Tuesday, August 9, 2011

X’effetti jista’ jkollhom in-netwerks soċjali bħal Facebook?Għodda tajba jekk użata b’bilanċ

X’effetti jista’ jkollhom in-netwerks soċjali bħal Facebook?Għodda tajba jekk użata b’bilanċ

Mal-iżvilupp tat-tek­no­loġija, ħajjitna sa­ret dipendenti ħafna mill-użu ta’ sistemi ġodda ta’ komunikazzjoni. Bdejna bl-ew­wel żvilupp kbir li kien il-mowbajl, li ġie segwit mill-iżvilupp tal-Internet u wasalna biex illum il-ġurnata mxejna għan-netwerks soċjali. Dawn tant saru parti minna li kultant lanqas għadna nafu ngħi­xu mingħajrhom. Bħal kull ħaġ’oħra dawn jistgħu jkunu ta’ għajnuna f’ħajjitna, iżda dejjem jekk nużawhom b’mod bilanċjat.
l-orizzont tkellem mal-psikologa Priscilla Muscat biex nifhmu aktar dwar l-effetti, tajbin u ħżiena, li jista’ jkollhom dawn in-netwerks soċ­jali fuq dawk li jagħmlu użu minnhom.

Izzomm kuntatt
Priscilla spjegatilna li fihom infushom dawn in-netwerks huma pjattaforma fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu u jagħmlu kuntatti b’mod mill-aktar sem­pliċi. Jgħinu b’mod speċjali lil min ikollu qraba jew ħbieb barra l-pajjiż għax b’dan il-mod ikunu jistgħu jżommu kuntatt ma’ xulxin. Bl-istess mod jgħinu wkoll biex jin­żamm kuntatt bejn eks-kollegi jew studenti ta’ skejjel.
Anke nies li jkunu jħossu­hom waħedhom u li jidħlu fuq dawn in-netwerks, bħal Facebook, isibu ma’ min “jgħi­du kelma” u jħossuhom aħjar. Tal-inqas ikunu qegħdin jikkomunikaw ma’ xi ħadd.
Iservu wkoll biex persuna żżomm ruħha aġġornata dwar dak li jkunu qegħdin jagħmlu sħabha u tħossha inkluża fil-grupp li tkun tagħmel parti minnu.
Sistemi oħrajn ta’ netwerks jgħinuk ukoll biex tippromwovi lilek innifsek. B’dan il-mod persuna li jkollha bżonn espert f’ċertu qasam tista’ tuża dawn in-netwerks biex issib dak li jkollha bżonn u fl-istess ħin dawk li jkunu fuq in-net­werk jistgħu jagħmlu avviż b’xejn tagħhom infushom.
Min-naħa l-oħra, l-akbar in­kwiet ta’ dawn in-netwerks soċjali hu li ħajjet il-persuna li tagħmel użu minnhom tkun qiegħda tiġi esposta quddiem kulħadd, dejjem jekk il-persuna ma toqgħodx attenta u tara li tissettja l-privatezza tal-profil tagħha.

Thassib mill-Kummissjoni Ewropea
F’dan ir-rigward, il-Kummissarju Ewropew għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, es­primiet it-tħassib tagħha għan-nuq­qas ta’ sigurtà li joff­ru dawn in-netwerks soċjali fejn jidħlu t-tfal. B’mod speċjali, Kroes uriet tħassib dwar Facebook, li hu meqjus bħala l-inqas wieħed sigur fost in-netwerks soċjali u fejn dawk ta’ età żgħira huma esposti l-aktar għall-kuntatt ma’ predaturi sesswali. Dan kollu min­ħabba li hemm nuqqas ta’ stru­menti ta’ sigurtà. F’Mejju li għadda, Mark Zuckerberg kien wera l-intenzjoni li se jie­ħu l-passi meħtieġa biex jirranġa s-sitwazzjoni, iżda sal-lum dawk taħt l-età għadhom esposti għal ċerti perikli.
It-tħassib ta’ Kroes hu li jekk it-tfal iridu jibdew jitgħallmu l-kompjuter minn età daqstant żgħira, allura jrid isir sforz akbar biex jiġu protetti dawk it-tfal taħt l-età.
Skont informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni Ewropea: 77% taż-żgħażagħ bejn it-13 u s-16-il sena jużaw in-netwerks soċjali; 38% tat-tfal bejn 9 u 12-il sena jużaw in-netwerks soċjali; 12 mill-14-il sit użati jippermettu li s-‘search engines’ isibu l-profili ta’ dawk taħt l-età u huma biss żewġ netwerks soċjali (Bebu u MySpace) li ma jħallux lil nies li ma jafux lit-tfal jidħlu fuq il-profili tagħhom.

Mil-lat negattiv
Bħal kull ħaġa oħra, jekk ma jintużawx tajjeb u bil-bilanċ, dawn in-netwerks jis­tgħu jagħmlu ħsara daqskemm jistgħu jagħmlu ġid.
Priscilla spjegatilna li jekk nieħdu eżempju ta’ persuni li jkunu magħluqin fihom infushom, dawn in-netwerks ġie­li jservu biex ikunu l-post tal-kenn għalihom fejn jagħm­lu kuraġġ u jagħmlu ħbieb ġod­da. Iżda kultant jiġri li minflok isservi ta’ għajnuna, din isservi biex tagħmlilhom aktar ħsara għax jispiċċaw ma jipprovawx joħorġu mid-dar biex jiltaqgħu ma’ nies ġodda. Li kieku dawn in-netwerks jgħinuhom biex jagħmlu ħbieb ġodda u mbagħad jo­ħorġu biex jiltaqgħu magħ­hom, hekk allura l-effett kien ikun wieħed tajjeb iżda li jinqatgħu mid-dinja u joqogħdu maqtugħin għal ħinijiet twal dak mhux effett tajjeb.
Barra minn hekk, hemm problema oħra, li fuq ċerti siti ma tkunx taf eżatt min hu l-persuna ma’ min tkun qed titkellem u kien hemm każi internazzjonali fejn persuni kien mingħalihom li se jil­taqgħu ma’ xi ħadd u fil-fatt iltaqgħu ma’ xi ħadd ieħor.
Priscilla spjegatilna wkoll li din is-sitwazzjoni ġieli tkun iżjed perikoluża hekk kif kultant lanqas ħadd ma jkun jaf fejn ikunu sejrin dawn iż-żgħażagħ u ma’ min se jiltaq­għu.
Hemm ukoll l-element ta’ ċajt fejn ġieli persuna tkun ta­parsi xi ħadd ieħor. Fuq persuni li jkun diffiċli għalihom biex isibu tfajla jew ġuvni din tista’ tkun xi ħaġa li tkompli twaqqgħalhom iżjed il-moral.

Uzu b'bilanc u kawtela
Skont Priscilla, dawn in-netwerks huma għodda tajba li tista’ tkun ta’ ġid sakemm tkun użata b’bilanċ u kawtela. Ma jridux isiru l-unika ħaġa f’ħajtek u trid iżżomm għaj­nejk miftuħin biex ma tespo­nix wisq lilek innifsek. Huwa tajjeb li ħbieb iżommu kuntatt permezz ta’ dawn in-net­werks iżda mbagħad ma jib­qax daqshekk tajjeb li persuna tkun dipendenti minnhom. Huwa perikoluż meta persuna ssir daqstant dipendenti ta’ dawn in-netwerks u tibda titfa’ l-fiduċja tagħha biss fuq in-nies li tkun taf fuqhom. Barra minn hekk, lanqas mhu tajjeb li tinqata’ minn affarijiet oħrajn fil-ħajja bħal eżer­ċizzju fiżiku u anke studju fil-każ tal-istudenti.
Min-naħa tal-ġenituri ta’ tfal adoloxxenti, Priscilla qal­tilna li dawn għandhom ikollhom iżjed irwol u jimmoniterjaw lil min ikunu qegħdin ikellmu wliedhom u min iku­nu l-ħbieb tagħhom. Dan kol­lu b’mod mhux daqstant vi­ġilanti u jekk ikun hemm xi persuna li tkun qiegħda tieħu xi interess żejjed jew tgħaddilhom xi kummenti żejda allura jaraw min hi dik il-persuna u jekk ikun hemm bżonn jispjegaw lil uliedhom.


Effett ieħor li jista’ jkollhom ċerti netwerks soċjali hu fuq ir-relazzjonijiet. Ġieli jitpoġġew ċerti ritratti u jkun hemm min jgħaddi kummenti jew jinbtu kunfidenzi żejda li jistgħu joħolqu impatt fuq ir-relazzjoni. Ġieli jiġri li dik il-persuna li tkun għaddiet il-kumment ma tkunx tinteressa lil dik il-persuna iżda xorta waħda joħloq għira bejn il-koppja.
Bl-istess mod, persuna li tkun għaddejja minn żmien diffiċli f’relazzjoni taf tħossha waħedha u tmur tiftaħ qalbha fuq xi netwerk soċjali u jkun hemm min jaf jieħu interess żejjed. Għalkemm din il-ħaġa tista’ tiġri kullimkien, wieħed irid iżomm f’moħħu li fuq dawn in-netwerks, il-komunikazzjoni ma tkunx reali u bnie­dem ikollu ċ-ċans jaħseb dak li se jikteb u jara x’jogħġob u ma jogħġobx lil dik il-persuna qabel ma jweġibha. Għal­hekk hemm possibbiltà akbar ta’ ingann u tkun iżjed diffiċli biex tagħraf kemm persuna tkun onesta.
Fl-istess ħin ma tistax ma ssemmix li kien hemm min kien mistħi u forsi anke magħ­luq fih innifsu li ltaqa’ ma’ ġuv­ni jew tfajla fuq xi waħda minn dawn in-netwerks u baqa’ miexi f’relazzjoni li rnex­xiet!

1 comment:

  1. Proset Melvin!....Interessanti hafna. Keep it up siehbi. :)

    ReplyDelete