A collection of all the articles I write, and which are usually published in the local newspapers: It-Torca and l-Orizzont. There are also other articles which you can only find on this blog, so please keep coming back! Enjoy your visit
Tuesday, August 23, 2011
Tuesday, August 9, 2011
X’effetti jista’ jkollhom in-netwerks soċjali bħal Facebook?Għodda tajba jekk użata b’bilanċ
X’effetti jista’ jkollhom in-netwerks soċjali bħal Facebook?Għodda tajba jekk użata b’bilanċ |
Mal-iżvilupp tat-teknoloġija, ħajjitna saret dipendenti ħafna mill-użu ta’ sistemi ġodda ta’ komunikazzjoni. Bdejna bl-ewwel żvilupp kbir li kien il-mowbajl, li ġie segwit mill-iżvilupp tal-Internet u wasalna biex illum il-ġurnata mxejna għan-netwerks soċjali. Dawn tant saru parti minna li kultant lanqas għadna nafu ngħixu mingħajrhom. Bħal kull ħaġ’oħra dawn jistgħu jkunu ta’ għajnuna f’ħajjitna, iżda dejjem jekk nużawhom b’mod bilanċjat. l-orizzont tkellem mal-psikologa Priscilla Muscat biex nifhmu aktar dwar l-effetti, tajbin u ħżiena, li jista’ jkollhom dawn in-netwerks soċjali fuq dawk li jagħmlu użu minnhom. Izzomm kuntatt ![]() Anke nies li jkunu jħossuhom waħedhom u li jidħlu fuq dawn in-netwerks, bħal Facebook, isibu ma’ min “jgħidu kelma” u jħossuhom aħjar. Tal-inqas ikunu qegħdin jikkomunikaw ma’ xi ħadd. Iservu wkoll biex persuna żżomm ruħha aġġornata dwar dak li jkunu qegħdin jagħmlu sħabha u tħossha inkluża fil-grupp li tkun tagħmel parti minnu. Sistemi oħrajn ta’ netwerks jgħinuk ukoll biex tippromwovi lilek innifsek. B’dan il-mod persuna li jkollha bżonn espert f’ċertu qasam tista’ tuża dawn in-netwerks biex issib dak li jkollha bżonn u fl-istess ħin dawk li jkunu fuq in-netwerk jistgħu jagħmlu avviż b’xejn tagħhom infushom. Min-naħa l-oħra, l-akbar inkwiet ta’ dawn in-netwerks soċjali hu li ħajjet il-persuna li tagħmel użu minnhom tkun qiegħda tiġi esposta quddiem kulħadd, dejjem jekk il-persuna ma toqgħodx attenta u tara li tissettja l-privatezza tal-profil tagħha. Thassib mill-Kummissjoni Ewropea F’dan ir-rigward, il-Kummissarju Ewropew għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, esprimiet it-tħassib tagħha għan-nuqqas ta’ sigurtà li joffru dawn in-netwerks soċjali fejn jidħlu t-tfal. B’mod speċjali, Kroes uriet tħassib dwar Facebook, li hu meqjus bħala l-inqas wieħed sigur fost in-netwerks soċjali u fejn dawk ta’ età żgħira huma esposti l-aktar għall-kuntatt ma’ predaturi sesswali. Dan kollu minħabba li hemm nuqqas ta’ strumenti ta’ sigurtà. F’Mejju li għadda, Mark Zuckerberg kien wera l-intenzjoni li se jieħu l-passi meħtieġa biex jirranġa s-sitwazzjoni, iżda sal-lum dawk taħt l-età għadhom esposti għal ċerti perikli. It-tħassib ta’ Kroes hu li jekk it-tfal iridu jibdew jitgħallmu l-kompjuter minn età daqstant żgħira, allura jrid isir sforz akbar biex jiġu protetti dawk it-tfal taħt l-età. Skont informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni Ewropea: 77% taż-żgħażagħ bejn it-13 u s-16-il sena jużaw in-netwerks soċjali; 38% tat-tfal bejn 9 u 12-il sena jużaw in-netwerks soċjali; 12 mill-14-il sit użati jippermettu li s-‘search engines’ isibu l-profili ta’ dawk taħt l-età u huma biss żewġ netwerks soċjali (Bebu u MySpace) li ma jħallux lil nies li ma jafux lit-tfal jidħlu fuq il-profili tagħhom. Mil-lat negattiv Bħal kull ħaġa oħra, jekk ma jintużawx tajjeb u bil-bilanċ, dawn in-netwerks jistgħu jagħmlu ħsara daqskemm jistgħu jagħmlu ġid. Priscilla spjegatilna li jekk nieħdu eżempju ta’ persuni li jkunu magħluqin fihom infushom, dawn in-netwerks ġieli jservu biex ikunu l-post tal-kenn għalihom fejn jagħmlu kuraġġ u jagħmlu ħbieb ġodda. Iżda kultant jiġri li minflok isservi ta’ għajnuna, din isservi biex tagħmlilhom aktar ħsara għax jispiċċaw ma jipprovawx joħorġu mid-dar biex jiltaqgħu ma’ nies ġodda. Li kieku dawn in-netwerks jgħinuhom biex jagħmlu ħbieb ġodda u mbagħad joħorġu biex jiltaqgħu magħhom, hekk allura l-effett kien ikun wieħed tajjeb iżda li jinqatgħu mid-dinja u joqogħdu maqtugħin għal ħinijiet twal dak mhux effett tajjeb. Barra minn hekk, hemm problema oħra, li fuq ċerti siti ma tkunx taf eżatt min hu l-persuna ma’ min tkun qed titkellem u kien hemm każi internazzjonali fejn persuni kien mingħalihom li se jiltaqgħu ma’ xi ħadd u fil-fatt iltaqgħu ma’ xi ħadd ieħor. Priscilla spjegatilna wkoll li din is-sitwazzjoni ġieli tkun iżjed perikoluża hekk kif kultant lanqas ħadd ma jkun jaf fejn ikunu sejrin dawn iż-żgħażagħ u ma’ min se jiltaqgħu. Hemm ukoll l-element ta’ ċajt fejn ġieli persuna tkun taparsi xi ħadd ieħor. Fuq persuni li jkun diffiċli għalihom biex isibu tfajla jew ġuvni din tista’ tkun xi ħaġa li tkompli twaqqgħalhom iżjed il-moral. Uzu b'bilanc u kawtela Skont Priscilla, dawn in-netwerks huma għodda tajba li tista’ tkun ta’ ġid sakemm tkun użata b’bilanċ u kawtela. Ma jridux isiru l-unika ħaġa f’ħajtek u trid iżżomm għajnejk miftuħin biex ma tesponix wisq lilek innifsek. Huwa tajjeb li ħbieb iżommu kuntatt permezz ta’ dawn in-netwerks iżda mbagħad ma jibqax daqshekk tajjeb li persuna tkun dipendenti minnhom. Huwa perikoluż meta persuna ssir daqstant dipendenti ta’ dawn in-netwerks u tibda titfa’ l-fiduċja tagħha biss fuq in-nies li tkun taf fuqhom. Barra minn hekk, lanqas mhu tajjeb li tinqata’ minn affarijiet oħrajn fil-ħajja bħal eżerċizzju fiżiku u anke studju fil-każ tal-istudenti. Min-naħa tal-ġenituri ta’ tfal adoloxxenti, Priscilla qaltilna li dawn għandhom ikollhom iżjed irwol u jimmoniterjaw lil min ikunu qegħdin ikellmu wliedhom u min ikunu l-ħbieb tagħhom. Dan kollu b’mod mhux daqstant viġilanti u jekk ikun hemm xi persuna li tkun qiegħda tieħu xi interess żejjed jew tgħaddilhom xi kummenti żejda allura jaraw min hi dik il-persuna u jekk ikun hemm bżonn jispjegaw lil uliedhom. Effett ieħor li jista’ jkollhom ċerti netwerks soċjali hu fuq ir-relazzjonijiet. Ġieli jitpoġġew ċerti ritratti u jkun hemm min jgħaddi kummenti jew jinbtu kunfidenzi żejda li jistgħu joħolqu impatt fuq ir-relazzjoni. Ġieli jiġri li dik il-persuna li tkun għaddiet il-kumment ma tkunx tinteressa lil dik il-persuna iżda xorta waħda joħloq għira bejn il-koppja. Bl-istess mod, persuna li tkun għaddejja minn żmien diffiċli f’relazzjoni taf tħossha waħedha u tmur tiftaħ qalbha fuq xi netwerk soċjali u jkun hemm min jaf jieħu interess żejjed. Għalkemm din il-ħaġa tista’ tiġri kullimkien, wieħed irid iżomm f’moħħu li fuq dawn in-netwerks, il-komunikazzjoni ma tkunx reali u bniedem ikollu ċ-ċans jaħseb dak li se jikteb u jara x’jogħġob u ma jogħġobx lil dik il-persuna qabel ma jweġibha. Għalhekk hemm possibbiltà akbar ta’ ingann u tkun iżjed diffiċli biex tagħraf kemm persuna tkun onesta. Fl-istess ħin ma tistax ma ssemmix li kien hemm min kien mistħi u forsi anke magħluq fih innifsu li ltaqa’ ma’ ġuvni jew tfajla fuq xi waħda minn dawn in-netwerks u baqa’ miexi f’relazzjoni li rnexxiet! |
Subscribe to:
Posts (Atom)