalifikata fid-dawl.
Min jixtieq aktar tagħrif dwar dan il-proġett jista’ jsib lil Brian fuq Facebook bl-isem ta’ Brian Bugeja.