Bħalissa hu impossibbli, jekk ma niżviluppawx ir-riżorsi, li jekk il-Qorti jkollha bżonn tibgħat lil xi ħadd għal terapija sesswali li nagħtuhielu.” Hekk stqarr ma’ l-orizzont it-tabib John Mifsud li hu l-Kap tal-Post Graduate Course in Psychiatry fl-Isptar Monte Carmeli, konsulent psikjatra u anke l-uniku sesswologu li għandna f’pajjiżna.
Mifsud spjegalna li minkejja li hu sesswologu, hu qiegħed impjegat fuq xogħol ieħor. Għalhekk, hu ma jkollux il-ħin li jagħti terapiji oħrajn ħlief għall-pazjenti tagħhom.
Teoretikament dawk il-persuni li jkunu wettqu offiża sesswali jridu jingħataw kura, iżda sfortunatament m’hawnx nies li huma impjegati fuq hekk. Fil-fatt, f’pajjiżna hu t-tabib Mifsud biss li hu kkwalifikat bħala sesswologu.

B’hekk kellu jmur kollox lura u dawk iż-żewġ persuni li kienu ngħatawlu, tpoġġew fid-dipartiment tal-psikoloġija peress li hu kellu diġà t-tim tiegħu fil-psikjatrija. Intant, dawk iż-żewġ persuni leħqu integraw ruħhom fid-dipartiment fejn tpoġġew u kollox miet fuq ruħ ommu.
Intant, biex ikun jista’ jibda jingħata dan is-servizz it-tabib spjegalna li jeħtieġ li jibda kollox bil-mod. Ikun jeħtieġ post addattat fejn jingħata dan is-servizz u li jingħata taħriġ ‘on the job’, barra li jrid ukoll ikun hemm sfond edukattiv. Bħalissa, it-tobba li qegħdin jispeċjalizzaw fil-psikjatrija, qegħdin jispeċjalizzaw ukoll fil-psikoterapija. Din l-ispeċjalizzazzjoni tieħu ħames snin, fejn l-istudenti li jkunu kkwalifikaw bħala tobba jistudjaw tliet tipi ta’ psikoterapija; ‘cognitive behavioural therapy’, ‘psychodynamic’ u ‘integrative’.
Fil-psikoterapija hemm ’il fuq minn 400 tip differenti, iżda mhux kollha jaħdmu. Jiġu mgħallmin dawn it-tliet modalitajiet minħabba li skont studji empiriċi huma l-aktar effettivi. Fl-ewwel sena tat-taħriġ l-istudenti jitgħallmu taħriġ bażiku. Imbagħad fis-sentejn ta’ wara jitgħallmu t-tliet tipi ta’ modalitajiet u fl-aħħar sentejn jispeċjalizzaw fil-modalità li jkunu għażlu.
Biex ikun jista’ jħarreġ lil nies fit-terapija sesswali, it-tabib Mifsud kieku jkun jeħtieġ li jnaqqas mix-xogħol li jwettaq bħalissa u jiddedika ħinu biex jibda t-taħriġ mil-livell ta’ università u jiżviluppa dipartiment dwar is-sesswoloġija, fejn anke jkun ipprovdut kors fil-livell ta’ Masters.
Ovvjament dan il-proċess ma jistax isir mil-lum għal għada u jrid ikun hemm pjan serju kif jitwettqu l-affarijiet.
Barra minn hekk, jekk dan il-proġett ikollu jitwettaq, dawk li jkunu offendew b’mod sesswali jistgħu ma jkunux il-prijorità meta tikkonsidra li hawn tant nies li għandhom problemi sesswali fuq livell ta’ familja, komunikazzjoni u ħajja. Il-kura għal dawn tista’ tkun ta’ aktar prijorità, iżda eventwalment xorta trid tasal biex toffri għajnuna wkoll lil dawk li jkunu kisru l-liġi.
Terapija intensiva
Din it-terapija hi waħda li tieħu fit-tul u li tinvolvi ħafna xogħol. Trid ukoll ħafna riżorsi u trid tingħata fuq bażi regolari u għal tul ta’ żmien.
It-tabib spjegalna li l-ewwel nett trid tibda billi tara xi jkun wettaq is-‘sex offender’. Jekk eżempju dan ikun ittanta żewġ tfajliet taħt l-età għax għalih ma kinux jidhru hekk allura dan jista’ ma jkunx ‘sex offender’. Min ikollu personalità anti-soċjali u jwettaq reat sesswali, mhux se jibbenefika minn terapija sesswali, jekk qabel ma jkunx ikkurat, fejn hu possibbli, mill-problema tal-personalità.
Sitwazzjonijiet fejn ikun hemm bżonn ta’ terapija sesswali jinkudu inkompatibilità sesswali; fejn il-koppja ma tkunx taqbel fuq il-frekwenza jew it-tip ta’ relazzjoni sesswali, każi fejn iż-żwieġ ma jkunx ġie kkonsumat, każi fejn ikun hemm mistħija żejda jew uġigħ bl-attività sesswali, każi ta’ impotenza u każi fejn persuna jkollha ġibda sesswali baxxa wisq.
Hemm differenza bejn persuna ta’ inqas minn 50 sena li ma jkollhiex ġibda sesswali, għal persuna li eżempju tkun tilfet il-ġibda wara l-menopawsa. F’dawn tal-aħħar, speċjalment f’dawk in-nisa li sal-menopawsa kellhom ġibda normali, hemm ċans tajjeb li b’kura bl-ormoni sesswali, il-ġibda tinnormalizza ruħha.
Fejn it-testijiet tad-demm juru ammont normali ta’ ormoni sesswali, allura t-terapija trid tinkludi investigazzjoni tal-personalità u tal-ħajja emozzjonali u interpersonali tal-individwu. F’ċerti każi minn dawn, il-persuna tiġi mgħallma attitudni pożittiva lejn ġisimha u lejn is-sieħeb tagħha kif ukoll lejn is-sesswalità tagħhom. Titgħallem terħi l-kontroll esaġerat u li ma tkunx daqshekk riġida u perfezzjonista.
Jista’ jkun hemm ukoll każi oħrajn fejn ir-raġel ikun jiġi malajr u dan jikkawża frustrazzjoni fil-mara. F’dan il-każ issir terapija bejn il-koppja fejn iż-żewġ persuni jkollhom laqgħat waħedhom mat-tabib u anke sessjonijiet bħala koppja biex jidentifikaw il-problema. It-tabib spjegalna li f’dan il-każ il-koppja tingħata ‘homework’ u wara jipprovdu ‘feedback’ individwali lit-tabib. Isir dan biex il-persuni ma joffendux lil xulxin peress li persuna minnhom tkun sensittiva u nkella t-terapija minflok isservi ta’ ġid iktar titfagħhom lura.
It-terapija dejjem tkun magħmula apposta għall-persuna jew koppja involuta u skont is-sintomi u ċ-ċirkostanzi ta’ dawn il-persuni.
'Sex offenders'
Is-‘sex offender’ hu dak li jikser il-liġi permezz ta’ att sesswali. Fost dawn insibu l-abbuż sesswali fuq it-tfal. It-tabib Mifsud spjega li s-soċjetà tagħmel tajjeb li toħodha kontra min jabbuża mit-tfal, għax it-tfal għandhom ikunu dejjem protetti. Iżda, skont Mifsud is-soċjetà ġieli tagħżel li tara minn għajn waħda biss. Semmielna kif ħadd ma jagħti kas il-ħsara li ssir minn ċerti ġenituri li jkunu qabdu lil uliedhom jimmasturbaw u minflok ifehmuhom li ċerti affarijiet huma ta’ natura privata, u jispjegawlhom fejn u fejn ma jistgħux isiru, jirreaġixxu b’mod esaġerat u anke jsawtu lit-tfal, b’mod li jistgħu jkunu qegħdin jagħmlu ħsara daqs jew anke aktar milli kieku xi ħadd abbużahom sesswalment. Spjegalna li ġieli waqt it-terapija jiskopri li fl-imgħoddi tal-persuna jkun seħħ dan u din l-esperjenza tibqa’ miktuba fil-fond tal-psikoloġija tagħhom. Dawn il-persuni jibda jkollhom problemi biex ikollhom relazzjoni intima, kemm emozzjonali kif ukoll sesswali ma’ persuni oħrajn. Ġeneralment jispjegawlek kif ikunu baqgħu iħossu sens ta’ biża’, mistħija jew ħtija fejn tidħol l-attività sesswali. Ovvjament ma tistax tiġġeneralizza għax jiddependi mill-personalità ta’ dak li jkun, iżda żgur li tħalli effett fuq min ikun vulnerabbli.
Skont it-tabib Mifsud, f’dan ir-rigward, it-tfal mhumiex protetti biżżejjed u minkejja li kulħadd moħħu biex juri kemm jaf, ħadd ma jinduna li ġieli bl-azzjonijiet li jwettaq ikun qed ipoġġi hu stess fil-periklu lit-tfal. It-tabib għamilielna ċara li hu sew li jiġi kkundannat min jabbuża mit-tfal iżda ġibdilna l-attenzjoni li mhu jsir xejn kontra dawk l-oħrajn li bil-mod tagħhom xorta jagħmlu ħsara fuq it-tfal.
Punt ieħor li spjegalna t-tabib hu dwar il-pedofelija. Ħafna minn dawk li jabbużaw mit-tfal huma pedofeli. Il-problema hi li s-socjetà tħobb timxi wisq fuq il-kotba u allura lil ċerti nies tpoġġihom bħala pedofeli u oħrajn tħallihom barra. Il-bniedem adult normali, skont in-natura hu attirat sesswalment lejn persuna ta’ sess oppost u tal-istess maturità. Dan għax in-natura titlob li tkompli r-razza. Fil-fatt iż-żewġ funzjonijiet prinċipali tal-bniedem huma li jieħu ħsieb lilu nnifsu u lir-razza tiegħu. Ċerti persuni ma jiżviluppawx ġibda lejn il-parti ġenitali ta’ persuna tas-sess oppost, fis-sens jekk raġel ikun miġbud b’mod esklussiv lejn il-widnejn jew xi post ieħor li mhux ġenitali tal-mara dik ma tkunx skont in-natura. It-tabib Mifsud għamilha ċara li “mhux qed ngħid x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, imma biss li tali attività mhux se tikkontribwixxi għat-tkomplija tar-razza, li tidher li hu l-iskop li għalih in-natura żviluppat is-sesswalità.”
Meta tikkonsidra lil xi ħadd li jkollu ġibda esklussiva lejn tfal ta’ taħt it-12-il sena dan ma tistax ma tikkonsidrahx bħala pedofelu. Iżda l-kotba ma jgħidux hekk għax jisħqu li persuna jrid iwettaq azzjoni biex ikun pedofelu. It-tabib qalilna li dan it-tip ta’ persuna żgur li mhux normali.
Persuna bħal din x’tagħmlilha? L-ewwel trid iżżomm f’moħħok li tipproteġi lit-tfal. F’ċerti pajjiżi anke jikkonsidraw li b’ċerti ormoni jew metodi oħrajn, inaqqsu jew ineħħu għal kollox il-ġibda sesswali. Wieħed jista’ wkoll jikkonsidra li jagħti terapija li tieħu fit-tul fejn tnaqqas il-ġibda lejn it-tfal u tipprova ddawwarha lejn il-kbar. It-tabib isostni li bniedem qatt ma tista’ tibdlu minn abjad għal iswed u l-aħjar li tista’ ġġibu hu f’xi tonalità ta’ griż.
M’hemm xejn ġenerali dwar x’seta’ kkawża dawn il-każi. L-istatistika fiha nnifisha mhix li tista’ toqgħod daqshekk fuqha. Triq tara kif ikunu saru l-studji u minn min. Ħafna studji, li t-tabib Mifsud għandu riservi għall-metodoloġija li tkun intużat fihom, jgħidu li l-pedofelija tibda minn abbużi sesswali li jsofru dawn il-persuni meta jkunu żgħar. Skont it-tabib barra l-element tal-ambjent jidħol ukoll l-element ġenetiku fejn ħafna drabi jkun hemm aktar minn persuna waħda fir-razza ta’ dak li jkun li jkollha dawk il-ġibdiet.
Edukazzjoni sesswali
It-tabib qal li llum hemm ġenituri moderni li jfehmu lil uliedhom dwar dak li hu tajjeb u ħażin dwar is-sesswalità, fejn it-tfal jitgħallmu jifhmu u mhux ikunu mwerwrin mis-sess. Barra dan, fl-iskejjel qed isir tagħlim b’mod pożittiv.
L-edukazzjoni sesswali mhix biss kif tieħu gost inti, iżda wkoll dwar kif iġġib ruħek bir-rispett lejn ħaddieħor. Inti għandek id-drittijiet tiegħek u l-persuna l-oħra għandha d-drittijiet tagħha wkoll u jista’ jkun li l-persuna l-oħra tkun qiegħda tara l-affarijiet minn lenti differenti.
Is-sesswoloġi moderni jemmnu li kulħadd għandu jieħu l-pjaċir tiegħu fis-sess kif jidhirlu hu, sakemm ma jimponix fuq ħaddieħor u ma jiksirx id-drittijiet, anke emozzjonali, ta’ ħaddieħor.
melvindelsol@hotmail.com
No comments:
Post a Comment