Tuesday, July 26, 2011

Fiex jikkonsisti l-programm EkoSkola adottat mill-maġġoranza tal-iskejjel Maltin? Kuxjenza dwar l-ambjent minn żgħar



L-FEE (Foundation for Environmental Education) hija fondazzjoni internazzjonali li tuża NGOs biex twettaq il-programmi tagħha favur l-ambjent. Hawn Malta, l-NGO li tmexxi l-programmi tagħha hija Nature Trust u EkoSkola hu proprju wie­ħed minn dawn il-programmi.

EkoSkola ilu għaddej għal dawn l-aħħar disa’ snin u fih hemm jipparteċipaw 107 skejjel; kemm primarji, sekondarji kif ukoll anke terzjarji. Biex insiru nafu aktar dwar dan tkellimna ma’ Cynthia Caruana li hi kordinatriċi ta’ EkoSkola biex tispjegalna aħjar x’jinvolvi dan il-programm.

Bażikament hemm seba’ passi li kull skola trid tagħmel meta tiddeċiedi li ssir EkoSkola. Fil-fatt, il-programm huwa wieħed komuni għal kull tip ta’ skola. L-ewwel pass hu li jinħatar kumitat, b’mod demokratiku u li jkun ifformat il-biċċa l-kbira minn studenti. Ladarba l-membri tal-kumitat ikunu nħatru, dawn iduru dawra mal-iskola u jaraw x’hemm bżonn li jiġi rranġat. F’dan il-pass ovvjament l-istudenti jin­għataw anke appoġġ mill-kordinaturi ta’ dan il-programm. Minn hemm imbagħad isir pjan ta’ azzjonijiet li jridu jsiru biex jiġu rranġati l-affarijiet li sabu mhux kif suppost.

Importanti li matul il-proċess tibqa’ ssir evalwazzjoni u jsir moniteraġġ tas-sistema. Kif imbagħad jibdew mexjin l-affarijiet l-istudenti jaraw kif jagħmlu biex jinvolvu lill-iskola kollha f’dan il-programm. Iżda mhux s’hemmhekk biss jaslu. Wara jinvolvu anke lill-komunità billi anke jiftehmu mal-kunsilli lokali u jipparteċipaw waqt sessjo­nijiet apposta fil-Parlament biex iwass­lu l-messaġġ tagħhom. Imbagħad joħorġu dak li jissejjaħ eco-code li jkun il-messaġġ li l-iskola tkun tixtieq twassal.

Cynthia spjegatilna li dan il-proċess mhuwiex wieħed ta’ darba u jieqaf hemm. Hu proċess kontinwu u kull min jilħaq ċertu livell jingħata l-Gold Award li hu simili għall-Green Flag. Meta skola tingħata dan l-award tkun qiegħda tikseb ċertifikat internazzjonali. Iżda dan iċ-ċertifikat jibqa’ validu għal sentejn u għalhekk l-iskola tkun trid tibqa’ tieħu ħsieb tal-iskola għax inkella ċ-ċertifikat ma jerġax jiġġeddilha wara s-sentejn. Hawn Malta l-iskejjel jiġu ċċekkjati mill-Professur Paul Pace, li hu l-kordinatur nazzjonali ta’ EkoSkola u Vince Attard minn Nature Trust.
Eko Skola fil-Parlament

Intant, biex iwettqu pass importanti fil-programm EkoSkola, l-istudenti jkollhom sessjoni fil-Parlament biex ikollhom iċ-ċans jesprimu l-ideat tagħhom dwar dak li qed isir fl-iskejjel tagħhom. Fil-fatt, Cynthia spjegatilna kif il-Prim Ministru baqa’ impressjonat fis-sessjoni li saret ta’ Eko-Parlament u l-Ispeaker saħansitra ordna dak il-ħin li jinbidlu t-tubi tal-Parlament. Dan ifisser li b’dan il-mod EkoSkola qed jiġi anke trażmess fuq livell nazzjonali.

Partecipazzjoni f’EkoSkola

Kull skola tista’ tieħu sehem f’dan il-programm. S’issa hemm madwar 64% tal-iskejjel f’Malta li qegħdin jieħdu sehem b’mod volontarju. Skont Cynthia tant kemm qegħdin jieħdu interess l-istudenti li ħafna drabi qegħdin ikollhom jinħolqu sotto-kumitati biex kulħadd ikun jista’ jipparteċipa. Cynthia spjegatilna wkoll li bħala prog­ramm ġieli kellu l-problemi tiegħu iżda jidher li l-iskejjel dejjem raw kif jagħmlu biex isolvuhom u dan juri li dan il-programm għandu pedament sod. Hemm ukoll skejjel li tant qegħdin joħduh bis-serjetà li komplew espandew fuq livelli ogħla. Cynthia qal­tilna li fost l-oħrajn l-iskola ta’ St Francis ta’ Tas-Sliema ddeċidiet li se jixtru s-solar panels u għaldaqstant involvew lill-ġenituri.

Intant, aħna staqsejna wkoll lill-Kap tal-Iskola Primarja tax-Xgħajra, Johann Gatt, dwar x’passi wettqu huma fl-iskola. Spjegalna li t-tfal organizzaw ‘bike day’ u anke ‘walking bus’ biex inaqqsu l-użu tal-karozzi fl-inħawi tal-iskola. Barra minn hekk, għamlu lista ta’ apparat li jaħdem bid-dawl u l-istudenti jiċċekkjaw jekk dawn ikunux mixgħulin għalxejn meta ma jkun hemm ħadd fil-kamra. Mhux hekk biss, iżda għamlu anke ‘treasure hunt’ fejn ipparteċipat magħhom anke l-iskola ta’ Ħaż-Żabbar. F’din il-logħba t-tfal għaqqdu s-sentenza "Nibżgħu għall-ambjent billi niffrankaw l-ener­ġija."

Iżda l-lista hija ħafna aktar twila u kienu anke bosta l-mixjiet b’tema ambjentali li wettqu, fost l-oħrajn anke f’xi wħud fejn l-istudenti spiċċaw diżappuntati għax fit-triq sabu skart mal-art u anke ‘fridges’ mormijin.

Sens ta’ responsabbiltà

L-idea ta’ EkoSkola hi li t-tfal jitrawmu b’aktar responsabbiltà u bil-mod kif jitgħallmu huma jikkonvinċu anke lil min hu ikbar minnhom. L-idea hi li tista’ tibda tagħmel differenza minn meta jkollok tfal għadhom żgħar biex fl-istil ta’ ħajja li jgħixu jagħtu aktar kas tal-ambjent ta’ madwarhom u bis-saħħa tagħhom tkun qed tilħaq ukoll lil min hu ikbar minnhom.

Barra minn hekk, dan il-programm qed iservi biex joħroġ it-tajjeb ta’ kull student. Min hu tajjeb f’ħaġa u min f’oħra u b’hekk ikunu jistgħu jibdew ikabbru l-istima fihom infushom minn meta jkunu żgħar.

Il-futur ta’ EkoSkola

EkoSkola tidher li mhix qiegħda tibqa’ bbażata biss fuq ambjent, iżda qiegħda tinfirex ukoll fuq temi ta’ żvilupp sotenibbli, bħall-ħarsien tal-annimali u volontarjat mal-anzjani. B’dan il-mod qiegħed jerġa’ jitqajjem is-sens ta’ komunità li minn dejjem kien preġju fis-soċjetà Maltija. EkoSkola tidher li se tgħin ukoll biex toħloq kuxjenza dwar l-indafa fil-bajjiet u se tkun qisha l-magna biex tgħin ħalli jkun hawn aktar bajjiet li jkollhom il-Blue Flag.

Milqugha mill-komunità

EkoSkola serviet biex tagħti rwol dirett lill-istudenti biex jieħdu sehem bil-konservazzjoni tal-ambjent, qiegħda tgħin biex l-iskejjel ikunu fi stat aħjar u biex anke tintleħaq il-komunità. Jidher li l-komunità ta’ kull naħa ta’ Malta qiegħda taċċetta dan il-programm u saħansitra daħal fil-viżjoni ta’ wħud mill-iskejjel.

Monday, July 18, 2011

Jerġa’ jasal is-sajf… terġa’ tispikka l-injoranza ta’ wħud

Hekk kif dħalna fix-xhur tas-sajf, ħafna huma dawk li jmorru ma’ sħabhom jew inkella mal-familji tagħhom ħdejn il-baħar u jorganizzaw BBQs matul l-iljieli. Sfortunatament, jidher li mhux kull min jorganizza dawn il-BBQs jieħu ħsieb li jħalli nadif wa­rajh, ħalli ħaddieħor bħalu jkun jista’ jgawdi l-bajja.

Hekk ġara fil-bajja ta’ Dellimara nhar il-Ħamis. Meta mor­­na filgħodu biex ingawdu s-sbuħija li toffri din il-bajja sibna bosta ħmieġ mill-BBQs tal-lejl ta’ qabel.
Minkejja li l-awtoritajiet ħas­bu biex poġġew mezzi apposta fejn jintrema ż-żibel; fost l-oħrajn għall-karti, għall-plastik, kif ukoll għall-faħam tal-BBQs, bosta "bravi" dehrilhom li jqabbdu l-faħam jew inkella jarmuh wara li jlestu fil-ħofor li hemm fil-blat. Barra minn hekk, biex iżidu mal-bravuri li wettqu qalbu tank li kien mimli biż-żibel u anke kissru flixkun tal-inbid tal-ħġieġ mal-art.

Kienet vera azzjoni tal-mis­tħija, kien min kien li wettaq­ha. Jekk kien Malti allura kie­net azzjoni miskina u ta’ injoranza għax twaqqgħalna wiċċ­na l-art mat-turisti li jżuru din il-bajja u jekk kien xi turist allura kienet ħafna iżjed tal-mis­tħija jekk persuna jista’ jiġi f’paj­jiżna u jħammġu mingħajr ma jwaqqfu ħadd.

B’dan l-aġir poġġew fil-pe­rik­lu lin-nies li jħobbu jgawdu din il-bajja, b’mod speċjali t-tfal, li setgħu weġġgħu bil-fda­lijiet li rmew.



Azzjoni mill-Awtoritá



Min-naħa tal-awtorità kien tajjeb li tpoġġew il-mezzi fejn jintrema ż-żibel għalkemm f’dan il-każ ma ġewx użati. Min­kejja dan, ma jidhirx li qie­għed isir sforz biżżejjed biex nieħdu ħsieb il-bajjiet tagħ­na. Mhuwiex biżżejjed li nwaħħlu tabella li tgħid "irrap­porta kull kontravenzjoni lill-pulizija fuq 119" għax ħadd mhu daqshekk iblah li se jmur jirrapporta lilu nnifsu. Biex jinqatgħu ċerti abbużi soluzzjoni waħda hemm; li jkun hemm sorveljanza min-naħa tal-awtoritajiet.

Barra minn hekk, ikun xie­raq jekk l-awtoritajiet jieħdu ħsieb minnufih biex inaddfu l-ħmieġ li tħalla f’din il-bajja ħalli jevitaw li jweġġa’ xi ħadd u li nkomplu naqgħu aktar għaċ-ċajt!

Il-bajja tnaddfet… Fortizza Dellimara le

Nieħdu gost meta l-ilmenti li nwasslu permezz ta’ dan il-ġurnal jaslu għand l-awtoritajiet ikkonċernati u dawn jieħdu l-passi meħtieġa biex jirran­ġaw is-sitwazzjoni. Hekk ġara fil-każ tal-bajja ta’ Dellimara, fejn xi ħadd kien għoġbu jnitten il-blat bil-fdalijiet tal-BBQs. Fil-fatt, Keith Galea mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali bagħtilna wkoll ittra biex jgħidilna li ttieħdu passi.
Sfortunatament imma, mhux l-ilmenti kollha jidhru li jaslu għand l-awtoritajiet għax xhur ilu, proprju fl-20 ta’ Frar ta’ din is-sena, fuq il-gazzetta tal-Ħadd it-torċa konna lmentajna dwar it-telqa u l-abbandun li tinsab fih il-Fortizza Dellimara. Din b’kumbi­nazz­joni tinsab biss tefgħa ta’ ġeb­la ’l bogħod mill-bajja li ġiet imnaddfa.

Mhux talli l-foss tal-fortizza ma ġiex imnaddaf minn skart goff bħal tyres, fridges, cookers u anke sufani, talli llum il-ġurnata kompla żdied il-ħmieġ hekk kif xi "bravu ieħor", u din id-darba iktar hemm ċans li hu Malti, wad­dab l-għamara ta’ kamra sħiħa fil-foss.



Bla sorveljanza mill-awtoritajiet

Għal darb’oħra dan jerġa’ jikkonferma dak li konna ktibna, jiġifieri li hemm bżonn li l-awtoritajiet jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex ikun hemm is-sorveljanza adegwata f’dawn l-inħawi ħalli jiġu evitati azzjonijiet vandali qabel ma jsiru.