L-ispirtu tal-Milied fil-ħabs għadu ħaj
Lil hinn mit-tlellix u mit-tiżjin fit-toroq, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin il-Milied huwa wieħed differenti u li jġib miegħu ħafna ħsibijiet u riflessjoni fost dawk li b’xi mod żbaljaw u qegħdin ipattu għal dak li għamlu. Minkejja dan, l-ispirtu tal-Milied jinżamm ħaj minn nies bħall-Kappillan tal-Ħabs, Patri Franco Fenech Franġiskan Kapuċċin, li dejjem jipprova jisma’ lill-ħabsin u x-xewqat tagħhom u jaħdem biex ikisser il-ħajt kbir li hemm bejn id-dinja ta’ hemm ġew u barra.
l-orizzont tkellem ma’ Patri Franco biex naraw x’jiġri fi żmien il-Milied fil-ħabs u kif iħossuhom il-priġunieri f’dan iż-żmien tas-sena. Din is-sena dan il-patri, b’kollaborazzjoni mal-Maġġur Charles Cachia, ħejja programm varjat li beda fis-17 ta’ Diċembru. Fost l-oħrajn kien jinkludi kunċert mużiko-letterarju, drama, kant, tħejjija għall-funzjonijiet reliġjużi u preparazzjoni ta’ ikel u ħlewwiet bl-għajnuna ta’ Suor Adele Baldacchino, soru tal-Karità li għal dawn l-aħħar 20 sena ma naqset qatt li tkun preżenti u tagħti sehemha fil-ħabs. Ħafna minn dawn l-attivitajiet tħejjew mill-priġunieri nfushom.
Meta tkellimna ma’ Patri Franco, hu qalilna li waqt is-serata nqraw xi ħsibijiet ta’ wħud mill-ħabsin, li esprimew x’inhi d-differenza tal-Milied meta tkun il-ħabs u għalhekk illum qegħdin inwassluhomkom. Barra minn hekk, ġabrilna wkoll kummenti oħrajn minn diversi priġunieri li wkoll taw il-ħsibijiet tagħhom f’dawn iż-żminijiet.
Michael Micallef - ufficjal tal-habs u eks-stampatur
Micallef ta ħarsa lejn meta kien jaħdem mal-gazzetta u spjega li fil-ġurnata tal-Milied u l-għada ma kinitx toħroġ il-gazzetta, bħalma ma toħroġx ukoll fil-Ġimgħa l-Kbira. Għaldaqstant, fil-gazzetta tal-24 ta’ Diċembru kienu jidhru tliet skedi tat-televiżjoni u l-aħbarijiet kienu jiġu ppubblikati jumejn wara. Semma wkoll il-preparazzjoni ta’ supplimenti tal-Milied u anke kalendarji, djarji u kartolini.
Irrefera wkoll għall-qalba importanti li saret minn 30 sena ilu ’l hawn minn meta daħal il-kompjuter u x-xogħol sar aktar faċli biex tibdel u tirranġa. Fil-fatt qal li din kienet “differenza enormi minn dik ta’ żmieni, fejn żball fiċ-ċomb kien jista’ jiswilek li trid iżżarma paġna sħiħa”.
Charles Bonnici - Maggur tal-habs
Tkellem ukoll Charles Bonnici li hu maġġur fil-ħabs u ta ħarsa lejn meta kien għadu żgħir f’familja ta’ ħaddiema u flimkien mal-familja tiegħu kien jogħxa jarma għall-Milied. Kien il-kbir fost ħutu u allura kien iħossu responsabbli li jrid jarma hu. Semma s-sagrifiċċju li kienu jagħmlu l-ġenituri tiegħu biex jixtrulhom, lilu u lil ħutu, tibdila biex imorru għall-festin tal-iskola. Ma naqasx ukoll li jsemmi l-presepju li kienu jingħataw mis-soċjetà tal-Museum u kemm kien jgħożż il-bambin tal-fosfru, tant li kien anke jraqqdu miegħu. Kiber u beda joħroġ u aktar sar jistenna lejliet l-Ewwel tas-Sena milli l-Milied.
Meta daħal jaħdem il-ħabs fl-1989, kien hemm biss mas-70 priġunier. Kien ġie mwissi li fi żmien il-Milied ikun hemm tensjoni akbar u għalhekk kellu joqgħod aktar attent kif jitkellem u jaġixxi. Tiżjin kien isir mill-inqas, l-aktar meta kien imur l-Isqof u ġieli l-President.
Kien iħoss li l-Milied li kien jiftakar meta kien tfajjel kien qisu spiċċa u miet għal kollox. Għalhekk iddeċieda li jibda jieħu l-inizjattiva li jagħmel xi ħaġa. Dan minkejja li sħabu għajruh miġnun u wissewh li se jqajjem l-inkwiet. Beda jżejjen b’xi ftit karti kkuluriti u llum baqa’ jikber dan l-ispirtu.
Fl-aħħar tal-ħsieb tiegħu l-Maġġur appella biex ħadd ma jħalli li jibred l-ispirtu tal-Milied u ħeġġeġ biex dejjem niftakru li “elfejn sena ilu, inxtegħlet ħuġġieġa li żgur mhux se nkun jien li ngħin biex tintefa”.
Roderick Brincat - eks-drogat fil-habs
B’differenza minn dak li jfisser il-Milied għall-Maġġur, għal Brincat il-Milied kien biss stennija biex jaqla’ r-rigali u forsi xi flus mingħand qrabatu biex ikun jista’ jieħu d-droga.
Iħoss li ħafna drabi l-Milied nistennewh biex naqilgħu r-rigali u din it-tentazzjoni kbira tal-istennija materjali tilgħab logħba kbira.
Jiftakar meta kien żgħir u l-bewsa t’ommu fil-Milied kienet tkun waħda speċjali u li ma nsiha qatt. Għalkemm id-droga rikbitu u ħakmitu kollu kemm hu, xorta kien jieħu gost jara lin-nies kuntenti fil-Milied.
Kien jiddejjaq jipprepara għall-Milied u li jara lil ħaddieħor kuntent kienet taqsamlu qalbu. Kien jgħir għal dawk li ma kinux mirkubin mill-vizzju tad-droga.
Għalkemm il-kuxjenza kienet tniggżu meta kien jara t-tfal ferħanin ma’ familthom, hu kien iħoss li qatt ma jista’ jħoss dak l-ispirtu ta’ għaqda.
Minkejja l-effett qawwi tad-droga xorta kien jinnota l-ferħ fuq in-nies l-oħra. Iżda hu ħinu kien iqattgħu jipprova jsib minn fejn se jixtri d-droga bil-flus li jkun qala’.
Illum il-ġurnata jħoss li familtu tista’ torqod b’moħħha mistrieħ għax jinsab fil-ħabs u m’hemmx iċ-ċans li jkiddhom bl-aħbar ta’ mewtu. Barra minn hekk, jittama li l-esperjenza tiegħu fil-ħabs tgħinu jibdel il-mod kif iħares lejn il-Milied.
Jose' Gauci - negozjant fil-habs
Minn lenti differenti, Gauci rrefera għall-mod kif iħares lejn dawn il-festi bniedem li jkun imdaħħal fin-negozju, fl-industrija jew inkella li jħaddem in-nies.
Għalih kien żmien li jqabbel kif ikun sejjer in-negozju mas-snin ta’ qabel. Kien ukoll iċ-ċans meta jiltaqa’ mal-ħaddiema għall-ikliet tal-Milied u jgħidilhom kif ikunu marru matul is-sena biex iġiegħlhom iħossuhom parti minn dak li jsir.
Spjega li mhux kulħadd jifhem kif iħarsu lejn dawn il-festi l-ħaddiema u min iħaddimhom. Għall-ħaddiem, il-festi huma ġranet ta’ tgawdija mal-familja, filwaqt li għal min iħaddem jistgħu jkunu ġranet ta’ ħsieb kif jista’ jtejjeb in-negozju. Iżda l-Milied hu wkoll okkażjoni għan-negozjant biex iqatta’ ġurnata sħiħa mal-familja u għalhekk jipprova jagħmel din il-ġurnata waħda importanti.
Qal li fix-xogħol kulħadd hu importanti. Il-ħaddiem jinsisti għall-familja tiegħu u l-istess jagħmel min iħaddmu. Għalhekk it-tnejn huma vitali għal xulxin.
Awgura li kull ħaddiem jifhem li min iħaddmu qed joffrilu servizz u li min iħaddem ma jinsiex li l-ħaddiema huma l-aqwa għodda li wieħed jista’ jkollu.
Sandro Schembri Adami - eks-politiku fil-habs
Fi żmien il-Milied il-politiċi ħafna drabi jkollhom diversi impenji. Hu żmien fejn juru rikonoxximent lejn il-kostitwenti tagħhom u anke jżuru istituzzjonijiet, sptarijiet u kunventi fejn jieħdu ħsieb it-tfal orfni. Barra minn hekk, jattendu għal diversi festini li l-każini tal-baned, tal-politika taż-żewġ partiti, l-ispeaker tal-Parlament u l-President jorganizzaw. Ġieli anke tliet festini f’lejla. Hekk spjega Scembri Adami, hekk kif qal ukoll li barra minn hekk kien imur personalment jagħti l-awguri minn bieb għall-ieħor lin-nies.
Minkejja dan, staqsa liema Milied huwa l-aħjar, jekk hux dak fil-ħabs fejn jista’ jsib lil Kristu jitwieled fih jew inkella dak li kien iqatta’ jdur u jidher sabiħ man-nies. Awgura wkoll li dan ikun l-aħjar Milied għalih minkejja li fil-ħabs.
Walid Mohammed Ibrahim - Musulman fil-habs
Ibrahim spjega li ilu hawn Malta għal dawn l-aħħar għaxar snin. Dan it-tieni Milied tiegħu fil-ħabs. Għalihom il-Musulmani, Ġesù huwa l-profeta, l-istess bħal Mohammed.
Meta ma kienx il-ħabs, flimkien ma’ sħabu l-Musulmani u anke xi Maltin ħbieb tagħhom kienu jgawdu l-Milied fil-ħruġ u d-divertiment, iżda b’mod spiritwali ma kien ifisser xejn.
Fl-Eġittu, fejn kien jgħix, il-Milied mhix festa bħal hawn Malta. Minkejja dan, meta kienu tfal kienu jiċċelebraw bil-mod tagħhom. Kienu jiltaqgħu mat-tfal l-oħra u kienu jilagħbu flimkien. Kienet ukoll tradizzjoni għalihom li jpinġu l-bajd tal-ikel. Jiżbgħu l-qoxra u kompetizzjoni ta’ min se juża l-aktar immaġinazzjoni fid-disinni u l-kuluri.
Hu jħoss li l-Milied hi festa kbira. Għalihom Ġesù hu profeta li jilgħab parti importanti fil-pjan tas-salvazzjoni t’Alla għall-bniedem.
Awgura Milied tajjeb lil kulħadd u wera t-tama li l-ispirtu ta’ ferħ jirrenja bejn il-gruppi varji u t-twemmin differenti li jeżistu madwar id-dinja kollha.
Michael Diala - barrani fil-habs
Minkejja li huwa min-Niġerja, Diala jħoss li ċ-ċelebrazzjoni tal-Milied hi simili għal Malta.
Fin-Niġerja tingħata attenzjoni kbira lill-quddiesa ta’ nofsillejl u ħafna nies jattendu għaliha. Wara jiltaqgħu fil-pjazza, fejn ikun hemm atmosfera ta’ festa. Ikun hemm il-mużika u ż-żgħażagħ anke jiżfnu. Barra minn hekk, ikun hemm ħafna nies li jieħdu l-opportunità li jitkellmu dwar Kristu u l-miġja tiegħu.
Ikun lejl fejn kulħadd jinsa l-problemi u d-differenzi ta’ bejniethom.
Diala spjega wkoll li fejn joqgħod hu ħafna familji jkunu kompluti għax dawk li jaħdmu ’l bogħod mill-pajjiż jirritornaw għall-vaganzi. Jirritornaw anke dawk li jagħżlu li jibnu familja ’l bogħod mir-raħal tagħhom. Tkun okkażjoni fejn in-nanniet jerġgħu jaraw lin-neputijiet għall-unika darba matul is-sena. L-ispejjeż u d-distanzi jagħmluha diffiċli li jaraw lil xulxin aktar spiss.
Fil-ġurnata tal-Milied, dawk li ma jkunux marru bil-lejl jibdew il-ġurnata bil-quddies. Għall-quddies tattendi l-familja kollha.
B’differenza minn Malta, il-platt tradizzjonali fin-Niġerja mhuwiex id-dundjan. Dawk il-familji li jirnexxilhom joqtlu tiġieġa jew mogħża iqisu lilhom infushom iffortunati. L-aktar komuni hu platt ross b’dak li hu magħruf bħala “Nyam”, tip ta’ patata li tikkumplimenta tajjeb.
Barra minn hekk, peress li l-Milied jgħaqqad lill-familji għal darba f’sena, ħafna jagħżlu li jorganizzaw it-tieġ jew inkella l-magħmudija ta’ wliedhom.
Habs aghar milli vera hu
Fil-preżent, il-priġunieri qegħdin iħossu li qegħdin f’ħabs agħar minn dak li realment hu. L-istejjer negattivi li joħorġu fil-midja jagħmlu l-ħabs agħar milli fil-fatt hu. Dawn l-istejjer negattivi jweġġgħu ħafna lill-istess priġunieri u jkomplu jtaqqlu ż-żmien diffiċli li jkunu għaddejjin minnu.
Fil-fatt priġunier milli tawna kumment qal li “s-soċjetà qiegħda tbeżżagħni! Il-mod negattiv kif tħares lejna jagħmilha diffiċli għalina. Kważi nippreferi nibqa’ hawn. Jekk jien żbaljajt u tiegħi qed jidher, u ta’ ħaddieħor le, għaliex għandi nkun ittrattat hekk?”
Ma’ dan kompla priġunier ieħor li qal li “l-maġġuri u l-uffiċjali għandhom rispett lejna. Ovvja, kif timxi magħhom jimxu miegħek. Imma dan in-negattiviżmu kollu fuq il-ħabs iweġġa’ lilna u lilhom. Iweġġa’ wkoll lill-familji tagħna u tagħhom. Dawk li qegħdin joffru s-sehem tagħhom biex jgħinuna qegħdin jiskoraġġuhom bil-kummenti negattivi. Huma qegħdin ikunu deskritti bħala falliment f’xogħolhom, meta dawn fil-fatt jagħmlu l-almu tagħhom, tal-inqas ħafna minnhom. Anke għalina l-priġunieri hu reklam ħażin. Qisu aħna qatt ma nistgħu nirriformaw. L-isbaħ rigal għalina hu li verament tħobbuna kif irid Alla li twieled għalina, bit-tajjeb u l-ħażin tagħna.”
Fuq nota differenti, priġunier ieħor ikkummenta li “ħadd ma jista’ jiċħad li dan hu żmien diffiċli. Mhux faċli li nhar il-Milied ma tistax tgħaddih mal-familja.”
Kien hemm ukoll priġunier ieħor li qal li “jien għalija l-ħabs din is-sena hu akbar. Se ntemm is-sentenza tiegħi f’Jannar, imma ftit tal-ġimgħat ilu tlift lil ommi, l-unika persuna li kelli f’ħajti.”Kontribuzzjoni mill-habsin
Minbarra l-kunċert li ttella’ kien hemm ukoll attività oħra, fejn il-priġunieri ħadu sehem fil-purċissjoni tal-bambin. Dan ġie mgħolli fuq spallejn il-priġunieri waqt li kienu akkumpanjati mill-banda tal-Iscouts ta’ Ħ’Attard.
Wara dan ġiet iffirmata kartolina enormi li se tiġi ppreżentata fiċ-ċelebrazzjoni tal-Istrina flimkien mal-kontribuzzjoni li se jagħtu l-ħabsin!
melvindelsol@hotmail.com
A collection of all the articles I write, and which are usually published in the local newspapers: It-Torca and l-Orizzont. There are also other articles which you can only find on this blog, so please keep coming back! Enjoy your visit
Tuesday, December 27, 2011
Kif ikun il-Milied fil-ħabs u x’iħossu l-priġunieri f’dawn iż-żminijiet tas-sena?
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment