Ħafna turisti li jiġu f’pajjiżna jinġibdu lejn il-kapaċità u r-reqqa li biha jsiru l-prodotti artiġġjanali f’pajjiżna. Huma uniċi u jiddistingwuna minn popli oħrajn. Fil-fatt, tant kemm huma mfittxijin li għandna numru ta’ villaġġi, maħluqin apposta biex jiġbru fihom lil dawn il-ħaddiema li kapaċi joħolqu b’idejhom dak li jaraw u jimmaġinaw f’moħħhom.
l-orizzont tkellem mal-artiġġjan Sonny Gatt li ilu jaħdem f’dan ix-xogħol fil-Villaġġ tal-Artiġġjanat f’Ta’ Qali għal dawn l-aħħar 30 sena. Sonny qed itella’ wirja fil-ħanut tiegħu b’uħud mill-isbaħ xogħlijiet li ħoloq matul iż-żmien.
L-avventura twila ta’ Sonny bdiet mal-kumpanija Ceramica Seracena, fejn qatta’ l-ewwel sitt snin tal-karriera tiegħu. Minn hemm imbagħad mar jaħdem ma’ Bristow Potteries għal għaxar snin oħra qabel iddeċieda li jiftaħ għal rasu bl-isem ta’ Master Plaster.
Għall-bidu Sonny ħaseb li kien se jkollu azjenda biex jgħix minnha hu u jgħejjex lill-familja tiegħu, iżda f’inqas minn sitt xhur kien diġà xtara post ikbar fejn jaħdem u kien iħaddem miegħu tlieta min-nies. Kompla jikber u f’inqas minn sena kellu ħamsa jaħdmu miegħu u wara tliet snin kellu saħansitra disa’ persuni li jaħdmu għalih.
Sfortunatament, l-istorja nbidlet għal Sonny, meta fl-1991 kif qalilna hu stess “beda jberraq”. Bdiet il-Gwerra tal-Golf u dak iż-żmien hu kien għadu kemm fetaħ azjenda oħra, fejn kien jaħdem prodotti tal-franka. Kien dak iż-żmien li bdew deħlin prodotti ta’ barra li m’għamlux ġid lill-prodotti artiġġjanali.
Sonny wera swied il-qalb għall-fatt li b’dan il-mod il-prodotti barranin bdew jieħdu post dawk maħdumin b’tant sengħa minn Maltin bħalu. Spjegalna li fl-1981 kulħadd kien ibigħ il-prodott tiegħu u jħaddem miegħu n-nies. Meta aktar tard bdew deħlin prodotti miċ-Ċina, u bdew jiġu anke bi prezzijiet irħas, l-artiġġjani riedu jaraw kif se jikkumpensaw għal dan it-tnaqqis fil-prezzijiet u peress li l-prodotti bdew jiġu lesti miċ-Ċina allura ma kellhomx bżonn iżjed ħaddiema magħhom. B’dan il-mod il-flus ma baqgħux joħduhom il-ħaddiema Maltin iżda bdew jintilfu barra pajjiżna. Sonny qalilna li hu jħoss li pajjiżna m’għandux jibqa’ jimporta biss għax b’dan il-mod jiżdiedu t-taxxi. Pajjiżna għandu wkoll il-kapaċità li jipproduċi l-prodotti tiegħu. Barra minn hekk, il-prodotti li jipproduċu pajjiżi barranin u li jkunu waslu Malta wisq probabbli jkunu jinbiegħu madwar id-dinja kollha. Bil-kontra, prodotti li jkunu magħmulin hawn Malta ma jkunux jinħadmu bħalhom fl-ebda parti oħra tad-dinja. Turist li jiġi Malta jkun jixtieq jixtri prodott li nħadem hawn Malta u mhux wieħed li tista’ ssib bħalu anke f’pajjiżi oħrajn.
Inizjattivi godda izda mhux bizzejjed
Sonny spjegalna li qegħdin isiru diversi inizjattivi ġodda li huma tajbin, bħal seminars u korsijiet, li juru li hemm kuxjenza tal-bżonn li l-artiġġjanat nieħdu ħsiebu. Iżda fl-istess ħin isiru affarijiet li jkomplu jifgawh u ma jħalluhx jerġa’ jieħu l-ħajja.
Filwaqt li qabel fil-villaġġ tal-artiġġjanat kienu jingħataw għajnuniet finanzjarji, illum dawn il-ħaddiema qegħdin ikollhom iħallsu għall-permess tal-MEPA, iħallsu l-kera bil-VAT u anke għal ‘meter’ industrijali tad-dawl. Sonny qalilna li l-artiġġjanat ma jiflaħx għal daqstant piżijiet. Qabbilha ma’ pjanta li tkun għadha żgħira u ma tistax tiżborha bħalma tiżbor pjanta kbira għax inkella tmutlek. Jidher li hemm interess li jgħinuhom iżda bil-mod kif qegħdin isiru l-affarijiet iżjed qegħdin ikissruhom.
Mill-esperjenza tiegħu ta’ 30 sena f’dan ix-xogħol Sonny ipprova dejjem jegħleb kull ostaklu li ltaqa’ miegħu. Iħossu ddispjaċut li ġieli spiċċa bla flus f’idejh u ma setax jibqa’ jħaddem lil dawk id-disgħa min-nies. L-affarijiet inbidlu, tant li l-ħwienet ma baqgħux jieħdu daqstant prodotti u kien hemm min beda jġib biss prodotti miċ-Ċina.
Skont Sonny il-ħwienet ma tagħtihomx tort li jbigħu prodotti miċ-Ċina iżda tal-inqas għandha tingħata għajnuna lil dawk li jaħdmu l-artiġġjanat u għandha ssir iżjed promozzjoni tax-xogħlijiet li joħolqu. Sonny issuġġerixxa li ssir sezzjoni fejn ikunu esposti l-prodotti. Rigward il-wirja tiegħu, Sonny spjegalna li kien japprezza ħafna kieku xi ħadd għenu jippromwoviha, iżda sfortunatament ma tantx sab min jgħinu.
Progetti li ma twettqux
B’kollox kien hemm erba’ proġetti li kellhom isiru fil-Villaġġ tal-Artiġġjanat f’Ta’ Qali. L-ewwel wieħed kien ġie ppjanat minn Gvern Laburista u li kien se jgħin lill-artiġġjani fil-ħlas tal-platform, fil-bini u ċ-ċens kien irħis. Minkejja dan kollu, kulħadd kien gerger għax in-nies xtaqu aktar minn hekk. Dan il-proġett kien se jsir b’‘means test’ biex jara jekk dak li jkun setax jasal li jħallas. Dan il-proġett waqa’ hekk kif waqa’ Gvern Laburista.
It-tieni proġett kien dak li ppjana Edwin Vassallo. Minn 30 azjenda telgħu għal 99 azjenda u dwar dan il-proġett inqala’ ħafna nkwiet. Iċ-ċens kien se jkun bl-għoli, il-kera għolja u l-bini bi prezz goff. Barra minn hekk, is-sidien kellhom jiffirmaw għax il-bqija kienu se jispiċċaw barra. Għalhekk kulħadd kien beża’ u ffirma. Minkejja dan, l-artiġġjani ma kellhomx iħallsu tal-permessi tal-MEPA.
Wara dan il-proġett kien ġie ppjanat proġett minn investitur Taljan. Kien proġett modern ħafna u kien se jkun magħmul minn ħafna strutturi tal-ħġieġ. Kellu wkoll isir xi akkwarju bil-ħut bħala attrazzjoni. Ħafna ma qablux miegħu u minkejja li kien hemm investiment kbir ma sar xejn minnu.
Issa wasal proġett ieħor, li skont Sonny lanqas hu żmienu minħabba li kollox qisu qed imut u jekk mhux se jiġu mgħejjunin allura mhux se jaslu. Skont Sonny il-proġett hu sabiħ iżda l-affarijiet huma diffiċli għall-artiġġjani. Is-sitwazzjoni tagħhom qiegħda li dejjem qegħdin jestendu l-konvenju li għandhom imma ma jafux x’se jsir minnhom. Kulħadd jixtieq li ssir xi ħaġa biex jerġa’ jqum l-artiġġjanat f’pajjiżna iżda hemm bżonn li jingħata n-nifs biex il-kummerċ jaqbad u jieħu l-ħajja mill-ġdid.
Jekk l-affarijiet jitranġaw allura għad hemm futur għall-artiġġjanat. Is-sitwazzjoni tad-dinja hija waħda kerha iżda skont Sonny jekk ikun hemm min jisma’ l-weġgħat u l-krib ta’ dawk li jixtiequ jinsistu, allura l-affarijiet jistgħu jimxu ’l quddiem u min irid jasal, b’xi mod jew ieħor jirnexxilu jasal fejn jixtieq!
melvindelsol@hotmail.com |
No comments:
Post a Comment