Thursday, December 29, 2011

L-Arċisqof Pawlu Cremona jżur il-ħabs l-għada tal-Milied

Jekk hu Alla li jagħtikom id-dinjità, allura ħadd ma jista’ jeħodhielkom – l-Arċisqof Pawlu Cremona
Fi żjara li kellu l-Arċisqof ta’ Malta Pawlu Cremona, l-għada tal-Milied fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, dan qal li l-ħabs huwa żmien ta’ bidla għall-priġunieri. Żmien li wara li jgħaddi jridu joħorġu u jagħtu sehemhom fis-soċjetà skont id-dinjità li tahom Alla l-imbierek. Ħadd ma tahielhom id-dinjità ħlief Alla nnifsu. Għaldaqstant, ħadd ma jista’ jiħodhielhom.
Din kienet is-sitt darba mill-2006 li l-Arċisqof mar iżur il-ħabs l-għada tal-Milied. Mal-wasla tiegħu, ġie milqugħ mid-Direttur tal-Ħabs Abraham Zammit, mill-Viċi Direttur, James Catania, mill-Kappillan tal-ħabs, Patri Franco Fenech Franġiskan Kapuċċin, flimkien ma’ uffiċjali għoljin oħrajn.
L-Arċisqof iffirma wkoll il-kartolina kbira li ħejjew il-pri­ġunieri u li ngħatat fl-Istrina flimkien ma’ għotja ta’ flus li nġabret mill-priġunieri u mill-uffiċjali. 
Imbagħad l-Arċisqof żar il-kappella tal-ħabs, akkumpanjat minn Jackson’s Pipe Band, fejn sab ammont kbir ta’ pri­ġunieri jistennewh. 
Patri Franco ta messaġġ ta’ merħba u apprezzament u introduċa d-drama li kienu se jippreżentaw il-priġunieri infushom bl-isem ta’ “Min? Jien?”. Din inkitbet u nħadmet mill-priġunieri nfushom u tinkludi messaġġ qawwi ta’ kif persuna, għalkemm tkun il-ħabs, xorta waħda għandha tingħata ċ-ċans li terġa’ tirnex­xi fis-soċjetà għax il-bidla hi possibbli għal kulħadd. Din is-silta qajmet ħafna kommozzjoni fl-Arċisqof, tant li waqt li ġie mistieden biex jit­kellem kien jidher bi tbissima iżda fl-istess ħin kellu d-dmugħ nieżel ma’ wiċċu.
Fi kliemu spjega li kulħadd għandu bżonn ta’ konverżjoni u d-differenza bejnu u bejn il-ħabsin hi li hu jitlob maħfra f’qalbu u fih innifsu, filwaqt li għall-priġunieri huma jridu jieħ­du dan iċ-ċans f’kuntest ta’ soċjetà li mhux dejjem tagħraf id-dinjità tagħhom, f’kuntest li mhux dejjem ikun favur li jagħmlu din il-mixja ta’ konverżjoni.
Talab li Alla jidħol f’qalb kulħadd, dawk ġewwa u anke dawk barra l-ħabs biex ikollna l-paċi f’qalbna. 
Barra minn hekk talab li l-atmosfera tal-ħabs tkun waħda li tgħinhom biex iż-żmien li jqattgħu hemm ġew ma jkunx moħli.
Ma naqasx ukoll li jsemmi li Ġesù nnifsu daħal il-ħabs. L-Arċisqof qal li Ġesù ried jagħ­mel it-triq kollha għalihom u meta sar bniedem ma għex ħajja normali u daqs­hekk, iżda wasal sal-ħabs. U għamel dan biex il-ħabsin iħos­suh magħhom f’dan iż-żmien u jaslu għal dak li wasal għalih Ġesù.
Wara dawn il-kelmiet min-naħa tal-Arċisqof, il-priġunieri telgħu jkellmuh u jawgurawlu. Iż-żjara kompliet lejn kappella oħra fil-faċilità fejn jil­taqgħu tliet diviżjonijiet oħ­rajn għat-talb. 
Hemmhekk sa­ret ċeleb­razzjoni u l-Arċisqof iltaqa’ mal-priġunieri wkoll. Barra minn hekk, l-Arċisqof żar ukoll is-sezzjonijiet tan-nisa u taż-żagħżagħ u għalaq iż-żjara tiegħu b’laqgħa mal-uffiċjali. 
 
Inkunu ġenerużi mad-Dar tal-Providenza

Resqin lejn il-bidu ta’ sena ġdida u m’hemm xejn isbaħ milli nibdewha b’mod ġe­ne­ruż billi ngħinu lid-Dar tal-Provi­denza li b’ħidma mill-aktar professjonali u mimlija b’ris­pett u b’imħabba tgħin lill-persuni b’diżabilità.
Fl-ewwel ġurnata tas-sena 2012, jiġifieri nhar il-Ħadd li ġej, id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi se tkun miftuħa għall-pubbliku waqt ‘open day’ li se ssir f’dan l-istess kum­­pless. Hi opportunità taj­ba biex il-poplu Malti jara x-xogħol siewi li jsir f’din id-dar u mar-residenti li jgħixu fiha.
Għal dawn l-aħħar 15-il sena Radju RTK ħa ħsieb li bl-għajnuna tal-APS Bank jorganizza din l-‘open day’ fejn ikun hemm maratona ta’ kant, żfin u maġija taħt it-tinda li tiġi armata apposta għal din l-okkażjoni fil-parkeġġ tal-kumpless. Matul din l-‘open day’ jagħtu sehemhom aktar minn 600 vo­lon­tier. 

Bzonn ta' madwar €10,000 kuljum
l-orizzont tkellem mal-organizzaturi ta’ din l-‘open day’ fejn spjegawlna li din id-dar tiġi bżonn madwar €10,000 kuljum biex tieħu ħsieb li l-mitt resident f’din id-dar jingħataw l-attenzjoni u l-kura kollha meħtieġa biex jgħixu ħajja dinjituża u kemm jista’ jkun mill-aktar indipendenti. 
Sfortunatament, is-sena l-oħra d-Dar tal-Providenza spiċ­ċat b’defiċit ta’ €100,000 u għaldaqstant ikun għaqli li tingħata iżjed għajnuna ħalli din id-dar tkun tista’ tkompli bix-xogħol importanti li ilha twettaq.

Progetti ppjanati ghas-sena d-diehla
L-organizzaturi qalulna wkoll li għas-sena d-dieħla hu ppjanat li jinbnew ‘swimming pool’ terapewtiku għar-residenti, bandli, ‘multi sensory room’ u trid tinbidel magna tal-ħasil. Barra minn hekk, se tinfetaħ ukoll it-tieni dar fil-komunità. Wara Dar Żerniq fis-Siġġiewi, issa mistennija tin­fetaħ ukoll dar oħra fil-Qaw­ra li se tkun tospita fiha ħames residenti.
Għaldaqstant, se tkun opportunità tajba għal min jattendi biex jara fejn se jsiru dawn il-proġetti. Fil-fatt, se jkun hemm anke gwidi li jdawru lil dawk preżenti mal-kumpless.

Aktar dwar l-'open day'
L-‘open day’ tibda fid-9.00 a.m. ta’ nhar il-Ħadd, 1 ta’ Jannar permezz ta’ quddiesa li tixxandar ‘live’ mill-kappella tal-kumpless u li se titmexxa mid-Direttur tad-dar, Fr Martin Micallef.
Imbagħad mill-10.00 a.m. ’il quddiem isir spettaklu ‘live’ ta’ kant u żfin minn fost l-aqwa talenti f’paj­jiżna. Fosthom jieħdu sehem Freddie Portelli, Klinsman, Claudette Pace, J Anvil, Claudia Faniello, il-Hooligan, Fr Karm Debattista, Benny u Tonia u l-Greenfields.
Barra minn hekk, se jattendu għal din l-‘open day’ persuni distinti bħall-Arċisqof Pawlu Cremona, l-Isqof t’Għaw­dex Mario Grech u l-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mer­cieca. Barra dawn se jattendu wkoll il-President ta’ Mal­ta, George Abela, il-Prim Ministru, Lawrence Gonzi u l-Kap tal-Oppożizzjoni, Joseph Muscat. 
Fl-‘auditorium’ tad-dar se jkun hemm ukoll irkant li se jkun jinkludi bosta xogħlijiet ta’ pittura minn artisti magħ­rufin Maltin.
Biex tiġi evitata konġestjoni tat-traffiku, se jkun hemm ser­vizz ta’ Park & Ride mill-Pjazza tas-Siġġiewi u mit-Triq ta’ San Niklaw (il-mitjar l-antik) dirett għad-Dar tal-Providenza u lura.

Donazzjonijiet
Għal dawk li ma jistgħux jattendu personalment, l-‘open day’ li se tagħlaq wara nofsillejl, se tiġi trażmessa ‘live’ fuq l-istazzjonijiet televiżivi. 
Donazzjonijiet jistgħu jsiru fl-istess Dar tal-Providenza, fl-istudios ta’ RTK il-Blata l-Bajda, fuq www.rtk.org.mt, fuq in-netwerk soċjali Facebook permezz ta’ RTK 4 Charity jew permezz tat-telefon.
Għal donazzjonijiet ta’ €10 ċempel fuq 51602012, għal donazzjoni ta’ €15 ċempel fuq 51702013, u min jixtieq jagħti €25 jista’ jċempel fuq 51802014. Min jixtieq jagħti l-kontri­but tiegħu permezz ta’ SMS jista’ jagħti €7 billi jibgħat messaġġ fuq 50618922.

Messagg
Id-Dar tal-Providenza tgħix fuq id-donazzjonijiet tagħ­kom. Għinuha!
 

Tuesday, December 27, 2011

Kif ikun il-Milied fil-ħabs u x’iħossu l-priġunieri f’dawn iż-żminijiet tas-sena?



L-ispirtu tal-Milied fil-ħabs għadu ħaj
Lil hinn mit-tlellix u mit-tiżjin fit-toroq, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin il-Mi­lied huwa wieħed differenti u li jġib miegħu ħafna ħsibijiet u rif­lessjoni fost dawk li b’xi mod żbaljaw u qegħdin ipattu għal dak li għamlu. Minkejja dan, l-ispirtu tal-Milied jinżamm ħaj minn nies bħall-Kappillan tal-Ħabs, Patri Franco Fenech Fran­ġiskan Kapuċċin, li dejjem jipp­rova jisma’ lill-ħabsin u x-xew­qat tagħhom u jaħdem biex ikisser il-ħajt kbir li hemm bejn id-dinja ta’ hemm ġew u barra.
l-orizzont tkellem ma’ Patri Franco biex naraw x’jiġri fi żmien il-Milied fil-ħabs u kif iħossuhom il-priġunieri f’dan iż-żmien tas-sena. Din is-sena dan il-patri, b’kollaborazzjoni mal-Maġġur Charles Cachia, ħej­ja programm varjat li beda fis-17 ta’ Diċembru. Fost l-oħrajn kien jinkludi kunċert mużiko-let­terarju, drama, kant, tħejjija għall-funzjonijiet reliġjużi u pre­parazzjoni ta’ ikel u ħlewwiet bl-għajnuna ta’ Suor Adele Baldacchino, soru tal-Karità li għal dawn l-aħħar 20 sena ma naqset qatt li tkun preżenti u tagħti sehemha fil-ħabs. Ħafna minn dawn l-attivitajiet tħejjew mill-priġunieri nfushom.
Meta tkellimna ma’ Patri Fran­co, hu qalilna li waqt is-serata nqraw xi ħsibijiet ta’ wħud mill-ħabsin, li esprimew x’inhi d-differenza tal-Milied meta tkun il-ħabs u għalhekk illum qegħdin inwassluhomkom. Barra minn hekk, ġabrilna wkoll kummenti oħrajn minn diversi priġunieri li wkoll taw il-ħsibijiet tagħhom f’dawn iż-żminijiet.

Michael Micallef - ufficjal tal-habs u eks-stampatur
Micallef ta ħarsa lejn meta kien jaħdem mal-gazzetta u spje­ga li fil-ġurnata tal-Milied u l-għada ma kinitx toħroġ il-gaz­zetta, bħalma ma toħroġx ukoll fil-Ġimgħa l-Kbira. Għaldaqs­tant, fil-gazzetta tal-24 ta’ Di­ċembru kienu jidhru tliet skedi tat-televiżjoni u l-aħbarijiet kie­nu jiġu ppubblikati jumejn wara. Semma wkoll il-preparazz­joni ta’ supplimenti tal-Milied u anke kalendarji, djarji u kartolini.
Irrefera wkoll għall-qalba importanti li saret minn 30 sena ilu ’l hawn minn meta daħal il-kompjuter u x-xogħol sar aktar faċli biex tibdel u tirranġa. Fil-fatt qal li din kienet “differenza enormi minn dik ta’ żmieni, fejn żball fiċ-ċomb kien jista’ jis­wilek li trid iżżarma paġna sħi­ħa”.

Charles Bonnici - Maggur tal-habs
Tkellem ukoll Charles Bonnici li hu maġġur fil-ħabs u ta ħar­sa lejn meta kien għadu żgħir f’familja ta’ ħaddiema u flimkien mal-familja tiegħu kien jogħxa jarma għall-Milied. Kien il-kbir fost ħutu u allura kien iħossu responsabbli li jrid jarma hu. Semma s-sagrifiċċju li kienu jagħmlu l-ġenituri tiegħu biex jixtrulhom, lilu u lil ħutu, tibdila biex imorru għall-festin tal-iskola. Ma naqasx ukoll li jsemmi l-presepju li kienu jingħataw mis-soċjetà tal-Museum u kemm kien jgħożż il-bambin tal-fosfru, tant li kien anke jraqqdu mie­għu. Kiber u beda joħroġ u aktar sar jistenna lejliet l-Ewwel tas-Sena milli l-Milied.
Meta daħal jaħdem il-ħabs fl-1989, kien hemm biss mas-70 priġunier. Kien ġie mwissi li fi żmien il-Milied ikun hemm tensjoni akbar u għalhekk kellu joq­għod aktar attent kif jitkellem u jaġixxi. Tiżjin kien isir mill-inqas, l-aktar meta kien imur l-Isqof u ġieli l-President.
Kien iħoss li l-Milied li kien jiftakar meta kien tfajjel kien qisu spiċċa u miet għal kollox. Għalhekk iddeċieda li jibda jie­ħu l-inizjattiva li jagħmel xi ħaġa. Dan minkejja li sħabu għaj­ruh miġnun u wissewh li se jqajjem l-inkwiet. Beda jżejjen b’xi ftit karti kkuluriti u llum baqa’ jikber dan l-ispirtu.
Fl-aħħar tal-ħsieb tiegħu l-Maġ­ġur appella biex ħadd ma jħalli li jibred l-ispirtu tal-Milied u ħeġġeġ biex dejjem niftakru li “elfejn sena ilu, inxtegħlet ħuġ­ġieġa li żgur mhux se nkun jien li ngħin biex tintefa”.

Roderick Brincat - eks-drogat fil-habs
B’differenza minn dak li jfis­ser il-Milied għall-Maġġur, għal Brincat il-Milied kien biss stennija biex jaqla’ r-rigali u forsi xi flus mingħand qrabatu biex ikun jista’ jieħu d-droga.
Iħoss li ħafna drabi l-Milied nistennewh biex naqilgħu r-rigali u din it-tentazzjoni kbira tal-istennija materjali tilgħab logħba kbira.
Jiftakar meta kien żgħir u l-bewsa t’ommu fil-Milied kienet tkun waħda speċjali u li ma nsiha qatt. Għalkemm id-droga rikbitu u ħakmitu kollu kemm hu, xorta kien jieħu gost jara lin-nies kuntenti fil-Milied.
Kien jiddejjaq jipprepara għall-Milied u li jara lil ħaddieħor kuntent kienet taqsamlu qalbu. Kien jgħir għal dawk li ma kinux mirkubin mill-vizzju tad-droga.
Għalkemm il-kuxjenza kienet tniggżu meta kien jara t-tfal ferħanin ma’ familthom, hu kien iħoss li qatt ma jista’ jħoss dak l-ispirtu ta’ għaqda.
Minkejja l-effett qawwi tad-droga xorta kien jinnota l-ferħ fuq in-nies l-oħra. Iżda hu ħinu kien iqattgħu jipprova jsib minn fejn se jixtri d-droga bil-flus li jkun qala’.
Illum il-ġurnata jħoss li famil­tu tista’ torqod b’moħħha mistrieħ għax jinsab fil-ħabs u m’hemmx iċ-ċans li jkiddhom bl-aħbar ta’ mewtu. Barra minn hekk, jittama li l-esperjenza tiegħu fil-ħabs tgħinu jibdel il-mod kif iħares lejn il-Milied.

Jose' Gauci - negozjant fil-habs
Minn lenti differenti, Gauci rrefera għall-mod kif iħares lejn dawn il-festi bniedem li jkun imdaħħal fin-negozju, fl-industrija jew inkella li jħaddem in-nies.
Għalih kien żmien li jqabbel kif ikun sejjer in-negozju mas-snin ta’ qabel. Kien ukoll iċ-ċans meta jiltaqa’ mal-ħaddiema għall-ikliet tal-Milied u jgħidilhom kif ikunu marru matul is-sena biex iġiegħlhom iħossu­hom parti minn dak li jsir.
Spjega li mhux kulħadd jifhem kif iħarsu lejn dawn il-festi l-ħaddiema u min iħaddimhom. Għall-ħaddiem, il-festi huma ġranet ta’ tgawdija mal-familja, filwaqt li għal min iħaddem jistgħu jkunu ġranet ta’ ħsieb kif jista’ jtejjeb in-negozju. Iżda l-Milied hu wkoll ok­każjoni għan-negozjant biex iqat­ta’ ġurnata sħiħa mal-familja u għalhekk jipprova jagħmel din il-ġurnata waħda importanti.
Qal li fix-xogħol kulħadd hu importanti. Il-ħaddiem jinsisti għall-familja tiegħu u l-istess jagħ­mel min iħaddmu. Għalhekk it-tnejn huma vitali għal xulxin.
Awgura li kull ħaddiem jifhem li min iħaddmu qed joffrilu servizz u li min iħaddem ma jinsiex li l-ħaddiema huma l-aqwa għodda li wieħed jista’ jkollu.

Sandro Schembri Adami - eks-politiku fil-habs
Fi żmien il-Milied il-politiċi ħafna drabi jkollhom diversi im­penji. Hu żmien fejn juru rikonoxximent lejn il-kostitwenti tagħhom u anke jżuru istituzzjonijiet, sptarijiet u kunventi fejn jieħdu ħsieb it-tfal orfni. Barra minn hekk, jattendu għal diversi festini li l-każini tal-ba­ned, tal-politika taż-żewġ partiti, l-ispeaker tal-Parlament u l-President jorganizzaw. Ġieli anke tliet festini f’lejla. Hekk spjega Scembri Adami, hekk kif qal ukoll li barra minn hekk kien imur personalment jagħti l-awguri minn bieb għall-ieħor lin-nies.
Minkejja dan, staqsa liema Milied huwa l-aħjar, jekk hux dak fil-ħabs fejn jista’ jsib lil Kristu jitwieled fih jew inkella dak li kien iqatta’ jdur u jidher sabiħ man-nies. Awgura wkoll li dan ikun l-aħjar Milied għalih minkejja li fil-ħabs.

Walid Mohammed Ibrahim - Musulman fil-habs
Ibrahim spjega li ilu hawn Malta għal dawn l-aħħar għaxar snin. Dan it-tieni Milied tiegħu fil-ħabs. Għalihom il-Musulma­ni, Ġesù huwa l-profeta, l-istess bħal Mohammed.
Meta ma kienx il-ħabs, flimkien ma’ sħabu l-Musulmani u anke xi Maltin ħbieb tagħhom kienu jgawdu l-Milied fil-ħruġ u d-divertiment, iżda b’mod spi­ritwali ma kien ifisser xejn.
Fl-Eġittu, fejn kien jgħix, il-Milied mhix festa bħal hawn Malta. Minkejja dan, meta kie­nu tfal kienu jiċċelebraw bil-mod tagħhom. Kienu jiltaqgħu mat-tfal l-oħra u kienu jilagħbu flimkien. Kienet ukoll tradizzjoni għalihom li jpinġu l-bajd tal-ikel. Jiżbgħu l-qoxra u kompe­tizzjoni ta’ min se juża l-aktar im­maġinazzjoni fid-disinni u l-kuluri.
Hu jħoss li l-Milied hi festa kbira. Għalihom Ġesù hu profeta li jilgħab parti importanti fil-pjan tas-salvazzjoni t’Alla għall-bniedem.
Awgura Milied tajjeb lil kulħadd u wera t-tama li l-ispirtu ta’ ferħ jirrenja bejn il-gruppi varji u t-twemmin differenti li jeżistu madwar id-dinja kollha.

Michael Diala - barrani fil-habs
Minkejja li huwa min-Niġerja, Diala jħoss li ċ-ċelebrazzjoni tal-Milied hi simili għal Malta.
Fin-Niġerja tingħata atten­zjoni kbira lill-quddiesa ta’ nofsillejl u ħafna nies jattendu għaliha. Wara jiltaqgħu fil-pjazza, fejn ikun hemm atmosfera ta’ festa. Ikun hemm il-mużika u ż-żgħażagħ anke jiżfnu. Barra minn hekk, ikun hemm ħafna nies li jieħdu l-opportunità li jitkellmu dwar Kristu u l-miġja tiegħu.
Ikun lejl fejn kulħadd jinsa l-problemi u d-differenzi ta’ bej­niethom.
Diala spjega wkoll li fejn joq­għod hu ħafna familji jkunu kompluti għax dawk li jaħdmu ’l bogħod mill-pajjiż jirritornaw għall-vaganzi. Jirritornaw anke dawk li jagħżlu li jibnu familja ’l bogħod mir-raħal tagħhom. Tkun okkażjoni fejn in-nanniet jerġgħu jaraw lin-neputijiet għall-unika darba matul is-sena. L-ispejjeż u d-distanzi jagħmluha diffiċli li jaraw lil xulxin aktar spiss.
Fil-ġurnata tal-Milied, dawk li ma jkunux marru bil-lejl jibdew il-ġurnata bil-quddies. Għall-quddies tattendi l-familja kollha.
B’differenza minn Malta, il-platt tradizzjonali fin-Niġerja mhuwiex id-dundjan. Dawk il-familji li jirnexxilhom joqtlu tiġieġa jew mogħża iqisu lilhom infushom iffortunati. L-aktar komuni hu platt ross b’dak li hu magħruf bħala “Nyam”, tip ta’ patata li tikkumplimenta tajjeb.
Barra minn hekk, peress li l-Milied jgħaqqad lill-familji għal darba f’sena, ħafna jagħżlu li jorganizzaw it-tieġ jew inkella l-magħmudija ta’ wliedhom.

Habs aghar milli vera hu
Fil-preżent, il-priġunieri qegħ­din iħossu li qegħdin f’ħabs agħar minn dak li realment hu. L-istejjer negattivi li joħorġu fil-midja jagħmlu l-ħabs agħar milli fil-fatt hu. Dawn l-istejjer ne­gattivi jweġġgħu ħafna lill-istess priġunieri u jkomplu jtaqqlu ż-żmien diffiċli li jkunu għaddej­jin minnu.
Fil-fatt priġunier milli tawna kumment qal li “s-soċjetà qiegħda tbeżżagħni! Il-mod negattiv kif tħares lejna jagħmilha diffiċli għalina. Kważi nippreferi nibqa’ hawn. Jekk jien żbaljajt u tiegħi qed jidher, u ta’ ħaddie­ħor le, għaliex għandi nkun ittrattat hekk?”
Ma’ dan kompla priġunier ieħor li qal li “l-maġġuri u l-uf­fiċjali għandhom rispett lejna. Ovvja, kif timxi magħhom jim­xu miegħek. Imma dan in-negat­tiviżmu kollu fuq il-ħabs iweġġa’ lilna u lilhom. Iweġġa’ wkoll lill-familji tagħna u tagħhom. Dawk li qegħdin joffru s-sehem tagħhom biex jgħinuna qegħdin jiskoraġġuhom bil-kummen­ti negattivi. Huma qegħdin iku­nu deskritti bħala falliment f’xogħolhom, meta dawn fil-fatt jagħmlu l-almu tagħhom, tal-in­qas ħafna minnhom. Anke għalina l-priġunieri hu reklam ħa­żin. Qisu aħna qatt ma nis­tgħu nirriformaw. L-isbaħ rigal għali­na hu li verament tħobbuna kif irid Alla li twieled għalina, bit-tajjeb u l-ħażin tagħna.”
Fuq nota differenti, priġunier ieħor ikkummenta li “ħadd ma jista’ jiċħad li dan hu żmien diffiċli. Mhux faċli li nhar il-Milied ma tistax tgħaddih mal-familja.”
Kien hemm ukoll priġunier ieħor li qal li “jien għalija l-ħabs din is-sena hu akbar. Se ntemm is-sentenza tiegħi f’Jannar, imma ftit tal-ġimgħat ilu tlift lil ommi, l-unika persuna li kelli f’ħajti.”

Kontribuzzjoni mill-habsin
Minbarra l-kunċert li ttella’ kien hemm ukoll attività oħra, fejn il-priġunieri ħadu sehem fil-purċissjoni tal-bambin. Dan ġie mgħolli fuq spallejn il-pri­ġunieri waqt li kienu akkum­panjati mill-banda tal-Iscouts ta’ Ħ’Attard.
Wara dan ġiet iffirmata kartolina enormi li se tiġi ppreżentata fiċ-ċelebrazzjoni tal-Istrina flimkien mal-kontribuzzjoni li se jagħ­tu l-ħabsin!
melvindelsol@hotmail.com

....

Tuesday, December 13, 2011

Kemm hi kbira l-problema tal-faqar u kemm qiegħda tkun miġġielda bis-serjetà?

Il-faqar hu r-riżultat tal-inġustizzji u m’għandna qatt naċċettawh
Il-faqar globali hu ta’ toqol enormi – l-istatistika biss għand­ha tallarma l-umanità kollha kemm hi għax jien inħoss li kull wieħed u waħda min­na, b’xi mod jew ieħor, iġorr ir-responsabbiltà li jagħ­mel li jista’ biex din il-pjaga tittaffa jekk ma titfejjaqx għal kollox. Bil-kelma faqar infissru mhux biss nuqqas ta’ dħul finanzjarju imma wkoll analfa­betiżmu, mard, inugwaljanza u ġuħ li jiġi mill-faqar. 
Hekk beda biex jgħidli l-E.T. il-President ta’ Malta, Dr George Abela, li minkejja l-ħafna impenji li jkollu f’dawn iż-żminijiet tas-sena xorta aċċetta li jitkellem miegħi dwar din il-proble­ma hekk kbira li għandna fid-dinja. 
Il-President spjegali li kważi nofs il-popolazzjoni tad-dinja tgħix fuq inqas minn $2.50 kul­jum filwaqt li 80% tgħix fuq inqas minn $10 kuljum. L-ifqar 40% tal-popolazzjoni dinjija għand­ha dħul ta’ 5% tad-dħul globali filwaqt li l-aktar 20% sin­jura tgawdi 75% tad-dħul globa­li. Dan ifisser li l-ġid planetari hu mqassam b’mod inġust. Ħafna mid-dħul ekonomiku hu ri­żultat tal-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-pjaneta u dan hu patrimonju tal-umanità kollha. Minkejja dan, mhux kulħadd igawdi minnu l-istess u min jiflaħ l-iżjed, jaħtaf l-aktar.
George Abela spjega wkoll li l-faqar iġib il-miżerja, il-ġuħ u l-mewt. Skont il-UNICEF, 22,000 tifel jew tifla jmutu kuljum min­ħabba l-faqar. Dawn l-imsejknin imutu f’xi villaġġ mill-ifqar tad-dinja bla ma jurihom ħadd fl-aħbarijiet, ’il bogħod minn għaj­nejna u mill-kuxjenza tagħna. Huma mwiet inviżibbli bħalli­kieku l-bnedmin kienu dubbien. Il-kawżi ta’ mewthom huma l-faqar, il-ġuħ, mard li jista’ jitfejjaq faċilment u kawżi oħrajn mar­butin ma’ dawn. Madwar 27-28% tat-tfal f’pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw huma taħt il-piż normali minħabba malnutrizzjoni. Dan hu l-aktar komuni fl-Asja t’Isfel u l-Afrika taħt is-Sahara.
Dwar dan il-President iħossu ddiżapuntat li minkejja li din il-katastrofi tiġri kuljum, rari naraw l-aħbar fil-mezzi tal-komuni­kazzjoni. Qisha l-enormità ta’ din it-tbatija tremenda ta’ tant bnedmin indrat u m’għadhiex denja biex tieħu l-ħin jew post fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni. Vera li mhux divertenti li tara stampa ta’ xi tifel magħkus bil-ġuħ u bil-mard filwaqt li jieħu l-aħħar nifs ta’ ħajtu, iżda skont il-President “dan għandu l-istess dritt għall-istess dinjità u li jgħix daqs xi ċermen ta’ kumpanija multinazzjonali jew xi president ta’ xi pajjiż. Wieħed ma jistax jib­qa’ indifferenti f’sitwazzjoni bħal din”.

Il-faqar f'Malta
Rigward pajjiżna, Abela qal li l-faqar jeżisti anke f’pajjiżi żvi­luppati, bħal Malta. Ma jħossx li hu faqar li jasal għall-estremitajiet li semmejna qabel iżda hu faqar relattiv li wkoll għandu jiġ­bed l-attenzjoni tagħna. Iħoss li f’pajjiżna teżisti xibka, li sa ċertu livell, tipproteġi mill-faqar estrem. Dawn huma s-servizzi soċjali.
F’pajjiżna jeżisti l-faqar u skont statistika uffiċjali tal-Uf­fiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-2009, f’Malta għandna 15% tal-popolazzjoni, jiġifieri ’l fuq minn 61,000 persuna, li jinsabu f’riskju ta’ faqar. Dan ifisser li għandhom dħul inqas minn 60% tad-dħul medju. Il-President jifhem it-terminu “riskju ta’ faqar” bħal li huma fqar, tal-inqas skont il-kriterji li wieħed jadotta fiċ-ċirkostanzi tal-lum. 
L-aktar kategoriji li jinsabu fil-faqar huma l-anzjani ta’ ’l fuq minn 65 sena (19%) u l-minorenni taħt is-17-il sena (20.7%). 15% hi perċentwali għolja u wie­ħed irid jara r-raġunijiet għaliex daqstant Maltin u Għawdxin waqgħu lura fil-kundizzjoni soċjali tagħhom. Hu ta’ tħassib il-fatt li l-faqar jinsab ukoll ikkonċentrat l-iżjed f’ċerti żoni tal-gżej­jer tagħna li huma wkoll milqutin minn problemi li għand­hom x’jaqsmu ma’ nuq­qas ta’ parteċipazzjoni fis-sistema edukattiva. Abela qal ukoll li jista’ jkun ukoll li mindu nħadmet l-istatistika, il-faqar kompla żdied, iżda wieħed irid jistenna li tiġi ppubblikata statistika ġdida.

Aktar minn 400 familja bla dawl

Fattur ieħor li hu ta’ tħassib kbir hu l-fatt li hawn iżjed minn 400 familja li m’għandhomx elettriku f’darhom. Skont Geor­ge Abela, wieħed irid jara għa­liex dawn il-familji jinsabu bla dawl għax jista’ jkun hemm diversi raġunijiet. Jekk jiġi kkonfermat li xi familja nqatagħlha s-servizz tal-elettriku meta hi ma tinsabx f’qagħda li tħallas mhux minħabba traskuraġni, użu bla qies tal-elettriku jew min­ħabba użu mhux xieraq tad-dħul finanzjarju tagħha, allura wieħed għandu jagħmel minn kollox li ħadd ma jiġi mċaħħad minn servizz essenzjali bħal dan. 
Irrefera għall-iskema li teżisti, fejn isir arranġament ħalli kon­tijiet mhux imħallsin jitħallsu gradwalment. Iżda jekk lanqas dan ma jkun possibbli u l-każ ikun wieħed ġenwin, allura hu jaħseb li trid tinstab soluzzjoni inqas drastika mill-qtugħ tas-ser­vizz. Iħoss ukoll li fis-soċjetà tagħna, mhux possibbli li wie­ħed jgħix ħajja diċenti mingħajr elettriku.

Ħidma kontra l-faqar
X’qed isir kontra l-faqar? Il-Pre­sident spjega li jeżistu tmien miri msejħin il-Millenium Development Goals li 193 pajjiż membru tal-Ġnus Magħquda flim­kien ma’ għadd ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali qab­lu li jilħqu sas-sena 2015. Dawn it-tmien għanijiet huma t-tmiem tal-faqar u l-ġuħ; l-edukazzjoni universali; l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; is-saħħa tat-tfal; is-saħħa tal-ommijiet, speċjalment waqt il-ħlas; il-ġlie­da kontra l-HIV/AIDS; is-sostenibilità ambjentali u s-sħubija globali.
Qabel il-kriżi ekonomika, il-faqar kien qed jonqos kważi fir-reġjuni kollha tad-dinja. Il-kriżi globali naqqset ir-rittmu tal-prog­ress imma hu ttamat li xorta waħda jibqa’ jkun hemm tnaq­qis fil-faqar. Inkwetanti l-fatt li l-problemi ekonomiċi ġabu deterjorazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-qgħad żgur li jżid il-possibilità tal-faqar fost il-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Fil-każ tal-Ewropa, aktar minn għaxar snin ilu, il-mex­xejja Ewropej wegħdu li bħala mira tal-pjan ta’ tkabbir u ħol­qien tax-xogħol – ’l hekk imsej­ħa Strateġija ta’ Liżbona – jelimi­naw il-faqar sas-sena 2010. Dan ma seħħx. L-2010 kienet is-Sena Ewropea għall-Ġlied Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali maħ­suba biex isservi ħalli żżomm ħajja l-ġlieda kontra l-faqar sa­kemm tintlaħaq il-mira mixtie­qa. Saru kampanji biex joħolqu kuxjenza fil-pajjiżi tal-UE dwar il-problema. 
Fuq livell Ewropew, il-metodi u strateġiji kif wieħed jiġġieled kontra l-faqar huma mħallijin f’idejn l-Istati Mmembri individwalment. Li tipprova tagħ­mel l-UE hu li tipprova tiġġene­ra aktar kuxjenza, tagħrif u skambju ta’ strateġiji u esperjen­zi bejn l-Istati Membri tagħha dwar kif tista’ tiġi ffaċċjata l-problema tal-faqar.

Il-kriżi tal-ewro
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li laqtet l-Ewropa ma kellhiex l-effett li jonqos il-faqar imma li jiżdied. Il-President qal li dwar kemm l-Ewropa tista’ tgħin biex jonqos il-faqar fuq li­vell globali, aktarx li l-problemi ta’ ħafna Stati Membri mhux se jħallu li l-għajnuna lill-pajjiżi ekstra-komunitarji tkun għolja fil-lista ta’ prijoritajiet. Il-problemi finanzjarji huma riżultat ta’ deċiżjonijiet politiċi li ttieħdu mingħajr wisq ma ngħata kas tal-konsegwenzi inevitabbli meta jsir infiq mhux sostenibbli mill-Istati. L-effetti ta’ deċiżjo­nijiet żbaljati ma jiġux solvuti mingħajr uġigħ. Qalilna wkoll li għad irridu naraw x’soluzz­jonijiet se jinstabu biex jiġi salvat u msaħħaħ l-Ewro.
Irridu naraw kif miżuri ġodda li qegħdin jittieħdu u jistgħu jittieħdu fil-futur fl-Istati taż-Żona Ewro, x’effett jista’ jkollhom fuq id-dħul tal-familji u jistax ukoll jaffettwa l-livell ta’ faqar.

Il-President u l-faqar
Min-naħa tiegħu l-President iħoss li min jinsab fil-bżonn għandu jkun għal qalb kulħadd. L-umanità hi waħda, indi­vi­żibbli, u kull membru tagħha hu importanti għall-kollettività li jonqsilha xi ħaġa meta jbati xi membru tagħha. Kull bniedem għandu valur inestimabbli. Biex ifiehem aħjar dan il-kunċett il-President uża l-kitba tal-poeta Ingliż John Donne li kien kiteb: “no man is an island, entire of itself… any man’s death dimini­shes me, because I am involved in mankind; and therefore ne­ver send to know for whom the bell tolls; it tolls for thee.”
Hu bħala President m’għan­dux fil-prattika poteri eżekuttivi u ma jiddisponix mill-mezzi ma­terjali biex inaqqas il-faqar. Iżda jista’ jsemma’ leħnu fejn hemm bżonn biex ifisser xi jħoss hu u xi jħoss il-poplu dwar il-problema tal-faqar. Il-President għan­du biss awtorità morali li hi msaħħa bir-rispett li jgawdi fil-pajjiż.
Il-President ta’ Malta jippresiedi l-Malta Community Chest Fund li jippermettilu li jqassam għajnuna lil min jistħoqq skont il-fondi disponibbli. Tingħata as­sistenza materjali taħt forma ta’ oġġetti essenzjali, għajnuna finanzjarja lill-morda u lill-familji tagħhom li jkunu se jsiefru għall-kura, għajnuna lill-istituzz­jonijiet ta’ benefiċjenza. Il-President qal ukoll li huma ttrasformaw ukoll il-kunċett ta’ għaj­­nuna li jagħti l-MCCF u l-assistenza mhux dejjem tingħata f’forma finanzjarja imma wkoll b’mod li jgħallem kif wie­ħed jgħin lilu nnifsu permezz ta’ ‘self-development’. Qiegħed iħaddem anke ‘social worker’ għal dan il-għan. Iffinanzjaw ukoll studju dwar il-faqar li sar mill-Università flimkien mal-Ca­ritas u dan irriżulta f’diversi suġ­ġerimenti prattiċi. Eżempju se ssir fi ftit żmien ieħor kampanja ta’ edukazzjoni dwar kif wieħed jista’ jidentifika aħjar x’inhuma l-prijoritajiet tal-familja biex id-dħul finanzjarju jintefaq bl-aktar mod produċenti. Din ukoll hi forma ta’ għajnuna għax għandha l-mira li tgħallem kif wieħed jistad, aktar milli tin­għatalu ħuta għal darba.

Niġġieldu l-faqar
Skont il-President, is-servizzi soċjali li għandna diġà joffru ċer­tu livell ta’ protezzjoni kontra l-faqar. Iżda qatt mhu biżżejjed. Irridu naraw kif naċċertaw ruħna li l-mezzi limitati li għandna jintużaw fejn hemm l-aktar bżonn. Jeħtieġ ukoll li s-servizzi soċjali ma jiġux abbużati. Kull min jista’ jaħdem u jipproduċi għandu jiġi inkoraġġit li jagħ­mel dan u ma jistrieħx fuq is-servizzi soċjali. 
Naturalment, irridu nkomplu nkabbru l-eko­­nomija biex ikun hawn aktar opportunitajiet ta’ xogħol għal kulħadd. Kull individwu jrid jiġi mħeġġeġ biex jiżviluppa lilu nnifsu ħalli jkun jista’ jikseb livell ta’ ħajja aħjar u jikkontribwixxi lejn is-soċjetà. Il-President qal ukoll li għandna naraw għaliex iż-żgħażagħ mhux kollha qegħdin jieħdu vantaġġ mis-sistema edukattiva tagħna li skont hu toffri faċilità biżżejjed biex kulħadd jipparteċipa fiha sal-ogħla livell. Anke persuni b’diżabilità għandhom jiġu mħarrġin u inkoraġġiti biex jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol – hemm ħafna minnhom li diġà jagħmlu dan u l-ġid li joħroġ mhux biss finanzjarju imma jser­vi wkoll biex jgħollilhom id-dinjità tagħhom bħala bnedmin u membri sħaħ tal-komunità.
Abela jħoss li fejn hemm nies, li minħabba diversi raġunijiet ma jistgħux jgħinu lilhom infushom, għandna naraw li l-mezzi disponibbli jiġu użati bl-aħjar mod għall-ġid komuni u biex tkun prijorità li ħadd ma jkun imċaħħad minn livell di­ċenti ta’ għajxien.

Il-President u l-missjoni
Fil-midja qrajna u smajna li l-President se jqatta’ xi jiem fil-missjoni. Dwar dan hu qalilna li din l-idea nibtet f’moħħu żmien ilu. Qal li għandu ammirazzjoni kbira lejn il-missjunarji li jissagrifikaw ħajjithom fi spirtu ta’ altruwiżmu għall-ġid ta’ min hu fil-bżonn. Aħna l-Mal­tin tajna lid-dinja numru kbir ta’ missjunarji matul iż-żmien u ħafna jsostnu l-missjonijiet fl-Afrika u l-Amerika Latina permezz ta’ offerti finanzjarji. Dawn jintużaw biex il-missjunarji jgħinu materjalment lin-nies li jiġu fil-missjoni billi joff­ru servizzi edukattivi, mediċi u wkoll tqassim ta’ ikel. 
Il-President qal ukoll li jekk nitkellmu f’termini reliġjużi, f’kull bniedem nistgħu naraw il-figura ta’ Kristu li jbati. Waħda mill-isbaħ parabboli tal-Van­ġelu għalih hi dik tas-Sammaritan it-tajjeb. Madre Tereża ta’ Kalkutta għallmet lid-dinja aktar minn qatt qabel x’jiġifieri tagħti servizz lill-ifqar fost il-fqar.
Għalhekk l-idea tiegħu hi li jmur jara b’għajnejh ix-xogħol imprezzabbli li qed isir minn missjunarji Maltin u jittama li jkun jista’ jitkellem aħjar dwar din l-idea meta jkun il-waqt.

Ma nċedux għall-faqar
Minkejja li l-faqar ilu jeżisti minn dejjem, George Abela jħoss li dan ma jfissirx li għandna naċċettaw is-sitwazzjoni. Il-kawżi tal-faqar huma varji: kundizzjonijiet klimatiċi, gwerer, raz­ziżmu, nuqqas ta’ żvilupp eko­nomiku. L-aktar kelma li tis­ta’ tesprimi dan kollu hi l-“inġustizzja”. 
Spjega li ċerti pajjiżi fejn hemm il-faqar għandhom ri­żorsi naturali kbar li mhumiex użati għall-ġid tal-poplu imma nħatfu minn persuni fis-setgħa. Dan narawh spiss fil-kontinent Afrikan imma wkoll f’ċerti paj­jiżi avvanzati. Għalkemm id-de­mokrazija u l-istabilità politika mhumiex garanzija assoluta kon­tra l-faqar, żgur li joffru kun­dizzjonijiet aħjar biex titnaqqas kemm jista’ jkun l-inċidenza tie­għu. Il-gwerer u l-instabilità po­litika jġibu miżerja u tbatija uma­na kbira. Il-President ġab eżempju bis-Somalja, fejn għandna sitwazzjoni li konflitt li ilu sejjer ħafna snin xorob ir-riżorsi u l-enerġija kollha tal-pajjiż u flimkien man-nixfa ġab ġuħ u karestija ta’ dimensjoni devastanti.
It-teknoloġija moderna tagħ­milha possibbli li jitkabbar ikel biżżejjed għal kull persuna fid-dinja. Ħafna ikel, fil-fatt, jinħela meta hemm min qed imut bil-ġuħ. Ir-rieda politika biex jin­qered il-faqar u speċjalment il-ġuħ hi dgħajfa wisq. Il-President iħoss li kieku l-flus li jintef­qu fl-armamenti kellhom jintef­qu biex jittaffa l-faqar, is-sit­­wazzjoni kienet tkun wisq aħjar fid-dinja. Imma għadna naraw pajjiżi fqar jonfqu parti kbira mill-ġid tagħhom fuq l-armi, minflok fl-investiment ekonomiku li joħloq ix-xogħol għan-nies u fl-edukazzjoni.
M’hemmx soluzzjonijiet faċli li jaħdmu dejjem u kullimkien għall-faqar fid-dinja. Il-President hu tal-fehma li biex jinqered il-faqar irid jinħoloq or­dni mondjali ġdid. Is-sistema ekonomika dinjija għandja tipperpetwa d-differenzi kbar bejn pajjiż u ieħor u persuna u oħra. L-inġustizzja soċjali ġġib faqar anke fil-pajjiżi sinjuri. L-għonja jkomplu jistagħnew u l-foqra jkomplu jiftaqru.
Eżempju, pajjiżi li jiddependu minn prodotti agrikoli m’għandhomx kontroll fuq il-prezzijiet tas-suq internazzjonali li huma aktarx stabbiliti mill-pajjiżi sinjuri, bir-riżultat li l-pro­dutturi spiss iġibu prezzi­jiet baxxi għall-prodotti tagħ­hom filwaqt li jridu jħallsu prezzijiet għoljin għal prodotti manufatturati jew it-teknoloġija li jimportaw. 
Il-President temm din l-intervista billi qal li l-globalizzazzjoni, li ħafna kienu jaħsbu li se ttejjeb il-qagħda ta’ pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw seta’ kellha l-effett oppost. Ma jafx jekk min ħoloq il-kunċett ta’ globalizzazzjoni, tal-inqas kif ġiet ipprattikata s’issa, kellux vera r-rieda li jtejjeb il-kundizzjoni tal-pajjiżi foqra.

Awguri
Intant, il-President ta’ Malta Dr George Abela ħa l-okkażjoni biex jawgura l-festi t-tajba lill-qarrejja ta’ l-orizzont u lill-Maltin u l-Għawdxin kollha, inklużi dawk li jgħixu barra minn paj­jiżna.
melvindelsol@hotmail.com